Bl-Iżvilupp Ekonomiku nnaqsu l-Immigrazzjoni


Naħseb xi ftit jew wisq kulħadd midħla tal-banek. In-nies jiftħu l-kontijiet sabiex fihom jagħmlu d-depożiti tagħhom, min għal ftit ġimgħat, min għal sena u min għall-iżjed. Dawn il-flus il-banek iħaddmuhom billi jsellfuhom lin-nies tan-negozju li jagħmlu l-profit. Bil-profiti jitħallsu l-imgħaxijiet lil Bank u li b’hekk il-Bank ikun jista’ jħallas l-imgħaxijiet lid-depożitanti.

Dawn huma l-banek kummerċjali.
Madankollu x’jiġri meta jkun hemm proġetti kbar li jrendu tul 25 sena? Bħal per eżempju triq twila, pont, ajurport, port u proġetti kbar oħra, b’mod speċjali proġetti infrastrutturali. Huwa ovvju li bank ma jkunx jaqbillu jidħol għal dawn it-tip ta’ proġetti kbar u twal, minħabba t-terminu u l-medda kbira ta’ snin.

Dan għax jista’ jkun li d-depożitanti jitolbu flushom lura ferment qabel u għalhekk jinqabad ‘short’ mill-flus. Ma jkunx jista’ jagħti l-flus lura, għax il-flus ikunu msellfin. Għalhekk irrid ikun hemm banek kbar apposta li jidħlu għal dawn it-tip ta’ proġetti bħal bank tal-iżvilupp. Banek li jkollhom nifs twil, kapital akbar u flus minn ‘bonds’ ta’ 20 jew 30 sena.

Ħallli permezz ta’ dawn il-flus jkunu jistgħu aktar jisellfu għal proġetti ta’ terminu aktar twil. Għaldaqstant ikunu jistgħu aktar jikkontribwixxu għal proġetti ta’ żvilupp tal-pajjiż.

Kien għalhekk li f’pajjiżna waqqafna l-bank nazzjonali tal-iżvilupp li se jibda bil-mod il-mod jopera f’dan il-kamp. Mhux qed hemm biex jikkompetti mal-banek kummerċjali, imma qed hemm biex jimla l-vojt li qed iħallu l-banek kumerċjali. Il-Banek tal-iżvilupp jeżistu kullimkien, u Malta ġieli għamlet użu minnhom. Dan sakemm waqafna l-bank Nazzjonali tagħna.

Qabel konna nagħmlu użu mill-‘World Bank’ u anke l-‘European Investment Bank’, jiġifieri l-bank tal-iżvilupp dinji u dak Ewropew rispettivament. Il-Bank tal-Iżvilupp Ewropew (EIB) ukoll sellef għal ħafna proġetti ta’ utilita’ għal pajjiżna. Hemm ukoll il-‘European Bank for Reconstruction and Development’ l-EBRD’ li filwaqt li aħna fundaturi tiegħu u anke ‘shareholders’ ma nagħmlux użu minnu, għax twaqqaf biex jaqdi l-bżonnijiet biss ta’ pajjiżi li kienu tal-Eks Unjoni Sovjetika, bħal l-Ungerija, il-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Latvja, l-Istati Baltiċi, l-Estonia u l-Albanija fost oħrajn. L-għan ta’ dawn il-pajjiżi hu li joħorġu minn sistma ċentralizzata, u jilliberalizzaw l-ekonomija tagħhom u eventwalment isiru membri tal-Unjoni Ewropeja.

Filfatt il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-pajjiżi tneħħi r-Russja, l-Albanija u xi żewġ pajjiżi oħra, kollha ssieħbu fl-Unjoni Ewropeja. Dan il-Bank prinċiparjament qed hemm biex jgħin fl-iżvilupp ta dan it-regjun particularity, madankollu dan l-aħħar l-‘EBRD’ tajnieh mandat ġdid, dak li jgħin pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani.

Pajjiżi li għandhom bżonnijiet partikolari. Pajjiżi li tista’ u ma tistax tikkumparhom mal-pajjiżi eks-Sovjetiċi li għadni kemm semmejt. Dawn huma pajjiżi li jridu joħorġu mis-sotto-żvilupp u jersqu kemm jista’ jkun lejn kwalita’ aħjar ta’ ħajja, u li jkunu aktar moderni b’anqas burokrazija. Irriduhom li jkollhom anke iżjed investiment privat.

Ċertu investiment pubbliku jkun tajjeb għal ċertu proġetti. Iżda llum wieħed jistenna li x-xogħol jiġi krejat l-iżjed mis-settur privat. Dan jgħodd ukoll għal dawn il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq. Aħna l-Maltin li aħna parti minn dan il-Bank, qed nagħmlu l-għalmu tagħna kollu biex inressquh lejn dawn il-pajjiżi, b’mod partikolari minn fejn hemm qaghad kbir li jwassal ghal emigrazzjoni rregolari.

L-iskop hu li dawn il-pajjiżi jiġu fuq saqajhom u jkunu b’saħħithom tant li jibdew jipprovdu xogħol liż-żgħażagħ tagħhom. Allura b’hekk ma jkollhomx il-bżonn li jaqsmu l-baħar u jissugraw ħajjithom biex jieklu biċċa ħobż. Kulħadd jippreferi jiekol il-ħobż f’pajjiżu, jekk wieħed isibha.

F’dan id-dawl Malta qed tistinka aktar minn pajjiżi Ewropew oħra, għax qegħdin aktar viċin dawn il-pajjiżi. Allura nħossu l-bżonnijiet tagħhom iżjed u l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ anke għal pajjiżna.

Xorta waħda l-immigrazzjoni tista’ tibqa b’mod aktar regolarizzat. Imma mbagħad inkunu qed nagħmlu hekk għax ikollna bżonna u mhux għax dawn iż- żgħażagħ jinsabu ddispratti.

Għalhekk bi pjaċir ngħid li din il-ġimgħa ltqajt mal-Viċi-President tal-bank EBRD f’pajjiżna, u kellhi l-opportunita’ nispjegalu iżjed mill-qrib, kif pajjiżna qed jikkontribwixxi għal dan il-proġett li naraw l-Afrika fuq saqajha.

 

Il-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju 2019

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *