Għaqal bi flusek


Din il-kampanja elettorali se titpoġġa fl-istorja tagħna għal ħafna ‘records’ jew ‘firsts’. Jekk inpoġġu mal-ġenb il-fatt li se tkun l-itwal kampanja fl-istorja, l-iktar li se tispikka se tkun l-użu ta’ valuri finanzjarji jew ‘costings’ tal-miżuri li tpoġġew fil-manifesti elettorali taż-żewg partiti ewlenin.

euroB’wiċċna minn quddiem ngħidu li l-kawża għal dan kien il-Partit Laburista. Niftakru l-kantaliena ta’ minn fejn se nġibu l-flus fir-rigward tar-roħs tat-tariffi tad-dawl u l-ilma li l-mexxej Dr Joseph Muscat kien wiegħed iktar minn sentejn ilu. L-impli­kazzjoni tal-mistoqsija kienet li min qed jistaqsi m’għandux idea tas-suġġett u jaħseb biss li biex traħħas it-tariffi trid jew taqta’ minn x’imkien ieħor jew iżżid it-taxxi.

 

Ir-risposta tagħna kienet dejjem konsistenti. Il-gvern messu għandu pjan fis-seħħ dwar l-enerġija. Meta beda riesaq iż-żmien Dr Muscat stqarr li mhux biss se jgħid kemm u meta se jorħos id-dawl u l-ilma iżda se jgħid ukoll kif. Din kienet l-ewwel darba fl-istorja li miżura mħabbra fil-manifest elettorali ġiet maħduma b’tant dettal minn esperti internazzjonali. Mhux hekk biss. Dr Muscat kompla jgħid li l-miżuri l-oħrajn kollha ġew kkostjati wkoll. Fil-fatt meta bdew jitħabbru ftit ftit, kuljum beda jingħatalhom valur finanzjarju minnbarra dettalji oħrajn. B’hekk il-Partit Laburista beda juri l-kredibilità b’dak li kien qed jipproponi.
Il-partit tal-gvern li għandu ferm aktar riżorsi, għax bħal dejjem ma jiddejjaqx juża l-operat tal-gvern għal skopijiet partiġġjani, malajr kellu jipp­repara l-‘costings’ tiegħu u jipp­repara speċi ta’ pjan fi­nanz­jarju biex jgħid minn fejn se jġib il-flus.
Illum nafu li l-pjan tal-PN se jiswa lil kaxxa ta’ Malta nefqa ta’ €1,100 miljun fuq medda ta’ erba’ snin.
Issa kieku dawn iż-żminijiet kienu normali fejn l-ekono­mija qiegħda tikber b’rata qaw­wija, ta’ iktar minn 4% f’temini reali, u d-dejn huwa f’livell baxx, ngħidu aħna ta’ 12%, bħalma kien ħallieh fl-1987 il-Partit Laburista, wie­ħed forsi kien jgħid li din in-nefqa fenominali setat forsi tiġi assorbita.
Imma llum nafu sew x’inhi l-qagħda finanzjarja veru ta’ pajjiżna u kif se jħalliha dan il-gvern. ‘Rating agency’ wara l-oħra, il-Fond Monetarju Internazzjonali, u fuq kollox il-Kummissjoni tal-Unjoni Ew­ropea kollha flimkien vuċi waħda jgħidulna li l-po­żizzjoni finanzjarja ta’ pajjiżna hi prekarja u m’għandiex dak “l-ispazju fiskali biex timmanuvra”. Standard and Poors jgħidu wkoll li dan l-ispazju u din il-flessibilità, il-Gvern ilu li tilifhom.
Imma l-partit fil-Gvern għandu r-risposta anke għal dan. Bħad-dinja tal-maġija jgħi­dilna li dan il-pjan mhux se jżid in-nefqa kurrenti tal-gvern aktar minn……………….. Aqtaw! €24 miljun biss fis-sena. U biex ikompli jimmera­viljana u jimmeżmerizzana jgħidlna li l-ħolma ta’ kull membru taż-Żona Ewro li xi darba jagħmel ‘surplus’ fil-bilanċ baġitarju u li jwaqqa’ d-dejn għal 60% se jirnexxillu jottenijhom hu fl-2016 u fl-2017 rispettivament.

 

Premessi kruċjali

 

Biex jirnexxilu jagħmel dan il-pjan PN għamel żewg premessi kruċjali li ekonomista professjonali hu mgħallem li m’għandux jinjora. L-ewwel hemm dik li l-pjan jassumi li t-tkabbir għas-snin li ġejjin jitla’ ferm akbar milli qegħdin ibassru għalina sew l-aġenziji internazzjonali u sew il-Gvern innifsu fil-konfront mal-Kummissjoni Ewropea.
It-tieni hemm il-premessa kbira li dan l-istess Gvern f’leġiżlatura oħra jkun kapaċi jaqta’ l-ħela u t-tberbieq żejjed u b’għaqal kbir jiffranka u jagħ­mel qtugħ fl-ispiża tal-Gvern bi 2%. Dan ‘across the board’ ifisser li kull sena l-Gvern jagħmel qtugħ ta’ €43 miljun mill-qasam Soċjali, €11 il-miljun mis-saħħa u €10 miljun mill-edukazzjoni. Dan biex jagħmel spazju għal żidiet addizzjonali mwegħdin fil-programm elettorali tal-PN. Ma titwemminx.
Min-naħa tiegħu l-Partit Laburista qed jipproponi miżuri li huma magħrufin fid-dinja ekonomika li jkabbru l-potenz­jali ekonomiċi biex pajjiżna jkun jista’ jgawdi minn rati ta’ tkabbir ekonomiku għola minn dak li qegħdin naċċettaw illum. Quddiem nett hemm il-bdil tas-sors tal-ener­ġija għal pajjiżna miż-żejt għall-gass, l-introduzzjoni rivo­luzzjonarja ta’ ‘child care centres’ b’xejn għal kulħadd, u miżuri oħrajn fosthom l-Active Labour Market Policies li huma mmirati biex jgħinu jkabbru l-potenzjal tal-ekonomija.
Insemmu wkoll it-tnaqqis tal-burokrazija u tal-korruzzjoni li xxekkel lill-investiment lokali u barrani. It-tkabbir ekonomiku u tax-xogħol qegħdin nippjanawh u naħdmu għalih u mhux nassumuh.
Dwar il-miżuri l-oħra, il-PL kien kuraġġuż u stqarr li ma setax jilqa’ kull miżura li ġiet proposta lilu u li pajjiżna għal issa ma jaffordjax. Ma qagħdx ilaqlaqha. Biex inkunu kredibbli u responsabbli ma jistax ikollna pjan li jwassal għall-falliment finanzjarju ta’ pajjiż­na.
Bil-proposta tal-Partit Labu­rista ta’ nefqa rikorrenti addizjonali ta’ €322 miljun u li wkoll nikkommettu s-somma ta’ €416 miljun minn fuq in-nefqa kapitali li hi proġettata għas-snin li ġejjin, urejna li anke kieku fl-agħar xenarju, fejn Malta tibqa’ kif inhi, id-dejn kapaċi nwaqqfuh tielha. Anzi nistgħu nirriversjawh lura bil-mod. L-istess d-defiċit. Naraw li fl-aħħar sena tal-leġiżlatura li jmiss inkunu niżżilnih għal figura nsinifikanti ta’ nofs perċentwal. Għal kuntrarju wrejna ċar li l-pjan tal-PN f’dan ix-xenarju jkompli jipperikola l-finanzi pubbliċi tagħna bħalma dejjem għamel dan il-gvern tul dawn l-aħħar snin.
Il-Partit Laburista għalhekk hu seren dwar il-pjanijiet ekonomiċi u finanzjarji tiegħu. Huwa ottimist li se jdawwar is-sitwazzjoni tal-lum minn tkabbir ekonomiku anemiku għal tkabbir ekonomiku għola biex veru joħloq ix-xogħol u l-ġid li għandu jitqassam lil kulħadd. Fl-istess ħin moħħu mistrieħ li taħt kwalunkwe xenarju għal ħames snin li ġej­jin il-proposti tiegħu jibqgħu fattibli u mhux se jipperikolaw l-finanzi ta’ pajjiżna.
Jien kburi li tgħajt sehmi biex dan il-pjan finanzjarju jsir u nixtieq verament narah jitwettaq għall-ġid ta’ pajjiżna.

 

orizzont_logo

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 28 ta’ Jannar, 2013.

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *