Self mingħajr imgħax fuq id-depożitu tal-10% lill-first-time buyers eliġibbli għall-Home Deposit Scheme


Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji,  flimkien mal-bank APS u l-bank BOV ħabbru skema ġdida li l-għan tagħha huwa li tgħin lil first-time buyers li għandhom taħt l-40 sena, li minkejja li huma eliġibbli għal self mill-bank fuq dar, ma jkollhomx il-likwidità meħtieġa biex iħallsu d-depożitu meħtieġ ta’ 10% fuq l-iffirmar tal-konvenju biex b’hekk isiru sidien ta’ darhom.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI

U

MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega li din l-iskema se tkun qiegħda tingħaqad mal-kullana ta’ skemi li ġew introdotti mill-Gvern fis-settur tal-housing bl-għan li dan is-settur jaħseb f’kulħadd u għal bżonnijiet differenti joffri soluzzjonijiet differenti. Huwa fakkar fost oħrajn fl-iskema ta’ Equity Sharing li qed twassal persuni li għandhom 40 sena jew aktar biex isiru sidien ta’ darhom kif ukoll fil-liġi tal-kera, fejn illum għandna suq li qiegħed joffri alternattiva ta’ akkomodazzjoni adegwata, u għalhekk tenna li l-istrateġija li qiegħda tiġi implimentata ma setgħetx tħalli barra lill-first-time buyers.

“Din hija skema li se tkun qiegħda tinvesti fl-għaqal. Ma stajniex ninjoraw il-bżonn ta’ żgħażagħ li tkellmu magħna. Żgħażagħ li studjaw għal snin twal u li għalhekk ma kellhomx iċ-ċans li jġemmgħu biżejjed flus biex ikunu jistgħu jħallsu l-10%. Illum waslu fl-età li jixtiequ li jsiru sidien ta’ darhom iżda sakemm ikunu jistgħu jġemmgħu l-10% ikomplu jikbru fl-età u għalhekk jiżdidilhom ir-repayment dovut lil bank fix-xahar għaliex ir-repayment period jonqos.”

Huwa żied jgħid li kif tindika l-eliġibbiltà tal-iskema u l-mekkaniżmu ta’ kif qiegħda titħaddem, din l-iskema mhijiex qiegħda tinkoraġixxi d-dipendenza soċjali u li dan huwa mod ta’ kif qegħdin nagħtu l-qasba u mhux il-ħuta liż-żgħażagħ tagħna.

“Din mhijiex handout, għaliex dawn iż-żgħażagħ fuq medda ta’ 25 sena se jkunu qegħdin iħallsu lura lil Gvern is-self tal-10% depożitu. Din l-iskema hija xhieda tal-prinċipju li nħaddnu bħala Gvern li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura u nagħtu l-id ta’ għajnuna biex persuna dejjem tkun tista’ timxi ‘l quddiem. Bħalma f’dari l-Lohombus Bank kien essenzjali għal ħafna koppji żgħażagħ fis-sebgħinijiet u t-tmenijiet biex iqumu fuq saqajhom, illum bħala Gvern flimkien mal-banek privati qegħdin noffru l-id ta’ għajnuna lil dawn iż-żgħażagħ.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal li l-Gvern qiegħed jagħti prijorità kbira lill-qasam tal-housing għaliex huwa parti kbira mill-basket tal-konsum tal-familji.  Huwa wera sodisfazzjon li wara xhur ta’ ħidma, illum qed tiġi mħabbra din l-iskema. Il-Ministru Scicluna qal li matul dan iż-żmien ġew indirizzati aspetti regolatorji kif ukoll intlaħaq ftehim mal-banek kummerċjali biex jiġi aċċertat li din l-iskema tkun qed taħdem bl-aħjar mod possibli.

Il-Ministru Scicluna kompla billi qal li fil-baġit ta’ din is-sena l-Gvern ra wkoll li tiġi indirizzata dik is-sezzjoni tal-popolazzjoni żagħżugħa, li għalkemm quddiemhom ikollhom futur sabiħ, ħafna drabi peress li jkunu għadhom kif gradwaw, ma jkollhomx likwidità biżżejjed biex iħallsu d-depożitu fuq il-proprjetà li jkunu jixtiequ jixtru. B’hekk il-Gvern qed jintervjeni biex jara li mingħajr ma dawn iż-żgħażagħ jidħlu f’riskji żejda, ma jitilfux l-okkażjoni li jixtru darhom.

“Nirringrazzja lill-banek kummerċjali li bħala parti mir-responsabbiltà soċjali li għandhom lejn is-soċjetà, huma konxji mil-isfidi li ż-żgħażagħ tagħna jaffaċċjaw. Huma semgħu u aċċettaw din il-proposta u ħadmu b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Awtorità tad-Djar biex jiġi konkluż dan il-ftehim”, qal il-Ministru Scicluna.

Lil dawk eliġibbli, il-Gvern se jkun qiegħed iħallsilhom, b’self, id-depożitu tal-10% biex ikunu jistgħu jixtru proprjetà li l-valur tagħha ma jeċċedix il-€175,000. Dan ifisser li l-ammont massimu li se jkun qiegħed joħroġ il-Gvern se jkun dak ta’ €17,500. Self li għalih, dak eliġibbli mhux se jkun qiegħed iħallas interessi fuqu hekk kif se jkun qiegħed jitħallas mill-Gvern. Madankollu, l-benefiċjarju huwa mitlub li jħallas lura s-self mogħti mill-Gvern li jkopri l-10% depożitu fuq medda ta’ 25 sena.

Il-Gvern qiegħed jinċentiva ukoll lil dawk il-benefiċjarji li jħallsu lura s-self fl-ewwel ħames snin jew bejn il-ħames u l-għaxar sena mid-data tas-self. Inċentiv ta’ skont fuq l-ammont dovut ta’ 5% għal dawk li jħallsu lura fi żmien 5 snin u 2% għal dawk li jħallsu lura bejn il-5 u l-10 sena.

Din l-iskema tapplika għal persuni li għandhom bejn il-21 u 39 sena u li d-dħul annwu aggregat bażi tas-sena preċedenti tad-data tal-applikazzjoni u l-assi tagħhom li ma jkunux jeċċedu dawn l-ammonti:

KategorijaEtà tal-ApplikantDħul Globali
Persuna Waħedha21 sa 30 senaBejn €19,000  – €25,000
Persuna Waħedha31 sa 39 senaBejn €25,000  – €35,000
Koppja21 sa 39 senaBejn €19,000  – €35,000

L-applikant m’għandux ikollu assi kapitali ta’ aktar minn €17,500.

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jiftħu nhar it-Tnejn 8 ta’ Ġunju u jistgħu jitniżżlu mis-sit housingauthority.gov.mt. Għal aktar informazzjoni l-pubbliku jistà jibgħat e-mail fuq  schemes.ha@ha.gov.mt jew iċempel lill-Awtorità tad-Djar fuq 22 991 120 jew 79 646 064.​

Wednesday 3rd June 2020

,