Ekonomija b’saħħitha b’ruħ soċjali


Il-ġimgħa l-oħra, l-imsieħba socjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) ġew imlaqqa’ biex jiġu ppreżentati b’kunċett ġdid li ġej mill-Unjoni Ewropea. Dan il-kunċett joħroġ minn diskors tal-President tal-UE Jean-Claude Juncker, fejn semma’ l-kunċett tal-pilastru tad-Drittijiet Soċjali. Hawnhekk qed nitkellmu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-ugwaljanza, is-saħħa u l-edukazzjoni. Jiġifieri affarijiet li kull ċittadin jixtieq u jistenna li jkollu f’pajjiżu.

orizzont thumbnail

 

Però jekk naħseb ftit dwar dan kollu, l-ewwel ħsieb li jgħaddi minn moħħi huwa; mela l-Unjoni Ewropea ma kinitx magħrufa minn kulħadd għall-mudell ta’ ekonomija b’saħħita b’ruħ soċjali? Din id-dimensjoni soċjali hija l-fattur ewlieni li jiddistingwi lilna l-Ewropej mill-Amerikani. Għax l-ekonomija Amerikana hija magħrufa għall-kapitaliżmu sfrenat fejn qajla hemm post għad-dimensjoni soċjali.

L-Ewropa dejjem enfasizzat din id-dimensjoni anke akkost li pajjiż ikollu tkabbir ekonomiku iktar modest min dak f’pajjiżi oħra. Mela x’ġiegħel l-Unjoni Ewropea biex terġa’ tibda xxejjer il-bandiera tar-ruħ soċjali u terġa’ tvara din il-kampanja dwar il-pilastru tad-drittijiet soċjali? Biex nifhmu dan, irridu mmorru ftit lura u naraw l-istorja riċenti ta’ l-Unjoni Ewropea.

Fl-2008 faqqgħet l-ikbar kriżi finanzjarja dinjija li qatt esperjenzajna mill-Great Depression tal-1929 lill-hawn. Din bdiet fl-Amerka u infirxet għall-Ewropa, fejn bank wara l-ieħor bdew ifallu u ġabu riċessjoni kbira. Għall-bidu, r-reazzjoni għal-din ir-riċessjoni kienet id-dominata minn dak li fl-ekonomija nsejħulu l-Keynesian Approach, jew l-aġir skont il-ħsibijiet ta’ John Maynard Keynes. Dan Keynes kien riformista fil-qasam tal-ħsieb ekonomiku, u biddel għal kollox il-mod ta’ kif wieħed juża l-ispiża tal-gvern biex jikkontrolla l-ekonomija. Keynes kien ħareġ bl-idea illi l-aħjar mod kif il-gvernijiet jiġġieldu r-riċessjonijiet huwa billi jżidu l-ispiża tagħhom u mhux inaqqsuha. Dan ifisser li l-gvernijiet għandhom jonfqu aktar flus u jiddejnu aktar.

Ir-risposta tar-Renju Unit taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Gordon Brown għar-riċessjoni tal-2008 kienet propju dik li l-gvern għandu jiddejjen aktar flus biex jippompja dawn il-fondi fl-ekonomija biex din tirpilja u tqum fuq saqajha. Fil-fatt dan wassal biex id-defiċit sploda u l-prim ministru ta’ warajh kellu jara kif ser irodd il-flus lura. Ir-Renju Unit ma kienx l-unika pajjiż li ħadem hekk.

 

12_ORZ-2TN

 

L-Amerka ppumpjat b’mod massiċċ flejjes kbar kemm mill-bank ċentrali, il-Federal Reserve Bank, kif ukoll mill-gvern. Ġara iżda li d-dejn tal-gvernijiet splodew minħabba li bdew ifallu ċertu banek u l-gvern bdew jifduhom permezz tal-bailout. Dawn wasslu għal djun nazzjonali li saħansitra laħħqu r-rata ta’ mija fil-mija. Kien għalhekk li bħala reazzjoni, l-gvernijiet biddlu għal-kollox il-politika ekonomika u soċjali tagħhom u addottaw mudell oppost għal dak Keynesjan, dak magħruf bħala l-mudell Awstrijak. Dan il-mudell għandu ispirazzjoni leminija, saħansitra xi minn daqqiet, mill-lemin estrem fejn ekonomisti bħal Friedrich Hayek u oħrajn jirraġunaw li l-ekonomija għandha bżonn l-awsterità biex tinqala’ mir-riċessjoni, allura jnaqqru l-ispejjeż billi jaqtgħu il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali u jnaqqsu l-pagi. Din hija l-fehma, fost l-oħrajn,  tal-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż Wolfgang Schäuble li jemmen li l-unika mezz biex tirpilja l-ekonomija huwa li l-ewwel jinqatgħu id-djun, id-defiċit u l-ispiża. Dan ifisser li jonqos l-investiment, għax dan wara kollox huwa spiża.

Is-segwaċi tal-iskola Awstrijaka jemmnu li l-awsterità hija ċ-ċavetta għall-irpiljar tal-ekonomija, iżda l-mediċina tagħhom hija morra ħafna. Infakkar biss li l-qgħad fi Spanja u l-Portugall qabez l-10%, il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Italja sploda u l-Greċja għadha qed issofri s’issa. Jiena dan kollu għextu fl-esperjenza tiegħi bħala Membru Parlamentari Ewropew, u għadni ngħixu llum bħala Ministru li niltaqa’ ma’ sħabi l-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi tal-UE.

Milli nistgħu naraw, l-Ewropa għadha ma rnexxiliex tgħeleb id-diffikultajiet kollha, minkejja li ppruvat dawn iż-żewġ metodi, għax l-ekonomiji baqgħu bgħatuti, l-pensjonijiet bdew jintilfu u kiber il-qgħad. Issa bdejna bil-mod il-mod nimxu lejn politika li bl-Ingliż insejħula Growth Friendly Consolidation, jiġifieri li jinqatgħu l-ispejjeż iżda li ninkuraġġixxu t-tkabbir ekonomiku, għalkemm tista’ tinstema’ bħala kuntradittorja. L-esperjenza tal-Gvern Malti tgħallimna li mingħajr tkabbir ekonomiku, il-finanzi żgur ma jirpiljawx, għax jekk m’hemmx xogħol fil-pajjiż, ser jikber il-qgħad u allura, addio id-drittijiet soċjali u l-finanzi tal-pajjiż

Din il-konverżjoni tal-Unjoni Ewropea lejn il-ħarsien tad-drittijiet soċjali irridu noħduha ftit kif jgħidu bl-Ingliż, “with a pinch of salt” għax mhux lill-Unjoni Ewropea rridu nikkonvertu, iżda lil min jimbuttha.

Għandna pajjiżi li ma jistgħux jinvestu biex ma jipperikolawx il-qagħda tad-defiċit tagħhom, allura mhux qed ikollhom tkabbir ekonomiku. Għall-kuntrarju, f’Malta għandna ix-xorti illi il-politika tagħna inqatat min dan il-program ta’ awsterità u li ffukajna fuq it-tkabbir ekonomiku sabiex issa wasalna f’punt fejn naqqasna d-defiċit u d-dejn. Dan il-gvern jemmen bis-sħiħ li l-ekonomija ma tikbirx billi naqtgħu is-salarji, il-pensjonijiet u l-ispiża.

Dan il-gvern qed jiffaċċja ħafna pressjoni biex jaqta’ d-dejn u d-defiċit b’pass aktar mgħaġġel. Iżda dan il-gvern mhux lest li jagħmel hekk għas-skapitu tat-tkabbir ekonomiku. Il-messaġġ li rridu ngħaddu lill-Unjoni Ewropea huwa li trid, anzi għandha tħares id-drittijiet soċjali ta’ kull ċittadin Ewropew, però, nemmnu bis-sħiħ li t-tħaris tad-drittijiet soċjali tal-poplu ma jistax iseħħ jekk ma jkollniex tkabbir ekonomiku. Għax grazzi għax-xogħol u l-investiment illi wieħed jista’ jgawdi bis-sħiħ dawn id-drittijiet, u mhux b’ xi programm ta’ awsterità.

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *