Għaliex insemmu ċ-Ċina


Kemm huwa tajjeb li nippromwovu l-pajjiżna. Ftit tal- ġranet ilu għadni kif mexxejt delegazzjoni lejn iċ-Ċina magħmula minn l-ogħla uffiċċjali tal-Borża ta’ Malta kif ukoll minn numru ta’ financial practitioners, avukati u accountants, li jaħdmu fis-settur tas-servizzi finanzjarja u l-investiment.

L-għan primarju taż-żjara tagħna ġewwa iċ-Ċina kien li niltaqgħu wiċċ imbwiċċ ma’ individwi li jokkupaw karigi fejn jieħdu id-deċiżżjonijiet u nispjegawlhom il-viżżjoni u l-istrateġiji għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna u x’għandha x’toffri Malta għal-investituri. Minħabba li Malta qiegħda ferm il-bogħod mir-radar screen ta’ dawn il-pajjiżi, żjarat bħal dawn huma essenjali.

 

orizzont thumbnail

 

Filwaqt li b’wiċċna minn quddiem, mingħajr ma  niddejjqu nuru kemm l-ekonomija Maltija sejra tajjeb ferm aħjar mill-maġġoranza tal-pajjiżi ewropej, irridu inkunu attenti u nevalwaw kull opportunita’ ta’  investiment ġewwa pajjiżna għas-snin li ġejjin.

L-ewwel impenn tagħna ġewwa ċ-Ċina kien fil-Belt kapitali Beijing. F’din il-Belt, b’popolazzjoni ta’ seba’ u għoxrin miljun individwu, hija il-belt fejn jinsabu l-awtoritajiet politiċi li jmexxu lil dan il-pajjiż. Hemmhekk iltqajna ma’ numru ta’ uffiċjali għolja ta’ banek ewlenin, inkluż il-Bank of China u li fuqhom nkunu nistgħu nħabbru żvillupi pożittivi.

Minn hemm żorna Shangai, li hija il-belt kummerċjali taċ-Ċina, belt li qiegħda tinbidel bil-minuti, riżultat ta’ investiment kontinwu kemm f’dik li hija kostruzzjoni ta’ binjiet li huma arkittettonikament attrajenti u innovattivi u li qed iwasslu biex il-belt tkun dinamika u akkoljenti għan-negozju.

Hawnhekk irrid insemmi li filwaqt li ċ-Ċina tħaddan politika ċentraliżżata, fejn jidħol is-settur ekonomiku kollu, hi mhux biss qed tħaddan  deċentraliżżazzjoni fit-teħid ta’ deċiżżjonijiet iżda hemm suq liberaliżżat għal kollox. Din l-istrategija tant qed tħalli frott li illum wieħed isib li hemm ferm iktar biljunarji ġewwa iċ-Ċina milli wieħed isib fl-Istati Uniti tal-Amerika. Forsi wieħed diffiċli li jifhima, imma dan huwa stat ta’ fatt.

ORI1_4

Għal bosta snin, iċ-Ċina irreġistrat tkabbir ekonomiku fenomenali, ferm ikbar minn kull pajjiż ieħor. Is-sitwazzjoni ekonomika mondjali ukoll ħalla l-effett tiegħu, fuq dan iċ-Ċina li naqqas ir-ritmu ta’ dan it-tkabbir. Pero’ it-tnaqqis kien ifisser li minflok l-ekonomija tkompli tespandi bir-rata ta’ tnax fil-mija fis-sena, din naqqset għal tkabbir ta’ sitta punt seba’ fil-mija fis-sena, liema rata ta’ tkabbir hija viċin it-tkabbir li ġie irreġistrat ġewwa Malta għas-sena l-oħra. Filwaqt li rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ madwar seba’ fil-mija hija ikkunsidrata bħala tkabbir eċċellenti għal-pajjiżi ewropej, fil-każ taċ-Ċina, pajjiż li f’ċertu sens hu meqjuż li għadu qed jikber sabiex jilħaq it-targets tiegħu, allura din ir-rata titqies bħala tkabbir moderat. Jekk iċ-Ċina jirnexxiela iżżomm din ir-rata ta’ tkabbir għas-snin li ġejjin, allura hemm probabbilta’ kbira li l-ekonomija tagħha ma tgħaddiex minn ebda skossi u il-ġid ekonomiku ikompli jibqa’ jiġi imgawdi mingħajr ma jkun hemm piżijiet u konsegwenzi koroh għal-poplu Ċiniż.

Tul dawn is-snin ta’ tkabbir ekonomiku, iċ-Ċina kienet bil-għaqal u faddlet biljuni u triljuni ta’ riservi ta’ flus mill-profitti li saru mill-esportazjoniji tal-prodotti ta’ manifattura li kienet qed tagħmel. Irrid infakkar li kwalunkwe’ oġġett, anki meta’ ir-riċerka u l-innovazzjoni tkun saret ġewwa l-Ewropa, fejn tidħol il-manifattura tal-oġġett, dan kien qed isir ġewwa iċ-Ċina u li mbagħad dawn il-prodotti kienu jiġu distribwiti mad-dinja kollha. Dan il-fattur wassal sabiex iċ-Ċina tispiċċa pajjiż sinjur li għandu ħafna riservi finanzjari x’jinvesti. Issa wasal iż-żmien liċ-Ċina tinvesti dan il-ġid li akkumulat b’mod għaqli f’opportunitajiet u investimenti li jinħolqu mhux biss ġewwa iċ-Ċina imma anki mill-pajjiżi l-oħra kollha.

Iċ-Cina qegħda aċċana u qed tħuf u tara fejn qed jinħolqu dawn l-opportunitajiet. Il-Qawl Malti jgħid “Tistenniex il-bajtra taqa’ f’ħallqek”. Int trid tagħmel il-parti tiegħek u tmur tfittex u tbiegħ il-prodott tiegħek qabel ħaddieħor.

Għalhekk kien opportun li nmorru ġewwa iċ-Ċina u nisimgħu bl-idejat tagħhom ta’ f’hix jixtiequ jinvestu u fl-istess ħin aħna naraw u ngħidulhom bl-opportunitajiet li jeżistu għalihom li jinvestu. L-aħjar nies li jistgħu isarfu ix-xewqat fattwali huma id-ditti tal-avukati u tal-awdituri u taċ- Chamber of Commerce tagħhom. Dawn għandhom il-polz tas-settur tan-negozju f’idejhom u huma in-nies li jwasslu biex ilaqqgħu l-investituri ma’ l-imprendituri.

Xogħolna matul din iż-żjara kien li nuru li pajjiżna jinsab lest li jilqa’ dan l-investiment. Ġie spjegat kif għalkemm ir-reġjun mediterran bħalissa hu daqsxejn instabbli, dan l-istess fatt għandu jwassal għall-opportunitajiet kbar għal min irid jinvesti. Il-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta, qrib kemm il-pajjiżi ewropej kif ukoll qrib il-pajjiżi tal-kontinent Afrikan. Huwa fattur important li jiġi attirat investment ġewwa pajjiżna. Dan il-punt, l-investituri Ċiniżi xtarruh u fehmuh u jien konvint li fix-xhur li ġejjin, inkunu nistgħu inħabbru ftit minn dan l-investiment li l-uffiċċjali tas-settur privat li akkumpanjani, irnexxielhom jattiraw lejn pajjiżna għal ġid tal-poplu Malti kollu.

Hekk għandu jimxi Gvern bil-għaqal li jpoggi l-interess tal-pajjiż qabel kull interess ieħor.

 

Il-Ġimgħa 1t’ April 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *