Il-faqar fil-mira tal-baġits tal-Gvern


Il-ġimgħa l-oħra l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ħareġ l-aħħar figuri u inidikaturi relatati mal-faqar għas-sena 2014 u parzjalment ukoll hemm xi indikaturi għas-sena ta’ wara. Kulħadd ikun qed jistenna dawn il-figuri, speċjalment għax għandna gvern li hu kommess li jwaqqa’ ir-rata tal-faqar u n-numru ta’ nies li sfortunatament jkunu f’dan l-istat

Bħal ma għidt fil-konferenza stampa eżatt malli tħabbret din l-istatistika, jiena kont inkun sorpriż li kieku n-numri ma kienux pożittivi bħal ma fil-fatt kienu. Għaliex? Għax fil-pjan tal-gvern, il-miżuri kollha sa mill-ewwel sena u mill-ewwel budget tiegħu kienu u għadhom ppjanati li joħolqu x-xogħol u fl-istess ħin ikattru l-ġid għal kulħadd. Iż-żieda fix-xogħol, fil-ġid, u fid-dħul saret biex tgħin lill-dawk il-familji li jaqilgħu l-inqas sabiex jintrefgħu mid-diffikultajiet li kienu jesperjenzaw. Illum il-ġurnata forsi qegħdin ngħidu aktar minn qabel li sa inkunu qed nikkonċentraw fuq is-saff ta’ isfel.

 

logo orizzont

 

L-istatistika dwar il-faqar turi li dawk li kienu f’riskju ta’ faqar jew inklużjoni soċjali kienu jammontaw għal ftit inqas minn 100,000 ruħ fl-2012.  Issa l-istatistika qed turi li fl-2014  issa waqgħu b’5,000 ruħ. Tajjeb li nfakkar li l-faqar waqaf jiżdied wara biss disa’ xhur minn meta beda ħidmietu dan il-gvern. Jiġifieri fl-2013, għall-ewwel darba, ġew irreġistrati persuni fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar daqas kemm kien hemm is-sena ta’ qabel. Issa xi ħadd jgħidlek imma dan huwa progress? Iva, għaliex ir-rata u numru ta’ nies u familji fil-faqar kienet ilha tiżdiet mill-2004 għal sena wara oħra sal-2012. Kien grazzi għal miżuri bħall-qtugħ tat-taxxa u l-inċentivi li għamilna lin-nisa biex joħorġu jaħdmu, li il-faqar waqaf jiżdied fl-2013. Din kienet aħbar inkoraġġanti.

Il-figuri tal-NSO qed juru li fl-2014, fuq kull front, li issa l-faqar beda nieżel. Tajjeb li niftakru li dawn il-figuri ma jinkludux l-2015 u l-2016, fejn f’dawn is-sentejn ittieħdu aktar miżuri mmirati sabiex jgħinu lill-pensjonanti għax jgħollulhom il-pensjoni minima, u saru diversi miżuri oħrajn bħall-inwork benefit, fejn nies li jaħdmu u jaqilgħu il-paga minima nazzjonali u għandom it-tfal jiġu mgħejjuna.

L-impatt ta’ dawn il-miżuri u oħrajn għad irridu nħossuhom u l-effett tagħhom ser ikun li jkompli jżid ma’ dik l-imbottatura l’ isfel fin-numru ta’ nies li qed jesperjenzaw il-faqar, u b’hekk naraw li l-faqar ser ikompli jonqos b’mod sinjifikanti fil-ħames snin ta’ din il-leġiżlatura.

Fost l-indikaturi, insibu li persuna tkun f’risku ta’ faqar jekk iddaħħal anqas minn 60% tad-dħul medju nazzjonali. Però, xi tfisser li tkun f’riskju ta’ faqar? L-ewwelnett irridu niftakru li jeżistu diversi ċirkostanzi fil-ħajja, ċirkostanzi ta’ qgħad, mard u oħrajn li jikkontribwixxu għad-dħul baxx ta’ familja. Dan ifisser li mhux kull persuna minn dawk it-98,000 jew 97,000 bil-fors huma attwalment fil-faqar.

Però iktar min hekk ħarġu wkoll xi indikaturi għall-2015, u din id-darba ma kienux dwar punti perċentwali u dħul, iżda kienu iktar diretti. Dawn huma n-numru ta’ familji li kienu imċaħħda min xi wieħed jew aktar minn disa’ indikaturi illi meta familja tgħid li hija mċaħħda minn ammont sew minnhom, wieħed jista’ jgħid li l-familja tgħix fil-faqar.

12_ORZ

Fost l-indikaturi għandna jekk familja tistax taffordja btala ta’ darba fis-sena. Dan ma jfissirx illi bilfprs din il-familja trid issiefer. Indikatur ieħor huwa jekk familja tistax taffordja li tixtri appliance bħal ma hija washing machine, jew jekk taffordjax tixtri television tal-kulur, jew mobile telephone, jew karozza, jekk taffordjax illi l-membri tagħhom jieklu laħam jew ħut għall-inqas darba iva u darba le. Dawn huma indikaturi li huma diretti u hemmhekk rajna kambjament kbir pożittiv.

Nerġa ntenni li l-figuri l-oħrajn għad iridu joħorġu, però l-ewwel indikaturi għal 2015 huma pożittivi u jirriflettu dak li konna qegħdin nistennew.

Fil-Ministeru tiegħi, dak tal-Finanzi għandna wkoll studji xjentifiċi li bihom aħna inkunu nistgħu nippjanaw il-budget li jmiss. Jiena persważ li dawn il-miżuri li qed nippjanaw ser jolqtu l-aħjar is-saff ta’ dħul t’isfel f’pajjiżna. Dan il-gvern huwa kommess li f’dawn il-ħames snin, l-ewwelnett naraw tkabbir kbir. Issa dan huwa ċar għal kulħadd għax qed jarha kulhadd, li pajjiżna għandu rata baxxa ħafna ta’ qgħad, anzi fil-fatt hija l-iktar baxxa fl-Unjoni Ewropea. Tajjeb li nirrepeti ċertu fatti biex inkunu ċari.

Li ma kienx ċar u issa qed jiġi kkonfermat mill-istatistika, u ngħid għalija mingħajr ebda sorpriżi, hu li dak li l-pjanijiet tal-gvern qed iseħħu u r-riżultati qed narawhom b’għajnejna. Il-ġid verament qed jinfirex bil-mod il-mod. Fejn qabel konna drajna li kull sena jiżdiedu n-nies fil-faqar, jew f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, dan il-gvern irnexxielu jdawwar ir-rotta u issa qed naraw ilkoll kif dan in-numru beda jinżel l-isfel. Nisperaw illi sena d-dieħla inkunu nistgħu inħabbru iktar figuri pożittivi fejn jindikaw b’mod ċar illi l-miri tal-gvern f’dan il-qasam qegħdin jintlaħqu.

 

Il-Ġimgħa 30 ta’ Settembru 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *