Ċaqlieq fix-Xenarju politiku Ewropew


Bl-Ingliż inħobbu ngħidu li, a week is a long time in politics. Fi kliem ieħor ġimgħa fil-politika hija eternità, għax tant jista’ jiġri xi ħaġa mil-lum għal għada li qatt ma tista’ tbassar bejn wieħed u ieħor x’jista’ jiġri, u jiġru affarijiet li wieħed ma jkunx jistennihom.

Din tapplika mhux biss għal Malta. M’hemm l-ebda dubju li f’temp ta’ ġimgħa għandek il-qabel u l-wara ta’ elezzjoni fejn hemm dawk l-affarijiet li wieħed b’anzjetà jistenna r-riżultat imbagħad wara, meta jiġi r-riżultat, iħalli impatt qawwi sew fuq il-Gvern kif ukoll fuq l-Oppożizzjoni.

Kif diġà għidt dan japplika wkoll għall-politika Ewropea u anke barranija.  Li kien qed jiġri dan l-aħħar fil-politika huwa li kien qed ikun hemm tħassib kbir dwar il-fatt illi l-elettorat, l-popolazzjoni ta’ ħafna pajjiżi ma kinetx sodisfatta bl-affarijiet li kienu qegħdin jiġru mill-Gvernijiet ta’ dak iż-żmien, l-establishment. Għaldaqstant l-elettorat  kien qed jivvota mhux daqsekk bl-addoċċ imma b’mod illi min ikun qiegħed josserva jgħid: dan mhux tas-soltu.

Jagħti stampa iktar ċara ta’ dak li qed ngħid huwa r-riżultat tal-Brexit.  Kienet xi ħaġa li żgur la l-midja u lanqas kull osservatur ma kien qiegħed jistenna. Kulħadd kien qiegħed jistenna li jivvotaw kontra li joħorġu mill-Unjoni Ewropea għar-raġuni li r-riżultati tant huma negattivi. Iżda ġara li ġara. L-elettorat injora dawn l-affarijiet li kienu qegħdin jintqalu u tnejn u ħamsin fil-mija, maġġoranza assoluta, qalu bil-vot tagħhom li riedu joħorġu mill-Unjoni Ewropea u llum għandna dawn ir-riperkussjonijiet.

Ġara l-istess fl-Amerika, fejn wieħed kien qiegħed jistenna li  Hillary Clinton ikollha ċans għax għandha l-esperjenza u titkellem aħjar minn dak li kien qiegħed jingħad minn Donald Trump.  Għall-inqas, osservaturi barra mill-Istati Uniti konna qegħdin ngħidu li dak li kien qed jgħid Trump ma kienx jagħmel sens. Li huwa estrem, kif fil fatt għadu sal-lum, u ħsibna li l-maġġoranza Amerikana żgur li ma kinetx se tivvota għalih. Rajna li fil-fatt ġara bil-kontra u Trump ġie elett u issa sar il-President tal-Amerika.

Apparti dan li semmejt, fil-kontinent Ewropew kellna wkoll ċaqlieq simili. Ċerti partiti populisti li bdew iwegħdu affarijiet li jekk inti tikkonċentra  fuqhom tinnota li dawn żgur ma jistgħux jitwettqu. Jekk hux iċ-Cinque Stelle fl-Italja, hekk hux Marine Le Pen fi Franza, kien hemm ukoll  fl-Awstrija. F’ħafna minn dawn il-pajjiżi, partiti żgħar estremi u  populisti fejn kull ma jmur dejjem qegħdin ikabbru l-popolarità tagħhom u allura kulħadd  jistaqsi: fejn se tmur il-politika? Fejn se morru? U x’se jkun ir-riżultat tagħha?

Għax issa nafu  x’kien ir-riżultat Ingliz fuq il-Brexit!  Rajna lil dawk kollha li kienu qegħdin jissostjenu u jimbuttaw favur il-Brexit jirreżenjaw l-għada li ħareġ ir-riżultat għax ma kienux kapaċi jmexxu u kellhom iħallu f’idejn ħaddieħor. Qed naraw fil-fatt lill-Prim Ministru Ingliża tal-lum, Theresa May, li kienet ivvutat sabiex tibqa’ fl-Unjoni Ewropea u  mhux biex toħroġ, tiġi eletta u magħżula hi flok David Cameron li rriżenja, li se jwassal biex tkun hi li tkompli dan il-proċess.

Pero anke dak iċ-ċaqlieq li sa ftit ilu konna qegħdin nistaqsu fejn se jwassal, reġà qisu beda jdur. Kellek, per eżempju, l-elezzjonijiet fl-Ingilterra fejn kien hemm il-Prim Ministru mingħaliha li se tagħmel elezzjoni bikrija biex issaħħaħ idejha u l-elettorat, għal kuntrarju li ħasbet hi, naqqsilha l-popolarità tagħha, naqqsilha l-maġġoranza, tellifielha u ġiet agħar milli kienet qabel.

Jekk naraw fi Franza l-iktar riżultat li naħseb kien importanti huwa fejn ħareġ karattru li qatt ma kellu esperjenza. Qed nirreferi għal Emmanuel Macron, li ma kellux esperjenza fil-politika, la ta’ naha u lanqas ta’ oħra u ħareg b’dik is-saħħa u ġie elett President,  filwaqt li partiti tradizzjonali tilfu l-voti bil-kbir.

Dan filwaqt li kulħadd kien qiegħed jaħseb li Marine Le Pen kienet se tkompli tissaħħaħ bil-kampanja tagħha kontra r-refuġjati, li toħroġ mill-Unjoni Ewropea,  li toħroġ mill-Ewro fost  affarijiet oħra. Rajna  kif fil-fatt naqqset, jew ma rnexxilix iġġib dak li wieħed kien qiegħed jistenna.  Ma ġabitx lanqas il-maġġoranza fi Franza u issa l-Franċiżi għandhom Gvern ieħor b’saħħtu u allura beda jinbidel ix-xenarju.

Ma’ dan kollu li semmejt inżid ukoll kif fil-mument  għandek il-Ġermanja li qegħda tiffaċċja elezzjoni u allura hemm ħafna inċertezza u forsi m’hemmx dik is-saħħa. Pero meta nattendi laqgħat tal-Unjoni Ewropea fi Brussel, Strasburgu jew Lussemburgu, it-tlett ibliet fejn aħna jkollna l-laqgħat, hemmhekk mill-ewwel tinħass l-arja tinbidel. Li qiegħed jiġri huwa li filwaqt li fl-Unjoni Ewropea kien hemm ċertu inċertezza, dwar x’kellha tkun it-triq għal quddiem, u ħadd  ma ried jieħu deċiżjoni, issa iċ-ċentru tal-Franċiżi u tal-Ġermaniżi beda bil-mod il-mod jerġa’ jingħaqad. Jerġa’ jikseb is-saħħa  bħalma kien fi żmien Angela Merkel  u Nicolas Sarkozy. Konna nafu li dawn kienu jiltaqgħu u kienu jaraw kif se jirranġaw bejniethom u jsibu il-kompromess u japplikawh u mbagħad il-pajjizi kollha jsegwu.

Dan mhux l-aħjar metodu, iżda l-fatt li jkollok lil xi ħadd li qiegħed imexxi,  xi ħadd li għandu viżjoni, xi ħadd li jaf fejn irid jasal u se jkollu pressure fuq pajjiżi oħra biex jimxu ‘l quddiem. Nafu li sew jekk hux fuq il-munita Euro, anke fuq ħafna affarijiet oħra fl-Unjoni Ewropea ma’ tistax teħel, jew trid tmur ‘l quddiem inkella se taqa’ lura u jekk taqa’ lura tisfaxxa l-Unjoni.

Allura wieħed qiegħed jistenna, speċjalment wara l-elezzjoni Ġermaniża, fejn anke jiena personalment kellimt llil-Ministru tal-Finanzi Franċiż Bruno Le Maire u lill-Ministru tal-Finanżi Ġermaniż Wolfgang Schäuble, fejn mill-ewwel tibda tħoss it-ton tagħhom jibda jinbidel.

Ton li qed ikollu iktar saħħa. Qegħdin ikunu iktar assertivi u qegħdin iktar jibdew jagħmlu miri u oġġetivi li sa ftit ilu lanqas biss kienu jinstemgħu.  Dan juri li jridu jaslu. Iridu li l-Unjoni Ewropea timxi ‘l quddiem. Wieħed irrid jistenna l-elezzjonijiet u r-riżultati tagħhom. Huwa mistenni li Merkel jerġa’ jkollha rebħa, ghalkemm wieħed ma jistax jgħid dan b’ċertezza, pero jekk ikun hekk se nsibu żewg pajjizi, Franza u l-Ġermanja,  jingħaqdu u allura se naraw għat-tajjeb u l-ħażin,  jimxu ‘l quddiem. Dan jagħmel ix-xena,  l-ambjent, l-atmosfera li kellna l-bieraħ  u ġimgħa ilu, qegħda ġimgħa wara tagħmel dak il-kambjament kbir. Huwa minnu allura dak li jgħidu l-Ingliżi, a week is a long time in politics.

 

L-Orizzont- Ġimgħa 23 ta’ Ġunju

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *