L-ekonomija skont Dom Mintoff


KULL mexxej kbir ta’ pajjiż li qaleb ta’ taħt fuq is-soċjetà ta’ pajjiżu, u li ħalla ismu mnaqqax fl-istorja, ma setgħax ma kellux kredu ekonomiku jew stil ta’ tmexxija għalih. Tajjeb jew ħażin il-Prim Ministru Thatcher, il-President Reagan u llum il-Kanċillier Merkel huma assoċjati ma’ ‘policies’ ekonomiċi partikolari li kkonvertew numru ta’ ekonomisti għal warajhom.

Inħolqu tejoriji ġodda ta’ kif inħarsu lejn l-ekonomija. Dawn spiċċaw daħlu fil-letteratura bħala politika ekonomika rrispettata, anke jekk ma taqbilx magħ-  hom.
Il-Prim Ministru ta’ Malta Dom Mintoff li ggverna għas-snin 1955-58 u 1971-1984 l-istess kien identifikat ma’ stil uniku ta’ tmexxija ekonomika li l-ebda ħadd ieħor ma nafu li pprattika f’pajjiżna.
Kien ikkritikat ħafna mill-oppożizzjoni dwar­ha u anke kien hemm fil-kamp tiegħu stess li minn wara daru kien jiddieħak biha wkoll. F’hiex kienet tikkonsisti l-ekonomija ta’ Mintoff? Kif tidher mil-lenti tal-lum?
Il-professjoni ta’ Mintoff kienet ta’ perit u mhux ta’ ekonomista. Però għalih l-ekonomija kienet ingredjent mill-iktar essenzjali li mie­għu ried jagħġen il-politika domestika u barranija u l-politika soċjali biex flimkien bihom seta’ jibni nazzjon. Nazzjon vijabbli u veru independenti.

 

Soċjalista

 

Għalkemm bħala żagħ­żugħ intelletwali fl-Università ta’ Oxford hu ġie influwenzat minn ħsibijiet tax-xellug, speċjament tal-Fa­bian Society u kien spiss jirreferi għal Marx, nistgħu ngħidu li ma kienx Marxista.
Anzi naf li wasal biex keċċa mill-partit elementi li kienu jesponu ħsibijiet est­remi għax kien iqishom perikolużi. Kien purament soċjalista li ħadem biex jgħin lill-fqir u dawk bi bżonnijiet speċjali. Ħadem biex jintegra lin-nisa fis-soċjetà. Kien tolleranti fejn jidħol it-twemmin reliġjuż jew l-orjentament sesswali.
Individwalment nemmen li kien kapitalista, speċjalment meta kien jitratta biċċa negozju. Jemmen fil-bżulija u jobgħod il-għażż. Stenna dej­jem li kull proġett kummerċjali jirrendi.
Il-ħolma tiegħu kienet li l-ħaddiem Malti jsir kapitalista żgħir. Beda biex ra li l-ħad­diem isir propjetarju ta’ daru. Ipprova kemm seta’ biex il-ħaddiem ikun ukoll fuq il-bord tal-azjenda tiegħu u spalla ma’ spalla mad-diretturi l-oħrajn jieħu parti fid-deċiżjonijiet li jolqtuh. Li ma komplitx din is-sistema f’paj­jiżna, u li għada taħdem b’suċċess fil-Ġermanja, mhux tort tiegħu.
Fil-pubbliku kien jiddieħak bil-konsulenti u studjużi li jibqgħu fis-sħab u saqajhom ma jmissuhomx mal-art. Però hu dejjem fittex nies bravi u ta’ esperjenza biex jagħtuh l-aħjar pariri. Meta kont qed nistudja f’Oxford, żewg eko­nomisti li kienu jillekċerjawni, Lord Balogh u Paul Streeten, kienu dak iż-żmien qed jagħtuh l-għajnuna tagħhom biex jiffinilizza l-Pjan ta’ Żvilupp 1973-79.
Meta snin wara fil-bidu tat-tmeninijiet rritornajt Malta mill-Università ta’ Toronto u għamilt studju għall-Federazzjoni tal-Industrija (FOI) dwar l-impatt (ħażin) li l-valur estern tal-Lira Maltija kien qed ikollu fuq l-ekonomija Mal­tija, sirt naf li kien bagħat għal ħabib tiegħu Gwido Carli  eks-gvernatur tal-Bank Ċentrali Taljan biex fl-Għarix miegħu jeżamina r-riżultati ekonometriċi li kont ipproduċejt f’dak l-istudju. Ftit xhur wara bagħat għalija u talabni nibnilu mudell biex neżamina l-impatt tal-prezz taż-żejt fuq l-ekonomija Maltija.

 

Ippjanar u finanzjament

 

Bħala perit kien jemmen ħafna fl-ippjanar. Il-pjan ta’ żvilupp kien iddettaljat biex sena b’sena jkun jaf kemm se jinvesti, kemm se jonfoq, kemm nies se jirtiraw, kemm kien hemm bżonn jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda biex jinżamm il-qgħad baxx.
Għall-iffinanzjar ta’ dan il-pjan dar fuq il-Gvern Ingliż u ra li jħallas sew għall-użu tal-bażi, wara dar fuq iċ-Ċina, il-Kuwait, il-Qatar, il-Libja u fl-aħħar l-Italja. F’termini tal-lum qegħdin nitkellmu fuq mijiet ta’ miljuni ta’ ewros.
Matul dawn is-seba’ snin l-ekonomija kibret f’rata medja ta’ madwar 8% kull sena f’termini reali. Id-dejn żammu taħt l-għaxra fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (PGD). Illum dan tela’ għal 75%.
L-imgħax li  kien iħallas fuq id-dejn kien biss ta’ 0.5% tal PGD. Illum il-gvern iħallas 3%. F’dawn is-seba’ snin kien hemm sena biss fejn il-baġit tal-Gvern għamel defiċit. Il-kumplament dejjem spiċċa ‘surplus’. Dan kien imur biex iħallas lura s-self li kien ikun sar għall-proġetti kapitali produttivi.

 

Il-‘Golden Rule’

Dan iwassalna biex inkejlu dawn il-prinċipji ekonomiċi mil-lenti tal-lum. Il-biża kbir li kellu Mintoff mid-djun u l-fissazzjoni li jagħmel ‘surplus’ u mhux defiċit fil-baġit ma nistgħux nidħqu bihom iżjed. Illum d-djun nazzjonali qed ikexkxu għax qegħdin iwasslu għal falliment ta’ pajjiżi Ewropej.
Is-sagrifiċċji li qegħdin jin­talbu jagħmlu l-penzjonanti, l-ħaddiema, u kull settur ieħor fil-Greċja, fl-Irlanda, fil-Portugal, fi Spanja u fl-Italja huma tant kbar li meta wieħed iħares lura lejn in-nuqqas ta’ ‘televisions’ bil-kulur, ċikkulata u ‘toothpaste’ ta’ barra bħala insinifikanti meta l-għan ta’ dik il-politika kien li jipproteġu l-impjiegi u l-vijabilità ta’ pajjiżna.
Fost kollox dawn il-prinċipji u valuri issa qegħdin jiġu mnaqqxin fil-pakkett ta’ go­vernanza ekonomika Ewropea u saħansitra se jiddaħlu fil-Kostituzzjoni tal-pajjiżi memb­ri tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta. Din il-prinċipju Min­toffjan li pajjiżna ma jagħ­milx defiċits baġitarji llum se nibdew nirreferu għaliha bħala l-Golden Rule.
Bħalissa wkoll il-Gvern qed jinnegozja mal-Unjoni biex din tkompli tgħin lil pajjiżna b’finanzjament li fi żmien Gvern Laburista kien irnexxilu jġib minn pajjiżi Ewropej u mhux Ewropej. Naħseb li sew issa u sew qabel, ħadd m’għandu jew kellu jitkaża b’dan id-dmir.
Jidher li kellhom jgħaddu iktar minn 30 sena biex pajjiżna bħala membru taż-Żona Ewro jagħti raġun lil dawk il-prinċipji ekonomiċi li kien iħaddan il-Perit Dom Mintoff.

 

 

 

– l-orizzont: It-Tnejn, 27 ta’ Awwissu, 2012


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *