Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest Articles, Maltese Articles


Ejja ma nċekknux it-tifsira tas-Surplus

Ma nkun qed ngħid xejn barra mill-verità meta ngħid li ddejjaqni l-attitudni ta’ min qed jipprova jċekken il-kisba tas-surplus fil-Finanzi tal-Gvern.  Qisha xi ħaga trivjali. Qisha kienet xi ħaġa li tiġri kull tmiem is-sena. L-attitudni bħal din li bdiet ferm qabel dak li gara f’pajjizna dan l-ahhar hija ċara daqs il-kristall li din ir-reazzjoni hija nieqsa mis-sinċerità, mill-ġenwinità. Hija mtappna minn partiġġjaniżmu politiku.

Aktar kmieni din il-ġimgħa kont mistieden bħala Ministru għall-Finanzi nindirizza seminar organizzat mir-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta flimkien mal-Kunsill Malti Konsultattiv fuq Affarijiet Fiskali. Seminar għall-ogħla uffiċjali taċ-Ċivil immirat biex jitratta l-finanzi tal-Gvern; l-iżvolġiment tagħhom; dwar mnejn tlaqna, fejn wasalna u fejn nixtiequ naslu.

Fl-indirizz tiegħi, fost affarijiet oħra, ħadt l-okkażjoni biex nitkellem dwar is-surplus reġistrat. Mhux mil-lenti ta’ x’ilħaqna, jew dwar il-kapaċità li wrejna bħala Gvern biex wasalna għalih, imma biex nesprimi pjuttost d-diżappunt tiegħi li hawn min irid akkost ta’ kollox jipprova jwassal biex dan l-istat ta’ fatt ikun injorat, jew jiċċekkinlu l-impatt tiegħu fuq il-qasam finanzjarju u ekonomiku ta’ pajjiżna u finalment fuq il-livell tal-għixien tagħna lkoll.

Dan kollu meta tali sitwazzjoni għandha tkun il-qofol tal-għaqal ta’ kull Gvern li la darba rreġistrah għandu jara u jistinka li dik ma tkunx okkażjoni ta’ darba, ma tkunx fula f’qargħa. Kull Gvern għandu jara li tali sitwazzjoni għandha tkun in-normalità għax huwa importanti u ġust għal kull min iħallas it-taxxi li flusu jintużaw tajjeb.

Il-fatt li temmejna s-sena 2016 b’surplus fil-finanzi tal-Gvern għall-ewwel darba wara 35 sena, minnu nnifsu għandu jimmarka xiħaġa. Anke jekk tieqaf biss għal ftit minuti u tara kif għal sena waħda wara l-oħra l-pajjiż kien jispiċċa s-sena b’deficit, u allura jkollu jiddejjen, ukoll tasal biex tistaqsi x’wassal biex temmejna s-sena 2016 b’surplus.

Jekk xejn, dan fisser li waqqafna l-mixja f’direzzjoni żbaljata mingħajr ma kkawżajna skossi fil-ħajja taċ-ċittadini tagħna. Anzi, bdejna ngħollu l-livell tal-għixien tal-poplu tagħna. Għamilna dan tul perjodu qasir ta’ erba’ snin biss minn meta ġejna fdati bit-tmexxija tal-pajjiż f’Marzu tas-sena 2013. B’mod gradwali u ppjanat. Bdejna kull sena nnaqqsu mid-deficit sakemm mhux talli bbilanċjajna s-sitwazzjoni, talli issa rreġistrajna surplus, daħħalna aktar milli nfaqna filwaqt li ma żammejna xejn lura milli jkattar il-progress ta’ pajjiżna f’kull livell.

Li rreġistrajna surplus huwa sinjal ċar ħafna li l-Gvern qiegħed jaħdem b’responsabbiltà. Qed jara li ma jonfoqx aktar milli huwa kapaċi jdaħħal. Kien għalhekk li ħadt l-okkażjoni tas-seminar li semmejt biex nitratta mhux biss l-isfidi imma wkoll il-perikli li qed jikkawża kull min qiegħed jittanta jċekken il-fatt li issa qegħdin nirreġistraw surplus.

Smajna b’diversi verżjonijiet f’dawn l-attentati. Kellna min qalilna li s-surplus huwa  finta, li ma jeżistix. Li dan ġie mix-xejn. Li dan ġej mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment (IIP). Li  wasalna għal tali sitwazzjoni għax naqqasna l-investiment.

Ikollok tgħid li f’dikjarazzjonijiet bħal dawn bilfors hemm il-malinità. Malinni għax jafu li dak li qed jgħidu mhux minnu. Kollha jafu li dak li qegħdin jipproponu ma jistax ikun għax illum għandek skrutinju kontinwu tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika ta’ pajjiżek. Illum għandek aġenziji ta’ kreditu ta’ livelli internazzjonali għoljin immens. Għandek il-Fond Monetarju Internazzjonali. Għandek il-Kummissjoni Ewropea bl-esperti kollha tagħha. Kollha qegħdin hemm biex jiskrutinizzaw dak li jkun għaddej.

Il-verità sagrosanta hija li s-surplus reġistrat huwa wieħed reali. Min verament, u b’mod ġenwin, irrid jivverifika dan għandu kull faċilità juża liema metodu jrid, speċjalment dak magħruf bħala accrual system. Il-verità sagrosanta hija li pajjiżna għandu biex jiftaħar li dan is-surplus jeżisti.

Hemm imbagħad verżjoni oħra li biha hemm min qiegħed jittanta jċekken l-importanza tal-ħaġa. Hemm min minnufih ipprova jdaħħal l-impressjoni li issa, la darba rreġistrajna surplus, allura dan nistgħu neħduh kif jgħidu l-Ingliżi for granted. Hekk, qisu xiħaġa li minn issa ‘l quddiem hija xiħaġa awtomatika li tirreġistra surplus u allura nistgħu ngħaddu biex nitkelmu fuq affarijiet oħra.

Attitudni bħal dan ukoll hija nieqsa mill-genwinità u hi perikoluża. Jekk il-Ministeru tal-Finanzi ma jibqax jikkontrolla u juża governanza ekonomika u fiskali b’saħħitha malajr jinbet il-periklu li tiżloq. Bil-konsegwenza li l-Gvern jerġa’ jesponi ruħu għal deficit u konsegwenzjalment għal djun. Huwa eżattament biex ma jiġrix dan li l-Ministeru tal-Finanzi huwa ffukat biex jara li b’għaqal il-pajjiż ma jonfoqx aktar milli jdaħħal. U dan isir kuljum.

Hemm imbagħad verżjoni oħra li tista’ toħloq periklu. Hemm il-verżjoni li la darba rreġistrajna surplus allura nistgħu niftħu jdejna beraħ u nagħmlu dak kollu li jiġina f’moħħna għax issa m’hemmx problema finanzjarja. L-aspirazzjonijiet ifaqsu u jikbru b’mod mgħaġġel immens! Wieħed irid jirrealizza li għal kollox hemm il-limitu, anke fuq kemm tista’ tirreġistra surplus.

Bħala Ministru għall-Finanzi żgur mhux se ninsa li l-flus li qegħdin jintużaw mill-Gvern huma flus il-poplu, ġejjin mingħand dawk li jħallsu t-taxxi, nies li jaħdmu u allura għandna nibżgħu għalihom. Irridu naġixxu b’għaqal, bi prudenza u b’kawtela.

Sadattant inħoss li għandi wkoll infakkar mnejn tlaqna u x’wassalna fejn qegħdin illum. Irreġistrajna surplus għax bħala Gvern kissirna ċ-ċiklu tal-passat politiku li meta toqrob elezzjoni l-Gvern jiżbroffa, jinsa kollox u jitlef il-kontroll fuq l-infiq. Jonfoq bla rażan.

Kien għalhekk li bħala pajjiż, taħt amministrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista kellna tliet żelqiet kbar lejlet it-tliet elezzjonijiet ġenerali sa dik ta’ Marzu 2013. B’riżultat t’hekk l-Kummissjoni Ewropea daħħlitna fi proċedura ta’ deficit eċċessiv. Hekk kien iċ-ċiklu. Jissikkaw u jagħtu bil-frosta wara kull elezzjoni ġenerali mbagħad iroxxu lejliet l-elezzjoni. Ċiklu li qatt ma wassal biex ikun reġistrat surplus, anzi. Kien għalhekk li bħala Gvern warrabna dan it-tip ta’ ċiklu u bdejn wieħed li jagħmel sens u li bil-provi qiegħed jirrendi suċċess.

Nikkunsidra bħala immorali l-mod li bih kien jimxi Gvern Nazzjonalista, fis-sens li jonfoq aktar milli jdaħħal u jiddikjara li m’għandinx għalfejn niddejqu niddejna għax id-dejn mhux se nħallsuh aħna imma se jħallsuh uliedna u wlied uliedna! U hekk għamlu. Ma naħsibx li tħalli wirt ta’ din ix-xorta hija xiħaġa li tiftaħar biha. Dik hija immoralità, u mhux li tuża skemi bħalma huwa l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment biex jibda jitħallas parti minn dak id-dejn.

Miżura oħra li wasslet għal surplus hija dik li tissejjaħ growth friendly consolidation. Tnaqqas id-deficit u d-dejn mingħajr ma tiffriża l-andament ekonomiku, mingħajr ma ttellef u tagħti x-xokkijiet lir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku. Mhux talli ma waqqafnix it-tkabbir ekonomiku talli ħloqnielu ambjent fejn jitkattar, kif filfatt għamel.

Imma issa rridu nħarsu lejn il-futur. Nemmen li jeħtieġ li jkun hemm taħriġ finanzjarju fost l-uffiċjali tal-Ministeri ħalli jkun hemm kontroll fuq in-nefqa tagħhom mingħajr il-ħtieġa ta’ ċentralizzazzjoni fil-Ministeru tal-Finanzi. Dan jgħin ħafna biex dak li ksibna nibqgħu nżommuh u biex flus il-poplu jibqgħu jintużaw bil-għaqal.

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Ottubru 2017

 


Ask Edward