F’ġieħ Is-Saltna tad-Dritt


F’ġieħ Is-Saltna tad-Dritt

Dak li jiddistingwi stat demokratiku, fejn kollox jimxi bl-ordni, minn stat fejn tirrenja l-liġi tal-ġungla, fejn min hu l-aqwa jħawwel, huwa t-tħaddim ta’ dak li l-Ingliżi jirreferu għalih bħala ‘law and order’, funzjoni li toħroġ mir-‘Rule of Law’. Aħna, bħala Maltin, nirreferu għal dan bħala t-tħaddim tas-Saltna tad-Dritt. Sitwazzjoni li ma timxix waħedha, imma li jrid ikun hemm min imexxiha, min iħaddimha. Huwa għalhekk li ewlieni fost il-prinċipji għal dan il-għan hemm id-dritt, u d-dmir, tal-poplu li jeleġġi, jagħżel, b’mod demokratiku permezz ta’ elezzjoni lil min imexxih fl-ordni u fil-paċi.

Sintendi, dak ikun il-punt tat-tluq. Minn hemm ‘il quddiem ikun hemm ħafna affarijiet x’isiru biex titħaddem id-demokrazija speċjalment fid-dinja tal-lum fejn il-livell edukattiv tal-poplu huwa għoli ħafna u mifrux. U dan huwa tajjeb għax b’hekk ma jkollokx  biss sezzjoni żgħira li tikkmanda. Ikollok ħafna istituzzjonijiet li kollha jkollhom il-kapaċità, u jkunu fid-dmir, li jikkontribwixxu għat-tħaddim tad-demokrazija fil-pajjiż.

Huwa għalhekk li f’kull pajjiż demokratiku bħalna ssib istituzzjonijiet fid-diversi oqsma tal-ħajja. Għandna primarjament il-Kostituzzjoni, il-Qrati, il-Parlament. Hemm ukoll il-fatt li aħna membri tal-Unjoni Ewropea u allura  niffurmaw parti mill-istituzzjonijiet tagħha, li huma ħafna.

 

Sħubija bħal din tkun tfisser ukoll li l-istituzzjonijiet tiegħek jkunu suġġetti għall-iskrutinju tal-korp li tkun tifforma parti minnu, hu x’inhu dan il-korp. Ġej minn liema settur ġej. Eżempju klassiku ta’ skrutinju bħal dan sar meta pajjiżna applika biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Skrutinju li qatt m’għandek tibża’ minnu, għax finalment tali skrutinju jwasslek biex ikollok istituzzjonijiet aġġornati u aktar b’saħħithom. Bżonn ta’ aġġornament ikun hemm dejjem. Huwa minnu li jista’ jkollok min jibbrilla fi tmexxija ta’ istituzzjoni u min le. Imma mhux bilfors ikun ifisser li jekk tul iż-żmien jiżviluppaw difetti jew il-ħtieġa ta’ aġġornament f’xi istituzzjoni allura jkun ifisser li hemm bżonn tibdila fit-tmexxija tal-istituzzjoni konċernata. Aktar u aktar meta l-istituzzjoni tkun qed titmexxa fuq il-qafas ta’ liġijiet provduti lilha mill-Istat.

F’ċirkostanzi bħal dawn wieħed għandu jsaħħaħ l-istituzzjoni konċernata u mhux jipprova biex b’xi mod jimminaha, idgħajjifha u joskuraha mal-poplu. It-titjib isir b’mod demokratiku, b’diskussjonijiet u mhux bl-għajjat biex tneħħi lil dak u lill-ieħor u tagħmel oħrajn flokhom.

Biex ikollok tibdil għall-aħjar trid tara x’inhu dak li jinħass li għandu jinbidel fl-istituzzjoni konċernata. Forsi wieħed jistaqsi mnejn għandu joriġina dak li jkun qed jiġi propost; imnejn għandhom jiġu l-ideat biex isiru liġijiet ġodda jew oħrajn biex jemendaw dawk antiki. Ikun hemm min jgħidlek li dawn għandhom jittieħdu mill-Programm Elettorali. Imma anke għal dan tqum il-mistoqsija: l-ideat tal-Programm Elettorali mnejn ġew?

Ikollok taqa’ fuq l-opinjoni pubblika. Jista’ jkollok il-unions. Jistgħu jkunu għaqdiet non-governattivi. Tista’ tkun il-midja. Hemm diversi sorsi ta’ opinjoni pubblika li jistgħu jservu biex jagħmlu pressjoni.

Il-Baġit, fih innifsu, ukoll ikun qed jimplimenta tibdiliet u l-mod kif nilqgħu għall-isfidi għall-futur. Din hija xiħaġa normali, imma jekk ikun tibdil li jikkonċerna istituzzjonijiet allura d-diskussjonijiet ikunu aktar elevati u fihom ikunu jridu jkunu involuti l-partiti politiċi flimkien ma’ ħaddieħor. Primarjament jekk qegħdin nitrattaw il-Kostituzzjoni, li hija l-organu li jirregola x’liġijiet jistgħu jiġu permessi fil-pajjiż.

Fl-ambitu ta’ dan kollu hemm l-opinjoni pubblika, li tkun riflessa f’dak li jinkiteb fil-ġurnali, dak li jkun mistqarr fuq mezzi oħrajn tax-xandir, min ikunu dawk li jkunu qegħdin jikkontribwixxu, kemm huma influwenti u kemm hija kbira l-influwenza tagħhom.

Iżda wieħed jistaqsi: dawn is-sorsi ta’ influwenza fuq l-opinjoni pubblika, kollha għandhom l-istess qawwa? Fl-opinjoni tiegħi ngħid li le. F’pajjiżna, pajjiż maqsum politikament, min jitkellem b’mod partiġġjan ma tantx jikkonvinċi. Min kien sieket għal ħafna snin taħt amministrazzjonijiet preċedenti u sab il-vuċi issa, taħt amministrazzjoni preżenti, ma tantx se jikkonvinċi.

L-aktar li jikkonvinċu huma dawk li jitkellmu objettivament. Tkun xi tkun l-opinjoni politika tiegħu, la darba jitkellem b’mob objettiv, b’mod indipendenti, tkun min tkun l-amministrazzjoni tal-pajjiż. Dawk li jitkellmu dwar dak li jħossu li huwa sewwa u ġust.

X’differenza minn min ikun qed jitkellem bi skop politiku partiġġjan! Minn min jipprova jagħmel kollox ballun politiku bil-għan li jiskorja ftit punti partiġġjani. Dan mhux sewwa. Agħar minn hekk huwa li bi skop malinn tipprova ddgħajjef l-istituzzjonijiet.

Nagħti eżempju biex ninftiehem aħjar. Jirriżultaw difetti f’binja li tkun ilha mibnija xi 60 sena u għax jiġri hekk tikkritika, tgħajjar, lil min ikun qed jgħix fiha llum! Dan m’għandux ikun. L-aktar li għandek tagħmel huwa li tara min kien ippjana din id-dar, min bniha u kif setgħu rriżultaw id-difetti tal-lum. Imma jekk verament trid tkun pożittiv tara kif tista’ tirranġa d-difetti li żviluppaw u mhux tmur mal-erba’ irwiefen tad-dinja tgħajjat f’liema diżastru tinsab dik il-binja. B’daqshekk ma tkun qed tagħmel ebda ġid.

Is-serjetà, ir-responsabbiltà, jitolbu attitudni pożittiva u onesta fl-interess tal-pajjiż. Fil-kuntest tal-lum huwa importanti li jkun hawn l-għaqda. Li jitwarrab l-interess partiġġjan. Li ssir diskussjoni serja bilgħan li twassal għal aġġornament tal-Kostituzzjoni li jwassal għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet li taħseb għalihom il-Kostituzzjoni. Hija xiħaġa normali u li kull pajjiż jgħaddi minnha. Huwa għalhekk fl-interess tal-pajjiż li min huwa influwenti jersaq ‘il quddiem bl-opinjonijiet tiegħu. Dan kollu fl-interess u f’ġieħ Is-Saltna tad-Dritt.

Il-Ġimgħa 3 ta’ Novembru 2017

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *