Faqar ta’ pajjiżi sħaħ


Ġimgħatejn ilu esperjenzajna għal darb’oħra kemm il-poplu Malti u Għawdxi huwa wieħed ġeneruż. Il-ġbir li sar għall-Istrina u għad-Dar tal-Providenza huma prova mill-akbar. Ma ninsewx li tul is-sena jkollna diversi kampanji oħra ta’ ġbir li l-għanijiet tagħhom huma varji. Dan jinkludi ġbir li jkun immirat primarjament b’risq il-Missjonijiet li tmexxi l-Knisja Kattolika Maltija f’diversi postijiet madwar id-dinja.

Għax għandu jingħad li hemm faqar u faqar. Li għalkemm jibqa’ dejjem faqar, hemm differenza kif tindirizzahom. Hemm il-faqar rifless fin-nuqqas ta’ affarijiet essenzjali u bażiċi għall-ħajja ta’ kuljum, bħalma huwa l-ikel, l-ilma, l-ilbies. Dan huwa tip ta’ faqar li fil-ġlieda kontrih jispikkaw l-aktar il-Missjonijiet. Faqar lokalizzat, fejn il-Missjonijiet jiffukaw fuq popolazzjoni ta’ belt jew zona speċifika.

Inizjattiva li qegħda timbotta Malta bħalissa fl-Unjoni Ewropea hija li l-Bank Ewropew għall-Investiment ikollu kumpanija sussidjarja li tkun orjentata aktar lejn pajjiżi sotto-żviluppati. Huwa fl-interess ta’ pajjiżna u ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn li dan iseħħ.  

Hemm imbagħad il-faqar aktar vast u li jkun jolqot popolazzjonijiet ferm u ferm akbar minn dawk li jkunu qegħdin jikkumbattu l-Missjonijiet. Faqar li ġej minn nuqqas  ta’ żvilupp u li normalment ikun fil-mira ta’ ħidma kollettiva kontrih immexxija mill-Ġnus Magħquda, jew ukoll mill-Unjoni Ewropea li minn żmien għal żmien tiffissa għanijiet speċifiċi li jridu jintlahqu mill-pajjiżi żviluppati fuq perjodu ta’ żmien. F’miri bħal dawn ikun hemm pajjiżi li għadhom sotto-żviluppati li fihom wieħed jinnota r-rati għoljin ta’ imwiet fost it-tfal, fost l-ommijiet waqt li jkunu qegħdin iweldu, tip ta’ mard li minn pajjiżi oħrajn ikun ilu eradikat jew kontrollat ħafna li ma joffrix theddida. Pajjiżi fejn il-livell edukattiv ikun mill-aktar baxx, kif ukoll fejn jidħol ambjent.

Faqar li tikkumbattih mhux biss billi tkun ġeneruż imma billi jitfasslu progetti speċifiċi biex jgħinu lil zoni partikolari jgħollu l-livell ta’ għixien. Proġetti bħalma huwa bini ta’ skejjel, kliniċi, oqsma ta’ djar, istituti, proġetti ekonomiċi li jwasslu biex jipprovdu ikel lill-komunitajiet. Esperjenzajt ħafna proġetti bħal dawn meta żorthom fuq missjonijiet tal-Parlament Ewropew meta servejt bħala Membru Parlamentari Ewropew.

Proġetti li jkollhom impatt fuq iz-zona partikolari imma mbagħad l-istorja tkun differenti meta tinkwadraha fil-pajjiż kollu. Il-problemi ta’ pajjiż sotto żviluppat huma ferm aktar kumplikati. Hemm il-qasam kummerċjali estern. Inutli tagħti l-flus lil pajjiż biex jibda jipproduċi xiħaġa jekk imbagħad ma tkunx lest tixtri mingħandu. Ħafna drabi pajjiżi bħal dawn ikollhom jiffaċċjaw ħafna burokraziji apparti l-livelli ta’ produzzjoni li jkunu qegħdin jitolbu pajjiżi importaturi. Dan iwassal biex il-problema tibqa’ ma tkunx riżolta għax ma jkunux jistgħu jesportaw. Il-pajjiżi jikbru, jiżviluppaw, għax ikabbru l-kummerċ tagħhom.

Ma jfissirx li l-problema tkun dik biss li tirrigwarda esportazzjoni. Hemm il-problemi ta’ nuqqas ta’ demokrazija, fejn id-dittatura toħloq diskriminazzjoni enormi fejn jirrigwarda tqassim ta’ ġid. Huwa għalhekk li l-Unjoni Ewropea tesiġi li biex tgħin finanzjarjament lil xi pajjiż partikolari jkun assigurat li tali pajjiż ikun iħaddan id-demokrazija. Għalhekk tesiġi li jkun hemm elezzjonijiet demokratiċi, liema elezzjoniiet ikunu osservati mill-qrib minn delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew. Anke hawn kelli l-esperjenza li nattendi u nosserva elezzjonijiet bħal dawn f’pajjiżi Afrikani bilgħan li kollox jimxi b’mod ġust. Xorta jkun diffiċli, għax fejn ikun hemm nuqqas ta’ demokrazija jirbaħ min ikollu s-saħħa.

Fi Frar 2011 bħala Membru Parlamentari Ewropew, kont il-Kap ta’ Delegazzjoni ta’ 80 uffiċjal mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea mibgħutin biex nosservaw l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Uganda.

Hemm imbagħad il-faqar kawżat minn  nuqqas ta’ edukazzjoni. Kif jista’ jkollok edukazzjoni ta’ livell tajjeb meta jkollok skejjel li ma jkollhomx għalliema adekwati? Skejjel fejn is-suppost klassijiet tagħhom ikunu agħar minn maqjel. Klassijiet neqsin mid-dawl, bi blackboard qadim, fejn ma jeżistux siġġijiet biex fuqhom joqogħdu bilqegħda t-tfal  imma jkollhom biss twavel. Fejn fil-klassijiet ma jeżistux bankijiet, fejn kotba ma jkunx hemm, jekk ikun hemm, ftit li xejn. Kif jistgħu jitgħallmu t-tfal f’kundizjonijiet bħal dawn?

Dawn huma sitwazzjonijiet li mbagħad iwasslu biex it-tfal jiċċaħħdu mill-opportunitajiet li jitgħalmu, li jilħqu ċerti livelli, li jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom. Fl-istess sitwazzjoni jkun il-qasam tas-saħħa. Kif jista’ jkollu servizz tas-saħħa tajjeb jekk m’għandekx mediċini?

Dan huwa n-negattiv f’pajjiżi bħal dawn. Imma ma jfissirx li m’hemmx il-pożittiv ukoll. Anzi hemm ħafna pożittiv kif rifless fid-dinamiżmu fost iż-żgħażagħ li xorta għandhom il-grinta biex jirnexxu. Żgħażagħ li huma bravi, li huma determinati li jirnexxu allavolja.

Meta nitkelmu dwar il-kontinent Afrikan m’aħniex nitkelmu dwar pajjiż wieħed, imma dwar 52 stat indipendenti minn xulxin, fejn minn estrem tmur għal ieħor. Hemm imbagħad il-pajjiżi fin-naħa t’isfel tal-Afrika li jipprattikaw id-demokrazija u li mexjin ‘il quddiem. Il-pajjiżi Afrikani membri tal-Commonwealth għandhom livelli tajbin u jridu jirnexxu imma xorta għandhom ostakoli x’jaqbżu biex jaslu fejn qegħdin il-pajjiżi Ewropej.

Imbagħad għandek pajjiżi oħrajn, bħalma huwa s-Sudan u l-Kongo, rikki fir-riżorsi naturali imma bi problemi kbar ta’ korruzzjoni, ta’ kumpaniji li ma jħallsux taxxi li huma dovuti jħallsu. Hemm taħlita kbira u għalhekk wieħed m’għandux ipoġġi lil kulħadd f’basket wieħed.

Huwa għalhekk li meta niġu għal għajnuna minn pajjiż lil ieħor ma tkunx qed titkellem mil-livell ta’ għajnuna li tagħti l-Missjoni tal-patri u tas-soru. Qegħdin nitkelmu minn livelli ogħla minn hekk. Qegħdin nitkellmu fuq demokrazija, fuq saltna tal-liġi, fuq investimenti, fuq banek ta’ żvilupp.

Inizjattiva li qegħda timbotta Malta bħalissa fl-Unjoni Ewropea hija li l-Bank Ewropew għall-Investiment ikollu kumpanija sussidjarja li tkun orjentata aktar lejn pajjiżi sotto-żviluppati. Huwa fl-interess ta’ pajjiżna u ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn li dan iseħħ.

Hemm żewġ raġunijiet li għalihom għandu jsir hekk. L-ewwel raġuni hija li moralment mhux aċċettabbli li fiż-żminijiet tal-lum ikollok tfal li jmutu bil-ġuħ, li jmutu bil-mard għax ma jkollhomx mediċini adegwati jew għax għandhom ilma kontaminat. Li ma jkollhomx skejjel biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom.

It-tieni raġuni hija li jekk ikun hemm żviluppi industrijali u ekonomiċi f’dawn il-pajjiżi jkollok inqas emigrazzjoni mingħandhom lejna. Ikun hemm inqas pressjonijiet biex ifittxu ħajja aħjar bogħod minn pajjiżhom. Ikunu jistgħu jgħinu aktar lilhom infushom biex inqas ikollhom bżonn l-għajnuna mingħand ħaddieħor. La darba ma jibqgħux pajjiżi sotto-żviluppati jkunu jistgħu jesportaw u jimportaw. Ikunu aktar attrezzati turistikament u r-rota ddur b’mod aktar produttiv, bil-livell tal-għixien jogħla għal kulħadd.

Lura mnejn bdejt. Hemm faqar differenti minn ieħor. U għalhekk meta nisimgħu bi programmi ta’ għajnuna minn pajjiżi minn ħdan l-Unjoni Ewropea, fosthom Malta, lil xi pajjiż ieħor, għandna nagħmlu distinzjoni biex il-ħidma tal-Missjonijiet fuq livell ta’ villaġġ jew zona partikolari u dik tal-Gvernijiet li jridu jagħmlu dmirhom biex xi darba ma nibqgħux naraw faqar inaċċettabbli kemm fil-kontinent Asjatiku kif ukoll dak Afrikan.

Il-Ġimgħa 12 ta’ Jannar 2018

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *