Djalogu Soċjali għal Malta ta’ għada


Il-Prim Ministru Joseph Muscat, bħala mexxej tal-Partit Laburista, stieden lis-sieħba soċjali għall-business breakfast, biex filwaqt li jfakkar l-għaxar snin li ilu Kap tal-Partit Laburista, jibqa’ jżomm kuntatt dirett mal-poplu u l-imsieħba soċjali. Dan mhux xi eżerċizzju ta’ marketing iżda eżerċizzju li jservi sabiex il-Prim Ministru jisma’ direttament minn fomm l-istess mexxejja tat-Trade Unions; ta’ min iħaddem; tal-għaqdiet tan-nisa; tal-persuni bi bżonnijiet speċjali, u l-poplu dak li qed ikun għaddej minnu. Dan hu eżerċizzju utli biex il-Gvern ifassal l-inizzjattivi u miżuri li jwasslu biex tkompli titjieb il-kwalitaˋ tal-ħajja u jikber il-ġid nazzjonali li mbagħad jinfirex fuq il-poplu, b’enfasi aktar fuq l-iktar persuni li jeħtieġu aktar attenzjoni.

Għal din il-laqgħa, ġie mistieden soċjologu sabiex jagħti l-ħsibijiet tiegħu fuq il-materji li qed jolqtu il-poplu Malti u tal-madwar, ħsibijiet li wasslu sabiex ikun hemm diskussjoni mqanqla u interattiva. Żgur li l-għan ta’ dan l-intervent intlaħaq. Kienet diskussjoni fejn kulħadd tkellem apertament u tqajmu punti validi li l-Gvern ser ikun qed janaliżża sew sabiex ikompli bil-mixja tiegħu li jgħamel lill-Malta l-aqwa fl-Ewropa.

Waqt id-diversi interventi mill-parteċipanti, issemmew bosta temi li ġew identifikati minn stħarriġ li sar fost il-poplu Malti fuq x’inhuma il-materji li qed iħassbuh. Ma kien hemm l-ebda sorpriża fuq it-temi li ssemmew: l-infrastruttura, il-kostruzzjoni, it-traffiku u l-konġestjoni li jġib miegħu; in-numru dejjem jikber ta’ barranin li qed jaħdmu f’pajjiżna.

Bir-raġun ngħid li ma kien hemm l-ebda sorpriża, għax propju fid-diskors tiegħi tal-Baġit t’Ottubru li għadda, kont semmejt, li bħala sfidi li għandu dan il-Gvern, u li jien nifforma parti minnu, huma propju li tul din it-Tieni Leġislatura tagħna, irridu nindirizzaw it-toroq; il-konġestjoni tat-traffiku; l-infrastruttura biex tlaħħaq mal-influss tal-ħaddiema barranin u l-isfidi li ekonomija ta’ għada titfa’  fuq il-pajjiż. Dan kollu juri li bħala Gvern konna konxji tal-isfidi u konna diġaˋ qed naħsbu fuq soluzzjonijiet.

Aħna kburin li l-pajjiż għandu dawn l-isfidi u mhux dawk l-isfidi tal-passat. L-inkwiet tal-passat kien il-kontijiet għoljin tad-dawl u l-ilma; in-nuqqas ta’ xogħol; in-nuqqas ta’ possibilitaˋ li wieħed jagħmel xi overtime; dħul baxx u livell għoli ta’ faqar. Fi ftit snin, ħloqna tant postijiet tax-xogħol li qed ikollna nirrikorru għal-ħaddiema barranin biex insostnu t-tkabbir ekonomiku li qed nirreġistraw. Wieħed forsi jgħidli li l-faqar għadu jeżisti. Verissimu. Aħna qatt m’għidna li spiċċa l-faqar minn pajjiżna. Inkompli inżid li l-faqar qatt ma jista’ jinqata’ għax hemm forom differenti ta’ faqar. Mhux faqar li jkun ġej minn nuqqas ta’ xogħol jew dħul finanzjarju baxx. Dan hu forma ta’ faqar li ġej minn problemi soċjali kawża ta’ mard; relazzjonijiet familjari; jew problemi soċjali, fost l-oħrajn. Dan it-tip ta’ faqar irid jiġi indirizzat min-nies esperti li jifhmu lil dawn il-persuni u jgħinuhom jtaffu u jegħlbu dan it-toqol tal-ħajja li jkunu għaddejjin minnu – kliem faċli li tgħid iżda diffiċli biex twettqu.

Din mhix xi sitwazzjoni unika għal pajjiżna. Kull soċjeta’ għandha dan in-nukleu ta’ individwi li jkunu għaddejjin minn din is-sofferenza. Pero’, meta pajjiż ikun qiegħed f’sitwazzjoni ekonomika tajba, dak il-pajjiż ikun jista’ jinvesti li jingaġġa esperti u professjonisti li jkunu jistgħu jgħinu lil dawn il-persuni biex flimkien jindirizzaw is-sofferenzi tal-ħajja li dawn il-familji jkunu għaddejjin minnhom.

Issa sejjer niffoka fuq dawk l-isfidi li qed iħassbu lill-poplu Malti u Għawdxi, liema temi semmejthom fl-aħħar Baġit, temi li meta wieħed jibda jiddiskuti, isib li dawn huma sfidi li iridu jiġu indirizzati bħala poplu wieħed unit u magħqud.

Il-Gvern qiegħed hemm biex idawwar ir-rota; il-Gvern qiegħed hemm biex il-ġid jinfirex ma’ kulħadd. Iżda hemm element importanti – il-mod ta’ kif ngħixu; dak li bl-ingliż ngħidulu lifestyle – fejn il-Gvern ma tantx għandu kontroll fuqu iżda jista’ jinfluwenza u joħloq il-klima għal bidla fil-mod ta’ kif wieħed jgħix u jaffronta sfida.

Meta wieħed iħares lejn kif il-poplu Malti kien jgħix ħamsa u għaxar snin ilu u tqablu ma’ kif wieħed qed jgħix illum, isib li saret bidla kbira. Biżżejjed wieħed jidħol sal-Belt, il-belt kapitali tal-kultura Ewropeja – u tara numru dejjem jikber ta’ ristoranti; tara movument u attivitaˋ ta’ poplu lokali u barrani li jintegra flimkien fi ħbiberija u armonija. Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll in-numru dejjem jikber ta’ Maltin li qed jifrekwentaw dawn il-postijiet fejn bħala familja u ħbieb iqattgħu ħin flimkien jieklu u jirrilassaw. Hawn wieħed ma jridx jinsa ukoll in-numru  akbar  ta’ Maltin li qegħdin imorru għal btala barra minn xtutna – u anki aktar minn safra waħda fis-sena. Iva,  il-ħajja tbidlet u tbidlet il-familja u l-mod kif inħarsu lejha.

Min qatt ħaseb, tletin jew għoxrin sena ilu, li s-soċjetaˋ Maltija kellha tbiddel il-ħsieb tagħha ta’ kif tħares lejn id-divorzju? U l-istess ħaġa jista’ jingħad fuq temi oħra li qed ikollna diskussjoni fuqhom, bħalma hi d-diskussjoni fuq l-IVF.

Dan kollu jindika b’mod ċar u ekwu li l-poplu Malti u Għawdxi nbidel. U allura, min jipprova jsib soluzzjonijiet bil-mentalitaˋ tal-passat, jsib ruħu iżolat u ħadd m’hu se jagħti kasu. Min joqgħod jgħid u jħanbaq li l-affarijiet li ma jagħmlux sens, il-poplu jwarrbu. Huwa għalhekk li rrid nitkellem u niffoka fuq dak li qed jiġri illum, fuq dak li ser jiġri għada u fuq sfidi li ser ikunu qed jinteressaw u jolqtu it-tfal tiegħek.

Meta semmejt li l-Gvern jista’ jgħin ibiddel il-mod ta’ kif il-poplu jista’ jaffronta xi sfida u jbiddel  l-istil ta’ ħajja, kelli f’moħħi l-isfida tal-konġestjoni tat-traffiku. Huwa minnu li kull persuna li tgħalaq l-eta’ ta’ tmintax -il sena, tkun trid li jkollha l-karozza tagħha. Iktar ma jkollna vetturi, iktar tiżdiet u tinħoloq il-konġestjoni fit-toroq ta’ pajjiżna. Pajjiżi oħra għaddew minn din l-isfida u irridu naraw kif dawn il-pajjiżi sabu soluzzjoni li naqset sew din il-problema ta’ konġestjoni ta’ traffiku.

Waħda mis-soluzzjonijiet biex nindirizzaw din il-problema hija li ninkoraġixxu aktar l-użu tat-transport pubbliku; billi noħolqu aktar toroq fejn is-sewqan ta’ vetturi ikun projbit, speċjalment fiċ-ċentri tal-ibliet (pedestrian zones). U ninkoraġġixxu l-użu  tar-rota. Dawn  huma miżuri li wieħed mhux ser ibiddel iċ-ċittadini li jmorru għal dan il-mod ta’ trasport, iżda huma miżuri li l-pajjiż irid imur għalihom.

L-istess ħaġa tgħodd fejn tidħol il-kostruzzjoni. Hemm domanda kbira għad-djar u apprtamenti, filwaqt li n-numru ta’ postijiet għadu inqas mid-domanda. Dan qed iwassal biex jiżdiedu il-kirjiet. Biex verament il-prezzijiet li qed jintalbu għal kiri tal-postijiet, soluzzjoni waħda hemm, dik li jkomplu jinbnew aktar djar u appartamenti. Imma biex dan iseħħ ma nistgħux ingergru u ngħidu li ma ssirx aktar kostruzzjoni.  Kif ikun hawn numru ta’ postijiet li jibda jlaħħaq mad-domanda, ikun hemm stabbiltaˋ fil-kirjiet. Madankollu, jien minix ngħid li għandu jkun hemm kostruzzjoni ta’ bini bl-addoċċ. Xejn minn dan. Fortunatament, il-poplu Malti beda jirrealizza li hemm bżonn li jkun hemm bilanċ bejn kostruzzjoni u l-ambjent; wieħed qed jifhem l-importanza li jkollna s-siġar, liema siġar jgħinu biex il-kwalitaˋ tal-arja tkun aktar safja billi tassorbi d-dħaħen tal-fjuwil li joħroġ mill-vetturi.

L-Ambjent ikopri bosta aspetti u għalhekk hemm bżonn ta’ diskussjoni ma’ kull min b’xi mod bl-attivitaˋ tiegħu qed jaffettwa l-ambjent. Kien għalhekk għaqli li l-Prim Ministru ħa spunt minn dan kollu, li jien naqbel miegħu mija fil-mija, li l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD) għandu jħares u jiddiskuti fuq firxa akbar ta’ suġġetti li jolqtu il-pajjiż b’mod ħolistiku. Għal dan il-għan inkabbru l-firxa ta’ parteċipanti f’din l-istituzzjoni.

Hemm bżonn urġenti, li barra l-aspett ekonomiku u soċjali, l-MCESD jiddiskuti l-iżvilupp fiżiku tal-pajjiż. X’infrastruttura ta’ pajjiż irridu lit-tfal tagħna jgħixu fih? Kulħadd jaf li hemm bżonn ta’ aktar djar u uffiċini. Iżda l-mistoqsija trid tkun; fejn u kif għandna nibnu dawn il-binjiet neċessarji għal-għixien u l-iżvilupp tal-pajjiż?

Hu l-obbligu tagħna lkoll li nipparteċipaw f’ din id-diskussjoni ħalli filwaqt li pajjiżna jibqa’ jikber ekonomikament u jkattar il-ġid, il-kwalitaˋ tal-ħajja tkompli titjieb. Din hi l-isfida u l-mira li poġġa quddiemu dan il-Gvern. Jien konvint li flimkien, l-imsieħba soċjali, is-soċjeta’ civili u kull wieħed u waħda minnkom, bid-diskussjoni tagħna sejrin inwasslu lill-pajjiż jilħaq dan l-oġġettiv u Malta u Għawdex jibqgħu jkunu fuq quddiem fl-Unjoni Ewropeja u d-dinja. Insellmilkom.

 

Il-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju 2018

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *