CCCTB


CCCTB

“….. din il-proposta se tolqotna ħafna u allura rridu neħduha bis-serjetà.”

 

Ix-xahar li għadda, il-Parlament Ewropew ivvota favur proposta mressqa mill-Kummissjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-bażi tat-taxxi għall-kumpaniji li joperaw fl-Ewropa, magħrufa bħala CCCTB (Common Consolidated Corporate Tax Base). Din il-proposta qajmet dibattitu bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fejn, waqt li l-maġġoranza huma favur tagħha, pajjiżi bħal Malta, ir-Renju Unit u l-Irlanda huma kontriha.

X’inhi CCCTB?

Kull wieħed mis-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea għandu awtorità sovrana fuq it-taxxi ta’ pajjiżu kemm fuq ir-rati kif ukoll fuq il-bażi ta’ dħul u ħruġ li fuqhom issir l-istima tat-taxxa għal min hu residenti f’dak il-pajjiż.

Fl-istess waqt, bħala Unjoni, l-iskop tagħha huwa li jkollha suq wieħed ta’ ħames mitt miljun ruħ li, bħall-Istati Uniti, tinkoraggixxi kumpaniji li joperaw f’iktar minn pajjiż wieħed. Fil-fatt ħafna mill-kumpaniji li hawn Malta huma kumpaniji internazzjonali u jista’ jkun li jkunu qed joperaw fi tlieta, erba’ jew anki ħames pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Dawn il-kumpaniji f’kull pajjiż fejn joperaw, iridu jimxu skond il-liġi ta’ dak il-post. Għal finijiet ta’ taxxi, dawn iridu jiddikjaraw kemm id-dħul kif ukoll il-ħruġ tagħhom skond kif huma stabbiliti mill-awtoritajiet tal-pajjiż. Kull pajjiż għandu modi u regoli differenti, barra li għandhom rati differenti u għalhekk, għal dawn il-kumpaniji, l-proċess huwa kumpless u kkumplikat. Ħafna drabi telf tal-kumpanija f’xi pajjiż ma jiġix rikonoxxut f’pajjiż ieħor. Għalhekk, fi ftit kliem, ma tantx jgħin lil dawn il-kumpaniji li joperaw fl-Unjoni Ewropea.

Din il-proposta li għaddiet mill-Parlament Ewropew, u li għad trid tiġi maqbula mill-Kunsill tal-Ministri, qiegħda tgħid li hemm bżonn li jkun hemm bażi waħda komuni għal dawn il-kumpaniji u li d-dħul u l-ħruġ minn iktar minn pajjiż wieħed jiġi kkonsolidat u joħorġ sett ta’ kontijiet wieħed. U dan isir b’mod voluntarju.

Li jinteressa l-Awtoritajiet tat-taxxa f’kull pajjiż huma l-profitti. Hawnhekk, bil-mod il-ġdid, il-profitti globali tal-kumpanija jiġu allokati bejn il-pajjiżi fejn topera l-kumpanija skond formula li qiegħda tipproponi din il-liġi. Il-formula hija bbażata fuq l-assi, is-salarji u n-numru ta’ impjegati f’kull pajjiż fejn topera l-kumpanija.

Il-Kummissjoni qed issostni li, b’din is-sistema ġdida tas-CCCTB, il-kumpaniji jiffrankaw ħafna spejjeż żejda.  Il-Kummissjoni qiegħda tikkalkula li b’dawn il-miżuri ġodda dawn il-kumpaniji, li bħalissa qed joperaw taħt is-sistema preżenti, jispiċċaw jiffrankaw żewġ biljuni ta’ ewro fi spejjeż.

Tidher sistema raġunata. Fil fatt din il-proposta mhux ħa tipprova tiddetta xi rati ta’ taxxi komuni u ħa tkun biss fuq bażi volontarja. Allura Malta għaliex għandha tkun kontriha ?

Malta kontra s-CCCTB

L-ewwel nett, dak li hu temporanju llum jista’ jsir permanenti għada. Illum wieħed għandu jiddeċiedi jekk hux favur jew kontra bħala prinċipju.

Malta, ras għal ras, għandha investiment barrani kemxejn aktar għoli minn pajjiżi oħra relatat mal l-ekonomija tagħha. Fi ftit kliem kumpaniji kbar li hawn Malta huma multinazzjonali. Dawn huma l-banek, is-servizzi finanzjarji u l-manifattura. Dawn jistgħu jkunu sussidjarji ta’ kumpaniji li qed joperaw mill-Ġermanja jew mill-Belġju jew minn Franza jew xi pajjiż ieħor. Dan ifisser b’mod ċar li din il-proposta se tolqotna ħafna minn pajjiżi oħra li għandhom iktar kumpaniji nazzjonali milli internazzjonali u allura rridu neħduha bis-serjetà.. 

Bil-mod kif din il-liġi se tibda’ tinħadem, irridu naraw jekk l-kumpaniji f’pajjiżna humiex se jħallsu iżjed jew inqas taxxa lill-gvern ta’ Malta. Pero l-iktar importanti huwa li nibqgħu niftakru li pajjiżna ggwadanja ħafna tul is-snin mill-gwerra ’l hawn billi kellna taxxa li kienet flessibli u għaġiniha skond il-bżonn. Permezz ta’ vantaġġi fiskali għall-kumpaniji barranin irnexxilna nattiraw lejn pajjiżna servizzi finanzjarji, fabbriki tal-manifattura, lukandi u kumpaniji oħrajn.

Jekk din is-sistema tispiċċa, Malta tista tħallas prezz għoli għal din il-liġi. Huwa għal din ir-raġuni li aħna fil-Parlament Ewropew konna kontriha u vvutajna kontriha kif ukoll nissoponu li l-gvern se jagħmel fil-Kunsill tal-Ministri.

Ta’ min jgħid li, għalkemm fil-Parlament Ewropew dan ir-Rapport għadda b’maġġoranza kbira, xorta m’għandux is-saħħa li jsir liġi għax is-suġġett hu fl-għalqa tat-taxxi u għalhekk, skont it-Trattat, iridu jaqblu unanimament magħha l-gvernijiet kollha biex tinbidel. Jekk ikun hemm minn ma jaċċettax din ma tidħolx fis-seħħ. Wieħed irid jara x’saħħa se jkollhom il-pajjiżi il-kbar li jimbuttaw biex din isseħħ. Aħna dehrilna li nixtiequ nżommu l-flessibilità għal ħafna raġunijiet u nħossu li din is-sistema, għalkemm hemm raġunijiet sodi għaliha, mhux se tkun ta’ gwadann għal pajjiżna.

Writing on the wall

Tgħaddi jew ma tgħaddix “il-kitba fuq il-ħajt” hemm qiegħda. Minħabba kriterji iktar iebsa dwar it-trasparenza u l-governanza internazzjonali, il-benefiċċji li Malta, fil-passat, kienet tgawdi minnhom kull ma jgħaddi ż-żmien qed jibdew jonqsu. Illum niġġildulhom, mela le. Pero, fl-istess waqt, irridu nosservaw fejn Malta sejra fuq medda twila ta’ snin, fejn it-trend qiegħda tipponta. Irridu naraw li pajjiżna jkun kompettitiv mod ieħor. M‘aħniex ngħidu li ma nużawx kwalunkwe strument li nistgħu nużaw illum biex nirreżistu iżda rridu nirrejalizzaw li fejn tidħol it-taxxa Malta se jkollha inqas possibilitajiet li tistrieħ fuqhom biss. Irridu naraw kif ser nirbħu kompettitività fuq bażi oħra. Mhux qed nirreferi għas-soltu kelma, is-salarji, imma għal xi ħaġa iktar importanti …fuq il-produttività, fuq il-mod li jkun hawn inqas burokrazija biex topera kumpanija, fuq il-mod li jitmexxa mod tajjeb pajjiżna. Ħalli Malta dejjem tibqa attraenti għall-investiment barrani mhux biss fuq bażi ta’ taxxa imma fuq bażi ġenerali bħal kull pajjiż modern ieħor li kapaċi jattira l-investiment barrani lejn pajjiżu.

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 11 ta’ Ġunju, 2012

 


One response to “CCCTB”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *