Call me Bond


Matul is-seduta ple­narja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu iktar kmieni l-ġimgħa l-oħra, ġiet approvata riżoluzz­joni dwar l-hekk imsejħa Stability jew Eurobonds – skema ta’ bejgħ ta’ bonds mill-pajjiżi Ewropej fuq skala Ewropea minflok dik ta’ bħalissa, fejn kull membru jbigħ il-bonds individwalment.
M’hemm ebda dubju, sew għall-grupp tagħna tal-Alleanza Soċjalista u Demokratika, però anke għall-Parlament, dan hu pass kbir ’il quddiem. Dan għar-raġuni li, waqt li l-kriżi fiż-Żona Ewro sejra mill-ħażin għall-agħar, ir-rimedji li approvajna s’issa aktar kienu intiżi biex ibegħduna minn kriżi oħra milli biex joħorġuna minn dik li qegħdin fiha. Qiegħed l-iżjed nirreferi għal pakkett ta’ regolamenti li għad­dejna mill-Parlament magħrufa bħala “Six Pack”. Dawn kienu bbażati fuq programmi t’awsterità fiskali u sanzjonijiet għal min ma jirrispettahomx. Xejn dwar tkattir ekonomiku u tibdil fil-qafas difettuż li fuqha mibnija ż-Żona Ewro. Mhux ta’ b’xejn aħna s-Soċjalisti konna vvotajna kontra ħafna minn dawn ir-regolamenti.
F’wieħed minn dawk is-sitt rapporti konna azzardajna ndaħħlu referenza għal Eurobonds. F’isem il-grupp tiegħi bħala Shadow Rapporteur fuq dan ir-rapport tal-Liberali Sy­lie Goulard, kont tajt l-appoġġ kollu biex nikkonvinċu l-Konservattivi jħalluha hemm, kif fil-fatt sar. Dan għax il-Ġermanja kienet u għadha sal-lum kontrihom. Dak iż-żmien il-Kummissjoni wkoll kienet beżgħana li ssemmihom. Waqt it-Troika għamilniha kundizzjoni li l-Kum­missjoni tistudjahom bis-serjetà. Il-Green Paper li ħarġet il-Kummissjoni f’nofs Diċembru hu riżultat ta’ dan. Bħala suġġett kontroversjali wieħed irid ikollu strateġija li timbotta kemm tista’. Għalhekk ma qgħadniex nistennew u qabel il-Milied ftehemna li ngħaddu riżoluzzjoni biex nagħmlu speċi ta’ Statement of Intent. Dan issa ġie approvat fil-plenarja kif semmejna.
Fl-intervent tiegħi fil-Ple­narja għedt li qed jidher li sfortunatament li l-mistura tal-pajjiżi Nordiċi, inkluża l-Ġermanja, mhux qiegħda tkun effikaċi. Ir-rispons tagħ­hom għal dan kien, mhux li jibdlu l-mediċina iżda, li jżidu d-doża. Dan nafu x’jista’ jfis­ser għall-pajjiżi bħall-Greċja u pajjiżi simili, fejn qed jinqala’ inkwiet kbir għax il-poplu ma jiflaħx isofri aktar għall-programmi daqshekk ħorox. S’intendi d-dejn irid jinqata’, però għandu jkun hemm sistemi aħjar u bis-sens. Jekk il-bankieri għarfu jħaddmu moħħhom, għaliex il-gvernijiet m’għandhomx jagħmlu l-istess.
Biex taraw kemm dan huwa minnu, ngħid li fost is-summits li s’issa rajna fuq it-televiżjoni u bit-teatrini li kellna magħhom, l-iktar miżura effikaċi li salvat is-sitwazzjoni kienet il-mossa ta’ Mario Draghi, President tal-Bank Ċentrali Ewropew, li b’daqqa ta’ pinna fl-aħħar tas-sena l-oħra għen lil mijiet ta’ banek mifruxin mal-Ewropa jissellfu miljuni kbar biex jiskansaw minn falliment. Is-somma laħqet mal-€500 biljun. Ħafna qegħdin iqisu li minħabba fiha, l-Ewropa se tiskansa li tidħol f’riċessjoni fonda jew fit-tul.
Teknikament u ’l bogħod mill-politika Ewropea, nafu li jekk ikollna bank jew fond Ewropew b’sistema ta’ ħruġ ta’ Ewrobonds jew Stability bonds, bil-Bank Ċentrali jagħ­mel tajjeb għalih, il-kriżi nsi­bulha tarfha. Dan filfatt hekk isir meta l-kriżi tkun f’pajjiż wieħed. Iż-Żona trid bilfors tagħmel l-istess biex issalva. Din is-sistema tal-eurobonds tgħin biex l-istruttura jew l-arkitettura tal-Ewro titjieb. Maż-żmien anke l-Ġermanja jkollha taċċetta dan il-fatt.
S’intendi għadna qegħdin niddiskutu. Dan il-ballun qegħdin nixxuttjawh ’il quddiem biex inkomplu nsaħħu din il-proposta. Ma konniex żguri sal-aħħar li se nsibu maġġoranza. Dan minħabba li sibna oppożizzjoni mill-elementi konservattivi li, bħal Ġermanja li ma jixtiqux li din il-proposta timxi ’l quddiem. Fl-aħħar ġurnata l-grupp tal-EPP talbu li jsiru emendi u ‘split votes’ biex jipprovaw idgħajfuha.
S’intendi aħna bżajna sa­ħan­­sitra li jekk dawn jgħaddu kien ikollna naslu biex nivvotaw kontra r-rapport li tant xtaqna jgħaddi.
Billi l-vot baqa’ inċert, jien, bħala ‘shadow’, u l-kordinatriċi l-ġdida tagħna Eliza Ferreira, kellna bħal Neru fil-Kolusew nuru b’subgħajna lil sħabna kif jivvotaw. Skont dak li rriżulta mill-emendi żammejna subgħajna ’l fuq biex jivvotaw favur.
Għall-ewwel darba waqt din il-kriżi, is-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew setgħu jgħidu li vvotaw għal rapport li kien pożittiv dwar ir-rimedji. Dan biex inkomplu nsaħħu ż-Żona Ewro u jkun hemm ­tkab­bir ekonomiku u jkun hemm ukoll it-tkattir tax-xo­għol, u mhux inħallu l-­opinjoni tan-Nordiċi bl-em­fasi biss fuq programmi ta’ awsterità.
S’intendi, il-fatt li qegħdin ngħidu li hija pożittiva ma jfissirx li hu r-rimedju kollu u totali li se jsolvi l-problema fil-pront. Mhux talli hekk. Dan se tieħu mhux biss ġimgħat jew xhur imma forsi anke sena sentejn biex titwettaq. Irridu nbidlu l-liġijiet, irridu nibdlu t-Trattat biex dawn iseħħu u min jaf kemm għad irridu negozjati biex ikun hemm ftehim li, fuq prinċipji dwar kif il-pajjiżi dgħajfin, ma jirkbux fuq dan u jerġgħu jaqgħu lura. Mhux se noqgħod nidħol fihom illum u forsi nittrattahom darba oħra, dwar il-fatt biex il-pajjiżi jkunu kuntenti, ħalli din il-proposta ssir realtà. Mela allura x’impatt se jkollha fuq il-kriżi llum?
Ikollha għaliex permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, li ġiet approvatat mill-Parlament, qie­għed jin­għata l-messaġġ ċar fejn nix­tiequ ż-Żona Ewro għandha timxi. ‘Statement of intent’.
Fuq din il-proposta s-swieq finanzjarji jieħdu l-messaġġ li barra l-programmi ta’ awsterità hemm pjan biex tinbidel l-arkitettura taż-Żona Ewro. Qafas fejn flimkien nagħmlu jagħmel tajjeb għall-problemi u għall-iżbilanċi li hemm fiż-Żona li, meta tagħmilhom flimkien, issib li mhumiex daqshekk relattivament kbar.

L-Orizzont, it-Tnejn, 20 ta’ Frar, 2012 


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *