ACTA


Fil-jiem li għaddew il-Gvern Malti ffirma l-ftehim magħruf bħala ACTA. Kontra dak li jsir is-soltu, il-Gvern ma ħareġ l-ebda stqarrija biex iħabbar li ffirma dan it-trattat. Sirna nafu għaliex qamet kontroversja sħiħa kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, wara li għaqdiet taz-żgħa­żagħ qamu jipprotestaw għax qegħdin iqisu dan il-ftehim bħala li jmur kontra ċerti drittijiet tal-individwu, b’mod speċjali fejn jidħol l-użu tal-Internet.

ACTA hija fil-qosor għal Anti-Counterfeiting Trade Agreement, jiġifieri ftehim internazzjonali biex jipprova jwaqqaf is-serq ta’ proprjetà intellettwali. Is-serq ta’ ideat li ħaddieħor ikun nefaq ħafna flus u investa bil-kbir biex jasal għalihom hu mill-iktar faċli. Tista’ tkun, pereżempju, riċetta ta’ pillola li trid is-snin u investiment ta’ mijiet ta’ ewro biex tiġi vvintata. Naturalment, jekk tkun taf ir-riċetta, il-pillola tista’ tagħmilha malajr mingħajr ma tonfoq ħafna flus. L-istess għas-‘software’.
Huwa għalhekk li l-awtoritajiet jiddefendu l-proprjetà intellettwali u jaslu li anke f’xi każi bħal mediċina jagħtu monopolju għal numru ta’ snin definit lil dawk il-kumpaniji li jkunu investew miljuni ta’ ewro kbar biex skoprew il-pillola, ħalli jbigħuha anke bi prezz għoli, biex ikunu jistgħu jirkupraw l-ispejjeż kbar li jkunu nefqu fir-riċerka u b’hekk jinkoraġġuhom jo­ħor­ġu b’ideat oħrajn.
Jekk ma jkunx hekk, ħadd ma jidħol biex jagħmel ir-riċerka. Pereżempju, jekk wieħed jikteb kanzunetta u ħaddieħor jikkopjahielu min­­għajr ftehim, inkluż qbil dwar kumpens, nispiċċaw li ħadd ma jkun irid jivvinta xejn jew jagħmel riċerka biex imbagħad jisraqhielu ħaddieħor. Kawża ta’ hekk il-pajjiż jaqa’ lura. Niftakru li d-dinja marret ’il quddiem grazzi għall-invenzjonijiet u ideat kbar oħrajn li ssarrfu f’investiment u li żiedu mal-progress li minnu jgawdi kulħadd. Żgur li ħadd ma jrid li dan jieqaf jew jiġi skoraġġit. Fil-fatt liġijiet li ­jipproteġu dan it-tip ta’ prop­rjetà jeżistu f’kull pajjiż tad-dinja.

Mela allura x’qed jiġri? 
Bħall-ġlieda kontra t-ter­roriżmu, it-traffikar tad-droga, in-negozju tal-annimali eżotiċi, in-negozju tal-armi, f’dan il-każ in-negozju fi prodotti u servizzi kkopjati, kull ftehim internazzjonali bejn il-pajjiżi jgħin li jitrażżan b’mod iktar effikaċi.
U allura m’hemm xejn ħażin li jsir ftehim bejn il-pajjiżi biex is-serq intellett­wali u produzzjoni ta’ prodotti kkopjati jiġi mrażżan.
Iżda hawn nidħlu fi problemi kbar. Bħal fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Għalkemm kulħadd jixtieq li l-Pulizija tuża l-mezzi kollha tagħha ħadd ma jaċċetta li dawn il-mezzi jibdel ixekklu l-libertajiet tal-individwu onest, jekk kull darba li toħroġ filgħaxija l-pulizija joqogħdu jwaqqfuk f’‘road block’, jew li jwaqqfuk fit-triq biex jitolbuk biex jaraw l-ID card, li jfittxulek f’darek biex jeżaminaw jekk il-prodotti li xtrajt setgħux ­kienu kkopjati, inti tgħajjat waħda u tgħid: “daqshekk!”
Hemm limitu għal kollox.
Fil-fatt kull soċjetà ċivilizzata m’għandhiex ‘zero tolerence’ kontra l-kriminalità għax taf li biex isir dan, jix­xekklu l-libertajiet u b’hekk is-soċjetà ssofri danni iktar mil-kriminalità nnifisha.
Fuq skala internazzjonali għandna l-istess problema. Riżultat tal-11 ta’ Settembru fi New York, il-ġlieda tal-Amerika kontra t-terroriżmu wasslet biex qegħdin jintalbu jitnaqqsu libertajiet kbar. Kulħadd jaqbel li għandna niġġieldu t-terroriżmu iżda fl-istess ħin, għandu jkun hemm limitu ta’ kemm għandu jsir bdil ta’ informazzjoni personali bejn pajjiż u ieħor bl-iskuża tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.
M’iniex ngħid għat-tfittxija qabel ma titla’ ajruplan: tneħħi ċ-ċintorin u l-arloġġ, toħroġ il-flus mill-but, tinża’ l-ġlekk u l-kowt, kultant iż-żarbun, toħroġ il-borża tal-istoċċijiet tat-‘toiletries’, il-laptop mill-‘briefcase’, u forsi ssir tfittxija wkoll fuq il-persuna u l-bagaliji. Fil-każ tiegħi darbtejn fil-ġimgħa. Għal dan aħna l-passiġġieri ma ngħidu xejn.
Imma meta taf li fid-‘data­bank’ u l-kompjuters Amerikani għandhom l-informazzjoni kollha tal-credit cards, ta’ kull meta vvjaġġajt u fejn matul ħajtek kollha, u affarijiet personali oħrajn, wieħed jibda jinkwieta. L-istess għat-‘tapping’ u rrekordjar tat-telefonati. Big Brother ta’ George Orwell qiegħed magħna.
U għalhekk f’dan il-kuntest li ż-żgħażagħ qamu għalenija kontra l-ACTA. U għandhom raġun ikunu inkwetati, u aħna daqshom. Dan speċjalment fuq indħil min-naħa tal-Internet Service Provider (ISP) li jrid jiċċekkja biex jara jekk ikunx qed jitniżżel materjal ikkoppjat jew le.
Aħna fil-Parlament Ewro­pew domna ħafna biex qbilna mal-Istati Uniti u għadna sal-lum m’aħniex kuntenti bil-ftehim li sar biex tingħata l-informazzjoni kollha tal-passiġġieri, inklużi dettalji tal-passaport, karti ta’ kreditu u informazzjoni personali oħra lill-Amerika, biex iż­żomm ‘database’ fuq kul­ħadd. Japplika l-istess għal bdil ta’ informazzjoni dwar tranżazzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħalma hija SWIFT. Il-Parlament Ewropew dam is-snin iżomm lura sakemm qabel wasal fi ftehim mal-Istati Uniti.
Issa qed jiġri l-istess fil-każ ta’ dan l-ftehim imsemmi ACTA. Hemm ħafna dubji dwar il-mod kif sar dan il-ftehim sar. Hemm min jgħid li ma kienx hemm trasparenza. Ir-Rapporteur Kader Arif li hu mill-grupp tagħna s-Soċjalisti fil-Parlament, irriżenja minn rapporteur għax ħass li l-affarijiet ma sarux sew u allura mhux ta’ b’xejn li ż-żgħażagħ qegħdin jinkwetaw u jipprotestaw.
Fir-riżoluzzjoni li l-grupp tagħna tas-Soċjalisti kien ippreżenta fuq l-ACTA f’Novembru tal-2010, konna tlabna għal iktar bilanċ u rwol iktar importanti għall-Parlament Ewropew. Konna tlabna biex il-‘patents’ tal-mediċini ġeneriċi jiġu esklużi speċifikatament minn dan il-ftehim. Tlabna wkoll li jkun hemm iktar garanziji f’dak li għandu x’jaqsam dak li jista’ jingħata mill-ISP lill-awtori­tajiet. Din ir-riżoluzzjoni li kienet appoġġjata wkoll mill-Ħodor u mil-Liberali, iżda sfortunatament kienet imwaqqfa mill-EPP li magħhom jappartjenu l-parlamentari Nazzjonalisti u li pproponew riżoluzzjoni minn tagħhom li kienet però ħafna inqas restrittiva fuq il-Kummissjoni.
Huwa veru li l-pajjiżi tal-UE u pajjiżi oħrajn iffirmaw dan it-trattat. Però, bħalma jiġri kull meta jiġi ffirmat ftehim ta’ din in-natura, ikun irid jiġi ratifikat mill-parlamenti tal-pajjiżi kkonċernati. Billi dan il-ftehim jirrigwardja l-pajjiżi tal-UE, l-ewwel post fejn se jiġi diskuss hu fil-Parlament Ewropew fejn irridu naraw jekk għandux jiġi rratifikat mill-UE biex imbagħad tgħaddih lill-istati membri biex jigi diskuss fil-parlamenti nazzjonali.
Għalhekk wieħed għandu jieħu interess f’dak li qed jiġri għax ftehim li jaffettwa ċ-ċittadin m’għandux isir minn wara dahru.

 

l-orizzont, it-Tnejn, 6 ta’ Frar, 2012

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *