Biex nitgħallmu mill-passat


Minħabba ċ-ċokon tal-ekonomija Maltija, Malta hi meqjusa bħa­la ‘small open economy’. Eko­nomija miftuħa jeħtiġilha politika ekonomika differenti minn ekonomija magħluqa. Kontra l-pajjiżi tal-Amerika t’Isfel li kienu jipprattikaw dik li ngħidulha politika tal-‘import substitution’ li tinkoraġ­ġixxi li jingħalqu s-swieq għall-importazzjoni biex b’hekk tip­permettilhom jipproduċu dawk l-oġġetti huma stess, il-pjan ta’ żvilupp tal-Prim Mi­nistru Mintoff għas-snin 1973-1979 ma kienx qed jibbaża fuq din il-politika. Ir-riżorsi kollha li seta’ jig­gwadanja l-pajjiż, Mintoff ried litteralment jibni bihom lil Mal­ta biex tkun magna ta’ pro­duzzjoni li tesporta lejn barra l-pajjiż. Sew il-fabbriki tal-manifattura, kif ukoll is-servizzi marittimi inkluż it-tiswija u l-bini tal-vapuri u l-‘freeport’ kienu mmirati biex jesportaw lejn is-swieq internazzjonali u mhux lejn is-suq ċkejken ta’ pajjiżna. B’din l-esportazzjoni l-pajjiż seta’ jaqla’ l-flus barra­nin li jużahom biex jinvesti, jixtri ż-żejt u jixtri bihom pro­dotti minn barra għall-konsum tal-Maltin.

Dwar il-kummerċ kien jara li ħafna importaturi kienu qed jistgħanew minn kummerċ monopolistiku jew restrittiv fis-sens ta’ nuqqas ta’ kompe­tizzjoni ġusta.
Illum l-Unjoni Ewropea hi ħafna kontra dawn is-‘sole agen­cies’ u timbotta lill-gvernijiet biex jiftħu u jipper­mettu l-kompetizzjoni. Għal­kemm din il-politika ma kinitx popolari dak iż-żmien, Mintoff xorta rraġuna li jekk hu monopolju, aħjar ikun tal-gvern u jgawdi minnu kulħadd.
Allura ħadem biex il-gvern dan il-kummerċ seta’ jagħmlu hu stess bi gwadan għall-konsu­matur u l-“kaxxa ta’ Malta”. Il-ġlieda tal-klassi kienet ħarxa għax dawn il-familji sinjuri u b’saħħithom ħassew li l-gvern ħadilhom ħobżhom. Il-ġlieda tiegħu għalhekk kienet kontra l-importaturi u mhux kontra kull min kien fil-‘business’.

 

 

Is-suq lokali

Għal dawk li kienu fil-‘business’ u riedu jipproduċu għas-suq lokali kien jitrattahom mod ieħor.
Dak iż-żmien kien jaf li dawn il-familji li kellhom f’idejhom dik it-tip ta’ manifattura Maltija, jiġifieri mmirata biss għas-suq lokali, ma kienux jaslu ’l bogħod iktar mill-għasir tal-għeneb biex jagħmlu l-inbid, il-produzzjoni ta’ oġġetti tal-ikel, fosthom il-ħelu, l-għaġin, il-melħ u l-bżar, is-sulfarini, ix-xama’ u xogħol tal-injam.
Il-magni kienu primittivi, kważi kollha tal-idejn, u ma jwasslux għall-esportazzjoni jew mpjieg ta’ mijiet ta’ per­suni. Kien għalhekk li l-politika ta’ żvilupp ta’ Mintoff kienet immirata lejn il-manifattura ta’ kumpaniji kbar ta’ sidien barra­nin li s-swieq tagħhom kienu barra minn Malta.
Dawn is-sidien meta jinvestu jkunu ġabu pakkett li jinkludi flus barranin għall-investi­ment, ‘know-how’ ta’ kif isir il-prodott, taħriġ lill-ħaddiema, R&D, u swieq barranin li kell­hom diġà huma.
Ħafna drabi dawn kienu sussidjarji ta’ kumpaniji inter­nazzjonali. Ta’ min jgħid li dawn l-kumpaniji setgħu jgaw­du minn trattat ta’ assoċ­jazzjoni li kien sar mas-Suq Komuni Ewropew mill-gvern preċedenti.

 

L-infanzija industrijali

Il-politika ta’ dik li tissejjaħ ‘import substitution’ hija bba­żata fuq l-argument politiku ekonomiku msejjaħ ‘infant industry’.
Dan jgħid li fejn il-poplu ta’ pajjiż sotto-żviluppat trid tħajjru jindustrijalizza bilfors trid tipproteġih matul l-infanzja tiegħu. Bħalma siġra meta tkun żgħira, għadha pjan­ta, trid tipproteġiha kontra l-irwiefen qliel, hekk trid tagħ­mel lill-industrija lokali. Ħafna ekonomisti klassiċi li jispeċ­jaliz­zaw fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi, kienu jimbuttaw dan l-argument li kkonvinċa lil ħaf­na pajjiżi ta’ dak iż-żmien biex jipprattikaw din il-politika.
Nistgħu ngħidu li Mintoff dar għal din il-politika l-iktar mill-bidu tat-tmeninijiet ’il quddiem. Żmien meta sab li ma kellux triq oħra. Fil-bidu tat-tmeninijiet l-ekonomija kellha telgħa wieqfa.
Minn naħa waħda sabet ma’ wiċċha kriżi oħra taż-żejt bi prezzijiet għoljin tant li ġabu magħhom riċessjoni internazz­jonali.
L-investiment barrani beda jixxotta u dawk il-kumpaniji stabbiliti f’pajjiżna bdew isibuha diffiċli li jesportaw. Fl-istess ħin biex jiddefendi l-konsumatur mill-prezzijiet għoljin taż-żejt, Mintoff xtaq iżomm il-valur tal-lira Maltija għoli.
Sa dak iż-żmien il-Bank Ċen­trali kien irnexxielu jżomm l-ekonomija u l-inflazzjoni stab­bli billi uża formula bbażata fuq basket ta’ muniti barranin (‘Basket of Currencies’) bħala mod kif il-lira Maltija ssib valur tagħha u żżomm t-triq tan-nofs f’ġungla ta’ valuri ta’ muniti barranin.
Wara l-1981 Mintoff xtaq li l-basket ikollu element qawwi ta’ dollaru Amerikan fih, biex il-valur taż-żejt fi prezzijiet lokali ma jogħliex.
In-naħa l-oħra tal-munita ta’ din il-politika fissret li l-valur estern (meta taqlibhom fi ster­lina jew dollari) tal-oġġetti u servizzi li nesportaw bdew jogħlew u jitilfu l-kompetit­tività internazzjonali.
Dak iż-żmien ukoll l-inflazzjoni bdiet tgħolli rasha.
Bejn minħabba t-telf tal-kompetittività tagħha u r-riċessjoni internazzjonali Malta għaddiet mill-ewwel riċessjoni industrijali tagħha.

 

Ir-risposta ta’ Mintoff

Ir-risposta ta’ Mintoff għal din il-kriżi ma kinitx Keynes-jana, jiġifieri tonfoq minn ġewwa u tagħmel id-defiċit.
Minn naħa waħda għamel minn kollox biex jikkontrolla l-prezzijiet. Kellu s-saħħa tal-istat u wżaha kemm felaħ. Fuq dan tkellimna f’artiklu preċi­denti. Min-naħa l-oħra mar għal politika ta’ ‘import substitution’.
Bil-fondi u għajnuna ta’ konsulenza industrijali miċ-Ċina waqqaf numru ta’ fabbriki żgħar għas-suq lokali u dak Libjan. Il-mod kif Mintoff ried iwaqqaf l-emoroġija ta’ riservi barranin ħerġin barra l-pajjiż f’importazzjoni fi żmien meta l-pajjiż naqqas ħafna l-espor­tazzjoni kien billi jikkontrolla l-importazzjoni filwaqt li jissos­twixxiha bil-produzzjoni lo­kali.
Il-politika kienet tidher lo­ġika u fattibbli. Ara liema oġġetti l-Maltin kienu l-iktar jixtru minn barra u ssostit­wixxihom bi produzzjoni lokali. Ħġieġ, ċikkulata, żebgħa, sapun, imrietel, twapet, u ħafna oġġetti oħrajn.
Meta l-pajjiż ikun qed jif­faċċja theddida għall-impjiegi, Mintoff sab l-okkażjoni biex l-imprendituri Maltin jingħataw iċ-ċans u l-assistenza bħalma konna tajna u għadna nagħtu lill-barranin.
Wieħed irid jifhem li għal­kemm ekonomikament din il-politika ta’ tariffi għolja u kwoti fuq l-importazzjoni setgħet għamlet sens għal pajjiż wie­ħed, dan ma jagħmilx sens fuq skala globali għax iwassal għal qagħad f’ħafna pajjiżi. Fil-fatt trattati tal-kummerċ inter­nazzjonali li ġew wara dak iż-żmien raw li dan ma jkunx iktar permess.
Fl-istess ħin anke jekk kieku llum jiġi mħolli jagħmel dan xorta l-politika ma tagħmilx sens għal ekonomija b’suq żgħir. L-Amerika u ċ-Ċina hu­ma kbar u teoretikament jis­tgħu jagħlqu u jirrestrinġu l-importazzjoni. Pajjiżi iżgħar ma jistgħux. Għal Malta żgur li kif kompliet ġiet ipprattikata anke wara dan il-perjodu sa meta dħalna fl-Unjoni Ewropea ma kinitx tagħmel sens.
Kienet tagħmel sens biss jekk din il-politika kienet tillimita ż-żmien ta’ protezzjoni, per eżempju, għal għaxar snin biss. L-argument tal-“infanzja in­dus­trijali” jibqa’ jreġi jekk tipproteġi s-“siġra kummer­ċjali” sakemm tikber u tissaħ­ħaħ u tiġi fuq saqajha u mhux tibqa’ tipproteġiha għal dejjem. Jekk tagħmel hekk tispiċċa b’in­dustriji infantili għal għomrok. Il-piż fuq il-konsumatur ikun żejjed u mhux sostenibbli.
Ukoll il-mod li tiskoraġġixxi l-importazzjoni jekk dan kellek bżonnu kellu jkun bit-tariffi u mhux bil-kwoti u projbizz­jonijiet simili. Dawn ifaqqsu r-riskju ta’ ħafna abbużi għax kollox jiddependi minn dipar­ti­ment governattiv wieħed. Kien ikun aħjar li jkollok taxxa jew tariffa b’persentaġġ definit u dan tnaqqsu maż-żmien. B’hekk timporta kemm trid sakemm tħallas it-tariffa ta’ protezzjoni.

 

Ġudizzju

Issa li għaddew tant snin x’ġudizzju jista’ wieħed jgħaddi fuq dawn il-policies ekono­miċi?
L-istatistika turina li bla dubju ta’ xejn is-snin tal-pjan ta’ żvilupp 1973-1979 kien veru tad-deheb fis-sens ta’ rekord ta’ tkabbir ekonomiku tul dawk is-snin fejn l-esportazzjoni u t-turiżmu kissru kull rekord u qabżu l-miri tal-pjan innifsu. Huma wasslu l-gvern iwaqqaf ‘welfare state’ ġeneruż min­għajr ma jiżdied id-dejn. Is-snin ta’ riċessjoni kienu ta’ tba­tija għax il-politika ma kinitx ekonomikament daqshekk sofistikata.
Meta tkun kaptan f’maltem­pata tagħmel dak kollu li jiġi għal idejk u li taħseb hu ta’ ġid għall-pajjiż. Illum nafu aħjar.

 

 

– l-orizzont: It-Tnejn, 17 ta’ Settembru, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *