BIDLA FIS-SISTEMA TAL-‘ACCOUNTING’ TAL-GVERN


Naħseb li l-fatt li wara 35 sena ta’ deficits is-sena li għaddiet irreġistrajna surplus finanzjarju, kull meta nitkellmu fuq il-finanzi pubbliċi u insemmu dan il-fatt kif ukoll li anke għal din is-sena l-andament sejjer tajjeb ukoll, il-maġġoranza tal-poplu għaliha bħal donnu din hija n-normalità ta’ pajjiżna. Li filfatt mhix, anzi.

Għall-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti d-deficit kien ir-regola u d-dejn kienu jnessuh billi jgħidulna li dak imbagħad iħalsuh uliedna u wlied uliedna. Kif filfatt ġara, tant li fil-bidu ta’ kull sena bħala Ministru tal-Finanzi jkolli nwarrab €220 miljun biex jagħmlu tajjeb għall-imgħaxijiet fuq id-djun li għamlu amministrazzjonijiet Nazzjonalisti. Qed nitkellmu fuq €220 miljun  kull sena. Mhux ċajta!

Imma apparti dan. Xtaqt illum nitratta xi ħaġ’oħra konnessa mal-finanzi pubbliċi, partikolarment fejn jirrigwarda s-sistema ta’ ‘accounting’ tal-Gvern peress li kultant naħseb li mhux kulħadd jifhem sewwa xi jkun rifless mill-istatistika. Dan aktar u aktar meta l-istess statistika għar-rapurtaġġ finanzjarju tal-Gvern jinħareġ darbtejn fl-istess xahar u jkun hemm varjazzjoni. U allura bir-raġun li jista’ jkun hemm min jistaqsi x’ikun qed jiġri eżattament.

Nieħdu eżempju riċenti, għaliex ftit ilu l-Gvern ħabbar illi fl-ewwel tlieta/erba’ xhur ta’ din is-sena irreġistra deficit żgħir ħafna, meta komparat mas-sena l-oħra, li kienet sena finanzjarjament tajba ħafna, dan id-deficit kien ħafna iċken? Biex imbagħad, wara ftit il-Gvern joħroġ jgħid illi mhux deficit kien hemm imma hemm surplus u li huwa surplus rekord. Għaliex qiegħed jiġri hekk?

Il-Gvern dejjem jispjega t-teknalità ta’ dan kollu u jispjega li l-ewwel statistika tkun bażata fuq cash flow u t-tieni waħda  tkun bażata fuq is-sistema magħrufa bħala accruals. Ma tlumux lil dak li jkun li jintilef u ma jkunx jaf eżattament x’ikun qed jiġri.

Is-sistema tal-cash flow hija l-mod ta’ kif wieħed jagħmel stima ta’ malajr ta’ xi jkun biegħ u xi jkun xtara, fil-każ tal-Gvern ta’ x’ikun daħħal u xi jkun ħareġ.

Is-sistema tal-cash flow hija bħal meta sid il-ħanut imur ħdejn il-cash register u jara x’ikun reġistrat bħala li daħħal flus mill-bejgħ tal-ġurnata u kemm ħareġ flus għal affarijiet li seta’ jkun xtara biex ikollu xi jbiegħ. Ikollu stima raffa tas-sitwazzjoni illi la darba m’għandekx sistema oħra allura jkollok tikkuntenta biha, għalkemm għandu jingħad li din ma tagħtikx stampa ħażina għall-aħħar.

Iżda mbagħad, meta minn żmien għal żmien jmur l-accountant għand sid il-ħanut u jgħidlu: isma’, inti xtrajt xi affarijiet u għadek ma ħallasthomx. Minkejja li sa dak il-ħin sid il-ħanut ma jkunx ħareġ flus għal dawk l-affarijiet, għall-accountant dawn il-flus xorta jkunu ħarġu u allura jitniżżlu fl-accounts tan-negozju bħala parti mill-ħruġ.

L-istess fir-rigward ta’ meta sid il-ħanut ikun biegħ xi ħaġa bid-dejn. Għalkemm fil-cash register ma jkunx hemm dak l-ammont ta’ flus partikolari, għall-accountant dawk il-flus ikun daħlu minkejja li sid il-ħanut ikun għadu ma ġabarhomx. Is-sistema, il-mod, li biha ħadem l-accountant fir-rigward ta’ sid il-ħanut hija s-sistema accruals.

Is-sistema tal-accruals hija s-sistema li tuża kull kumpanija f’Malta u kull kumpanija barra minn Malta. Imma mhux hekk kien il-Gvern Malti! Gvern li għandu dħul u ħruġ li jaqbżu €3 biljun (€3,000 miljun) li huma ħafna iżjed mid-dħul u ħruġ ta’ kull kumpanija, xorta kien jaħdem bis-sistema tal-cash flow u mhux bis-sistema accruals. Kien jaħdem bis-sistema li mbagħad jikkoreġiha kull tliet xhur. Kull tliet xhur jikkorreġi biex jara xi xtara mingħajr ma ħallas għalih u x’daħħal mingħajr attwalment ma jkunx daħħlu.

Dan mhux il-mod li bih għandu jaħdem il-Gvern. L-aħjar mod huwa li jkollok is-sistema bis-software b’ kollox biex dan isir. Sfortunatament diversi Ministri tal-Finanzi, wieħed wara l-ieħor dejjem wegħdu din is-sistema imma qatt ma waslu. Dejjem iwegħdu li l-Gvern se jaqleb is-sistema għal sistema  moderna tal-accruals bħalma għamlet kull kumpanija  oħra imma dan baqa’ ma seħħx.

U allura huwa b’sodisfazzjon ngħid li kellu jkun Gvern Laburista li se jkun qed jagħmel dan. Bi pjaċir ngħid li ftit tal-ġimgħat ilu ffirmajna kuntratt li permezz tiegħu, finalment, se naqilbu s-sistema għal waħda moderna. Se naqilbu għas-sistema accruals. Sistema li tagħti lili, bħala Ministru tal-Finanzi, aktar kontroll minn ġurnata għall-oħra fuq l-ispiża tal-Gvern u mhux noqgħod nistenna tliet xhur jew sitta biex nara eżattament x’ikun ġara. Kont fis-sitwazzjoni li qisni qiegħed naqra l-istorja ta’ x’ġara mill-ispejjeż tal-Gvern.

Madankollu ma jfissirx li għandna mmorru fl-estrem u ngħidu li s-sistema jew inkella l-valuri ta’ flus ta’ qabel ma kienux tajbin. Li qed ngħid huwa li dawn kienu jiġu kkoreġuti kull tliet xhur u anke kull sena. Kienu jiġu aġġustati, u allura l-istatistika  tal-Eurostat u r-rapport tal-finanzi tal-Gvern kienu jispiċċaw bis-sistema tal-accruals. Id-differenza se tkun li l-kontijiet jidħlu mill-ewwel bis-sistema tal-accruals u allura jkollok stampa aktar ċara u jkollok kontroll regolari u immedjat.

Dan se jkun ifisser ukoll perjodu ta’ taħriġ fil-ministeri kollha; tibdil tas-software fil-kompjuters tal-kontijiet tal-Gvern biex inkunu nistgħu naqilbu għal din is-sistema li twassal għal kontroll aktar effiċjenti.

Sistema li wara kollox tixraq lil pajjiż li f’perjodu tant qasir, perjodu ta’ erba’ snin, għamel tant progress u għolla sostanzjalment il-livell tal-għixien tal-poplu tiegħu.

 

L-ORIZZONT 28.07.2017

 

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *