Aktar trasparenza fil-finanzi pubbliċi


Il-ġimgħa li għaddiet kienet waħda importanti għal pajjiżna. Dan għax ġiet approvata fil-Parlament, bi qbil mal-Oppożizzjoni, liġi li tittrata dwar ir-Responsabbiltà Fiskali li hija essenzjali sabiex niżguraw ruħna li t-tmexxija fiskali responsabbli ssir parti integrali mill-istrutturi tal-Gvern.

Edward_Scicluna_30-7-14_jpeg

 

Din il-liġi hija ‘milestone’ fl-istorja ta’ Malta hekk kif hi l-ewwel darba li se jkun hemm regolamenti u kontrolli fil-liġi li, permezz tagħ­hom, il-Gvern se jkun marbut li jkun iktar trasparenti u kontabbli mal-poplu Malti, ferm aktar milli qatt kien fil-passat.

Nafu li sal-lum ikollna l-baġit annwali fejn il-Gvern jagħti rendikont dettaljat tal-andament ekonomiku u fiskali tal-pajjiż, kif ukoll x’qiegħed jipproġetta għas-sena li tkun ġejja. Nafu wkoll li hemm kumitat fil-Parlament Malti li jismu Public Accounts Committee li quddiemu jiġu każijiet fejn il-flus mit-taxxi ma jkunux intefqu b’mod responsabbli.

U nafu wkoll li hemm istituzzjoni, li hija l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, li kemm japprova kif ukoll jikkummenta fuq l-infiq tal-Gvern permezz ta’ rapport li jip­preżenta. Kull sena, l-Awditur Ġenerali jiskopri każijiet ta’ nuqqas ta’ għaqal u nuq­qas ta’ kontabilità fl-infieq ta’ fondi pubbliċi minn ċerti ministeri, dipartimenti u entitajiet oħrajn.

 

 

orizzont_featured

 

Però dawn kollha bejn wieħed u ieħor jittrattaw ma’ każijiet jew nefqiet li jkunu saru fil-passat, u allura imbgħad ikun hemm bżonn analiżi u spjegazzjoni. Din il-liġi hi differenti għax din issa se tħares ’l quddiem, u mhux tikkonċerna ruħha b’każijiet passati biss, imma kollox f’qafas wieħed fuq medda ta’ tliet snin.

Permezz ta’ din il-liġi l-baġit mhux se jibqa’ biss kwistjoni ta’ jekk jogħlewx is-sigaretti u x-xorb, jew inkella kemm tingħata COLA. Permezz ta’ din il-liġi, il-Gvern issa se jibda jkun marbut li jħejji u jipprepara pjan sabiex juri li għandu kontroll serju tal-ispiża tiegħu.

Dan il-pjan annwali se jkun ta’ tliet snin, u se jkun hekk imsejjaħ ‘rolling plan’, hekk kif dan se jkun qed jikkonsidra mhux biss is-sena kurrenti, iżda s-sena ta’ qabel u s-sena li jmiss, u allura pjan wara pjan, se jkun qed jimxi ’l quddiem sena b’sena. Dan il-pjan, fi ħdan strateġija fiskali, se jħares lejn l-objettivi fiskali u ekonomiċi tal-pajjiż fuq terminu medju, u se jkun irid iġorr il-firma ta’ ħadd inqas mill-Prim Ministru nnifsu u l-Ministru għall-Finanzi kull sena, kif ukoll jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra biex jiġi diskuss.

Din il-liġi se tobbliga wkoll lill-Gvern li jfassal Draft Budget, jiġifieri qabel ma jiġi ppreżentat il-baġit innifsu f’No­vembru, jiġi ppreżentat abbozz tiegħu f’Ottubru li jkollu fih il-qafas tiegħu. Dan biex ikun hemm trasparenza u kontabbiltà fl-ammonti li l-Gvern ikun jista’ jonfoq filwaqt li jirrispetta l-miri tad-defiċit u tad-dejn, għax id-Draft Budget ikun diġà ipproġetta kemm se jdaħħal, u kemm irid jagħmel defiċit.

L-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali se joħloq ukoll istituzzjoni indipendenti ġdida li tissejjaħ il-Kunsill Fiskali, li l-Gvern se jibda jkun kontabbli lejh, u li se tkun komposta minn ekonomisti indipendenti. Dan il-kunsill se jkun responsabbli li jevalwa d-dokumenti u r-rapporti finanzjarji li jfassal u jippreżenta l-Gvern u se jkollhom id-dritt li jistaqsu għal kull rapport, prijoritajiet, ‘ceilings’, u oħrajn mill-Gvern sabiex janalizzawhom, u jagħtu l-opinjoni tagħhom.

F’dawk il-każijiet li l-konklużjonijiet tal-Kunsill ma jaqblux ma’ dawk tal-Gvern, il-Kunsill se jkollu l-libertà u l-obbligu li dan jgħidu fil-pubbliku, u l-Gvern imbgħad ikollu d-dmir li jispjega għaliex ma jkunx qiegħed jaqbel mal-opinjoni tal-Kunsill.

Apparti minn dan, l-Att se jorbot lill-Gvern li jkun aktar trasparenti anke fil-mod li jimplementa l-istrateġija fuq terminu medju, u l-baġit annwali, hekk kif kwalunkwe devjazzjoni minnhom trid tiġi spjegata lill-Parlament, u lill-Kunsill Fiskali. Il-Gvern se jkun ukoll obbligat li jagħmel rapport tas-sena kollha li tkun għaddiet, kif ukoll rapport f’nofs is-sena biex juri l-andament.

Permezz ta’ dan l-att, il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Finanzi, se jkun ukoll obbligat jibqa’ jagħti rendikont kważi kull xahar matul il-perjodu ta’ sena. Dan sabiex il-prinċipju tat-trasparenza u l-kontabilità fil-finanzi pubbliċi jsiru parti integrali minn kif jitmexxa l-pajjiż, u ma tibqax ħaġa li tkun purament għad-diskrezzjoni ta’ min qed imexxi.

 

orizzont_logo

– Thursday, 31st July, 2014

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *