Banek għat-Tiswija


Bħalissa l-attenzjoni tal-media ffukata fuq il-kriżi tal-Greċja u ż-Żona Ewro. Fl-istess ħin, il-kawża vera li ġabet fuqna r-riċessjoni internazzjonali u l-kriżi tad-djun pubbliċi u li wasslet għall-kważi falliment ta’ ħafna banek kemm fl-Amerika kif ukoll fl-Ewropa ftit għadna nisimgħu fuqha. Din kienet il-kriżi finanzjarja li oriġinat fl-Amerika fl-2008.

Nassigurakom li din ma ntesietx.

Għadab kbir

Fil-fatt l-għadab kbir tan-nies mhix biss fil-Greċja u xi bliet Ewropej. Insibuh b’xi mod jew ieħor madwar id-dinja kollha. Id-dimostrazzjonijiet u mixjiet ta’ protesta f’ħafna bliet fosthom fi New York u Londra, speċjalment fil-qalba tad-distretti finanzjarji tagħhom, Wall Street u s-City huma, xhieda ta’ dan.

Rajna u qed naraw ukoll din ir-rabja espressa mill-azzjonisti ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji fil-Laqgħat Ġenerali Annwali tagħhom  f’ħafna pajjiżi anke f’Malta. Dawn qed jipprotestaw kontra mġiba xejn korretta fl-amministrazzjoni u kontra l-prattiċi ħżiena fil-mod kif investew flus in-nies, u anke għas-salarji u bonuses eseġerati tal-uffiċjali għolja ta’ dawn il-banek. Id-djun kbar ta’ dawn il-banek, ħafna minnhom moħbija, wasslu għal falliment ċert u staġnar fl-attività kummerċjali bankarja. Kieku ma kienx għall-gvernijiet li daħlu għalihom kieku dawn fallew u ġabu diżastru ħafna akbar milli għandna llum.

Illum nistgħu nikkalkolaw kemm ġiet tiswa s’issa din il-kriżi finanzjarja kemm f’dak li hu telf tal-produzzjoni u dħul ta’ ħafna, kif ukoll fi spejjeż kbar għal gvernijiet li użaw flus il-poplu biex jagħmlu tajjeb għat-telf u d-djun ta’ dawn il-banek internazzjonali.

Il-produzzjoni mitlufa globalment hija stmata li tlaħħaq tlieta u nofs fil-mija (3.5%) tal-PGD globali. Din hi somma fenomenali. Jissemmew ċifri bħal elfejn u tlett elef miljun ewro f’telf. Jirriżulta wkoll b’mod l-iktar ċar li bħala medja dawn il-pajjiżi li ġew effetwati kellhom iżidu d-djun pubbliċi tagħhom b’medja ta’ ħamsa u għoxrin (25%) fil-mija tal-PGD. Jiġifieri meta tara din is-sitwazzjoni globalment tara li kienet xi ħaga devastanti u li għalhekk għadna nbatu l-konsegwenzi tagħha. U għalhekk li l-għadab u l-uġiegħ għadhom magħna.

Ir-Rispons         

Mhux faċli tgħid jekk r-rispons tal-gvernijiet u tal-Parlament Ewropew kienx effikaċi.

Iva, il-gvernijiet irrispondew mill-ewwel. Meta ltaqgħu fil-G20 ħadu azzjoni fl-Amerika b‘miljuni kbar ta’ dollari dak iż-żmien bil-programm imsejjaħ TARP. Fl-Ewropa  rrispondew mill-ewwel ukoll bil-mezzi kollha neċessarji biex ma jkunx hemm fallimenti ta’ banek. Fil-fatt, fl-Unjoni Ewropea ma kienx hemm fallimenti. Kien hemm nazzjonalizzazzjoni, jiġifieri l-gvernijiet kellhom jieħdu l-banek f’idejhom u jagħmlu tajjeb għat-telf u għar-riskji kollha, barra li taw garanziji fuq id-depożiti. Jiġifieri rispons kien hemm.

Fi kriżijiet simili fil-passat, li l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) għandu kollezzjoni sħiħa tagħhom u li seħħu f’ħafna pajjiżi, l-affarijiet saru mod ieħor. Normalment kien l-ewwel isir dijanjożi ta’ dawn il-banek, jaraw xi ħsarat ġarrbu, liema huma dawk l-assi li huma tossiċi u li jridu jiġu iżolati u jitpoġġew f’dak li ngħidulu ‘bad bank’. Dan li kellu jsir u b’hekk dawn il-banek dejjem jitnaddfu minn dawn ir-riskji u assi u self hażin biex għallinqas jimxu l-quddiem u wkoll iżidu l-kapital tagħhom. Dan biex jissodaw il-bażi tagħhom, il-fondazzjoni tagħhom ħalli jkunu b’saħħithom iktar minn qabel.

Fil-każ tal-kriżi tal-2008 dan il-proċess għadu sejjer u miexi bil-mod ħafna. Jiġifieri li nistgħu ngħidu hu li r-rispons mill-gvernijiet u mill-Banek Ċentrali li kien li jżidu u jippumpjaw il-flejjes, salvaw is-sitwazzjoni pero ma kkontribwiex biex dawn il-banek jagħmlu dawk it-tiswijiet li normalment wieħed jistenna mill-banek u istituzzjonijiet finanzjarji. Dan il-proċess, skont il-Fond Monetarju Internazzjonali, waqa’ lura meta jitqabbel ma’ kif kienu rrispondew pajjiżi oħra li ħarġu minn kriżi u mbagħad bdew it-tkabbir ekonomiku.

Dan minħabba l-mod kif qed jirrispondu l-awtoritajiet, li kif ngħidu waddbu l-flus biss.  Nafu li f’Diċembru l-Bank Centrali Ewropew ippompja elf miljun ewro fis-sistema bankarja Ewropea pero dan qiegħed iwassal għal dewmien qabrl il-banek isewwu l-ħsarat u jżidu l-kapital meħtieġ biex jissaħħu u b’hekk iħarsu ’l quddiem b’ċertu ottimiżmu.

 Leġiżlazzjoni   

Kif wieħed jistenna, wara kriżi bħal din il-legiżlaturi żgur li kellhom jieħdu deċiżjonijiet u jagħmlu ċerti regolamenti ġodda biex kriżi bħal din ma tirrepetix ruħha. Dan fil-fatt sar. Il-Parlament Ewropew għadda ruxxmata ta’ regolamenti. L-ewwelnett, ħoloq istituzzjonijiet ġodda. Il-Bank Ċentrali Ewropew issa waqqafnilu Bord biex iħares is-sistema finanzjarja mir-Riskji Sistemiċi fl-Unjoni Ewropea. Miegħu hemm ukoll tliet awtoritajiet regolatorji Ewropej ġodda; waħda għas-settur tal-assigurazzjoni, oħra għall-banek u oħra għas-swieq tal-ishma.

Għaddejna wkoll ħafna regolamenti. Biss biss għamilna sena u nofs fil-kumitat tagħna l-ECON ngħaddu dawn it-tip ta’ regolamenti biex ikun hemm iktar trasparenza u ma jkunx hemm dawk il-prattiċi li jittieħdu riskji eseġerati mill-banek. L-aħħar rapport leġiżlattiv li għaddejna hu dak imssejjaħ CRD4 jiħifieri il-Capital Requirement Directive. Din ser twassal għall-direttiva li biha l-banek irid ikollhom minimu ta’ kapital fil-post. Liġi kkumplikata ħafna għaliex mhux lakemm tiddefinixxi x’tifhem b’kapital għal fini ta’ bank fid-dinja tal-lum. Kien diffiċli ħafna għalina biex insibu kompromess għaliex l-iskop hu li din id-darba l-banek ma jidħqux bir-regolaturi u jaħarbulhom mit-tieqa bħal ma ġara fil-każ ta’ regolamenti tal-passat. Il-lista ta’ banek hi twila, mill-A, B, C, D  u tkompli. Għandek AIG, Bear Stearns, Citigroup, Dexia eċċ. Ta’ min jgħid li dawn ir-rikmandazzjonijiet għar-regolamenti dwar il-banek internazzjonali jsiru mill-Forum għall-Istabbilta’ Finanzjarja li jiltaqa’ f’Basle, l-Izvizzera, u għalhekk nirreferu għalihom bhala l-Basle 2 jew Basle 3.

Il-banek qed jirreżistu ħafna għaliex qed jgħidu li se jixxuttaw il-likwidità tagħhom u allura ma jkunux jistgħu isellfu. Minn naħa l-oħra aħna nafu li l-banek għad baqalhom ħafna assi li ma jiswew xejn.  Fosthom hemm dak li ngħidulhom ‘non performing loans’ li jridu jinqatgħu mill-kotba tagħhom minħabba li dawn huma self mill-banek li mhux qed jirrendilhom imgħax għax min issellifhom ma għandux biex ihallas lura. Il-kapital imbgħad irid jiġi mill-profitti jew minn xi assi oħra li l-banek jaqblilhom ibiegħu.

Ma hemm ebda triq oħra għajr li l-banek li ġarrbu l-ħsara jissewwew. Il-proċess għadu għaddej bil-mod ħafna u nisperaw li jaċċellera għaliex b’hekk biss l-ekonomija tista tirpilja. Aħna nitkellmu ħafna dwar it-tkabbir tal-ekonomija, pero mil-lat finanzjarju qabel dan il-proċess jitlesta, wieħed ma tantx jistenna li l-ekonomija globali tista terġa’ tieħu r-ruħ u terġa’ tara dak it-tkabbir ekonomiku li konnha naraw fil-passat.

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 4 ta’ Gunju, 2012


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *