Aktar opportunita’ għal pajjiżna


Il-ġimgħa li għaddiet, għal darba oħra, il-magazine influwenti “The Economist”, organiżża konferenza internazzjoni ġewwa Malta fejn ġie ttrattat is-suġġett “Il-Futur tal-Mediterran”Dan huwa suġġett ferm importani għalina il-Maltin għal bosta raġunijiet. Filwaqt li Malta hija pajjiż u Membru tal-Unjoni Ewropeja, hi tinsab fin-nofs ta’ dawn iż-żewġ kontinenti kbar u għalhekk kull ma’ jkun qed jiġri fil-ġirien tagħha, ikun ta’ importanza għaliha.

orizzont thumbnail

 

L-importanza m’hijiex biss għax Malta hija waħda mill-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun, iżda għax f’dan ir-reġjun għandek żewġ kontinenti, il-Kontinent Ewropew u il-Kontinent Afrikan, li kważi imissu ma’ xulxin fiżikament iżda li hemm diverġenzi kbar bejniethom. Minn naħa waħda għandek pajjiżi li huma mifnijijn bil-gwerer, fejn il-vjolenza hija rampant, fejn għandek mhux biss il-faqar iżda anki livell ta’ għejxien mill-aktar baxx. Imbagħad fuq in-naħa l-oħra, għandek pajjiżi li huma ferm żviluppati, il-popolazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi igawdu minn standard of living għoli.

12_ORZ

Din is-sitwazzjoni qed twassal sabiex il-popolazzjoni li qed jgħejxu f’dawn il-pajjiżi qed jagħmlu kull sagrifiċċju u qed ipoġġu il-ħajja tagħhom f’perikli kbar u jaraw kif jagħmlu u jaqsmu il-baħar li jifred dawn iż-żewġ kontinenti ħalli jibdew jgħixu ħajja aħjar għalihom u wisqar għal uliedhom. Din hi ir-realta’ li qed jiffaċċjaw ir-refuġjati.

Jekk irridu li xi darba nindirizzaw din il-problema tar-refuġjati, irridu li naraw li jkun hemm żvilupp f’dawk il-pajjiżi li għadhom lura. Dan l-iżvilupp huwa meħtieġ sabiex il-ġenerazzjoni zgħazugħa ta’ dawn il-pajjiżi ikollhom futur ġewwa pajjiżhom. Hu fl-interess tagħna ukoll li naraw lid an iseħħ, għax jekk ikun hemm dan l-iżvilupp, dan l-investiment f’dawn il-pajjiżi, dan ikun ifisser opportunita’ unika għall-imprenditur Malti li jħares barra minn xtutna u jkabbar in-negozju tiegħu f’dawn il-pajjiżi.

Huwa ferm importanti li l-imprendituri Maltin iħarsu lejn dawn il-pajjiżi. L-opportunita’ ta’ tkabbir tiġi mhux minn suq li huwa żviluppat iżda minn swieq li jkunu fi stadju ta’ żvilupp. Iżda wieħed irid imur u jsib l-opportunita’. Bħala Gvern, qed nagħmlu minn kollox sabiex inwittu it-triq u niffaċilitaw dawk il-kuntatti li jwasslu għal opportunitajiet ta’ investiment għan-negozzjant Malti. Din il-konferenza kienet waħda minnhom.

F’din il-konferenza, attendew il-pajjiżi li jiffurmaw dak li huwa mgħaruf bħala il-pajjiżi tal-MENA (Middle East North Africa). Il-pajjiżi li jiffurmaw dan il-grupp huma dawk il-pajjiżi li jibdew mill-Marokk u jibqgħu sejrin sall-Ġordan u il-Lebanon. Ir-rappreżentanti ta’ dawn il-pajjiżi tkellmu fuq il-problemi li bħalissa qed jifnu lill-pajjiżhom. Iżda fl-istess ħin kollha urew tama u determinazzjoni li huma sejrin jgħelbu dawn iż-żminijiet diffiċli, anki bl-għajnuna ta’ pajjiżi oħra. Sfortunatament, il-pajjiżi Ewropej, għal snin twal, minħabba il-problemi li għaddew u għadhom qed jgħaddu minnhom, ittraskuraw  lil dawn il-pajjiżi u lil dan ir-reġjun.

Wieħed irid ifakkar minn x’hiex il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja għaddew tul dawn l-aħħar tmien snin.Bdejna mill-kriżi finanzjarja, fejn banek f’diversi pajjiżi fallew, pajjiżi li akkumulaw djun kbar, kellek pajjiżi li kienu f’xifer ta’ falliment, kellek il-problema tal-Greċja, problema li setgħat twassal għal kriżi fis-sistema monetarja tal-Ewro, il-problemi li kien hemm fir-rigward tar-relazzjonijiet mar-Russja u l-Ukrajna, u il-kriżi umanitarja tar-refuġjali li qed jaħarbu mill-gwerra li għaddejja ġewwa is-Sirja.

Il-pajjiżi tal-MENA, huma pajjiżi li il-Bank Dinji jiddefenixxi bħal pajjiżi li għandhom dħul medju, u għalhekk filwaqt li m’humiex sinjuri bħal pajjiżi Ewropej, lanqas huma fqar bħal pajjiżi afrikani. Barra minn hekk, dawn il-pajjiżi għandhom eluf ta’ żgħażagħ li qed jiggradwaw mill-universitajiet u mill-polytechnics. Pero’ dawn iż-żgħażagħ m’hux qed isibu xogħol gġax hemm nuqqas ta’ investiment u burokrazija kbira li qed ixxekkel kull inizzjattiva ta’ żvilupp.

Meta indirizzajt din il-konferenza, ikkumparajt l-avvenimenti li ġraw meta’ kien hemm ir-rivoluzzjoni tal-pajjiżi li kienu jiffurmaw dak li kien imsejjaħ il-blokk Sovjetiku, dawk il-pajjiżi li nirreferu għalihom bħala tal-Lvant u Ċentrali, jew ta’ wara il-purtiera tal-ħadid, u ir-rivoluzzjoni mgħarufa bħala l-Arab Spring. Semmejt ukoll is-sitwazzjoni li kien hemm fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija.

Semmejt kif mat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, l-Amerika kienet waqqfet il-Marshall Aid Fund u fasslet pjan sabiex isir investiment massiċċ fil-pajjiżi ewropej ħalli jkun hemm l-investiment u żvilupp neċessarju sabiex dawn iqumu fuq saqajhom.

Meta kien hemm ir-rivoluzzjoni fil-pajjiżi tal-Blokk Sovjetilku, kien twaqqaf il-bank imsejjaħ bħala EBRD (European Bank for Reconstruction and Development). Dan kien bank li twaqqaf speċifikatament sabiex isir investiment f’dawn il-pajjiżi tal-Lvant sabiex joħorġu mill-faqar u il-livell tal-għejxien tal-popolazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi jittellgħu għall-livell gawdut fil-pajjiżi ewropej l-oħra.

Sfortunatament, mhux l-istess jista’ jingħad li ġara fil-każ tar-rivoluzzjoni li saret ftit tas-snin ilu mill-pajjiżi għarab. Kienet opportunita’ li ntilfet u ħadd ma ndenja ruħu jinvesti bis-serjeta’ f’dawn il-pajjiżi. Il-pajjiżi tal-Mediterran u dawk li jiffurmaw il-MENA, tħallew waħedhom. Hemm bżonn li bank bħall-EBRD jew xi bank ta’ żvilupp li jitwaqqas apposta, jiffoka u jfassal plan ta’ investiment f’dawn il-pajjiżi.

Malta jista’ jkollha rwol important f’dan ir-rigward. Waqt din il-konferenza, jiena kelli opportunita’ nitkellem ma’ nies fin-negozju li kienu ġejjien mill-Lebanon, Alġerija, Marokk kif ukoll mit-Tuneżija. Ftit ilu tkellimt ukoll mal-Ministru tal-Finanzi Tuneżin fuq l-istess suġġett. Ma’ kull min tkellimt, kullħadd qed iħares lejn pajjiżna bħala pajjiż li jista’ jgħin f’dan il-proċess. Dan għaliex jaraw fina pajjiż li ekonomikament sejjer tajjeb ħafna; pajjiż li għandu settur finanzjarju żviluppat. Dawn il-pajjiżi qed iħarsu lejn Malta li tista’ tgħinhom jiżviluppaw dawn is-setturi; setturi li huma il-bażi sbiex jattiraw investiment ġewwa pajjiżhom.

Malta għandha interess li tara li dawn il-pajjiżi jirnexxu, għax dan ikun ifisser opportunitajiet u swieq ġodda għan-negozji Maltin.

 

L-Orizzont- Il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju 2016

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *