Żjara l-Arkivju Notarili


It-Tnejn 12 ta’ Awwissu, l-Ministru għall-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna żar l-Arkivju Notarili, flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

“Kont iddispjaċut sew li minkejja l-valur imprezzabbli storiku u kulturali tad-dokumenti f’dan l-arkivju – li bosta minnhom saħansitra jmorru lura sa żmien il-kavallieri – tħallew jitmermru u jisfaxxaw,” ikkummenta Prof. Scicluna wara ż-żjara.

 

Arkivju Notarili

 

“Hemm bżonn aktar serjeta’, aktar sostenn sabiex nagħtu lill-wirt kulturali u storiku tagħna d-dinjita’ u r-rispett li jistħoqqlu. Bħala Ministru għall-Finanzi, ngħaraf li l-investiment f’dan il-qasam mhux biss hu neċessarju, iżda hu dmir ta’ dan il-Gvern.”

Hu fatt rikonoxxut li l-arkivji notarili huma xhieda tal-istorja u l-kultura rikka ta’ pajjiżna. F’uħud mill-bosta dokumenti importanti li jinsabu f’dawn l-arkivji insibu dokumenti ffirmati li jikkommemoraw meta Malta irċeviet il-George Cross , kif ukoll il-permess biex dan l-unur kbir jitqiegħed fuq il-bandiera. Apparti minn hekk, bosta dokumenti ta’ dan it-tip jinsabu biss f’Malta. Iżda minkejja l-valur storiku u kulturali tagħhom, ħafna minnhom jitħallew jitmermru.

Fost dawn id-dokumenti imprezzabbli nsibu t-testmenti tal-arkitett Ġilormu Cassar u t-testiment ta’ Dun Mikiel Xerri. Iżda l-aktar dokument importanti għal-lingwa Maltija u li jinsab f’dawn l-arkivji hija l-Kantilena, miktuba minn Pietru Caxaru qabel l-1485 li hija wkoll l-eqdem kitba bil-Malti.

 

arkivji notarili

 

Għal numru ta’ snin, l-Arkivju Notarili kellu jiddependi fuq il-benevolenza ta’ numru ta’ sponsors li kkontribwixxew kemm f’fondi kif ukoll f’assistenza volontarja sabiex l-Arkivju jkun jista’ jwettaq imqar parti żgħira minn xogħlu. Uħud mill-isponsors ewlenin li qed jgħinu huma “The Restoration Unit,” “HSBC” u “Farsons Foundation” fost oħrajn. Ta’ min isemmi ukoll li “The Malta Study Centre in the USA” qed jaħdmu fuq proġett ta’ diġitazzjoni.

“Bħala Ministru tal-Finanzi, jiena ningħaqad mal-Prim Ministru u nirringrazzja lill-voluntiera tax-xogħol kollu li wettqu, u li naqbel li l-Gvern għandu jagħmel dmiru biex jgħin,” sostna l-Prof. Scicluna, filwaqt li qabel ukoll li l-Arkivju jirrapreżenta riżorsi ta’ rikkezza storika u kulturali mhux biss għall-Maltin, iżda li għandu wkoll valur kummerċjali fil-qasam turistiku.

Il-Ministru għall-finanzi l-Prof. Edward Scicluna kompla jgħid li hemm bosta opportunitajiet kbar biex nattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea sabiex il-Gvern ikun jista’ jinvesti f’dan ir-rigward.

 

– Monday, 12th August, 2013

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *