Il-gvern iżomm il-wegħda tiegħu mal-eks ħaddiema tal-korpi


Il-gvern kompla jżomm kelmtu meta għat-tielet sena konsekuttiva qed isiru pagamenti lill-eks membri tal-korpi tax-xogħol, eks ħaddiema tax-xatt u membri kurrenti jew passati tal-Korp tal-Pulizija. Dan filwaqt li diġà hemm l-assigurazzjoni li se jitħallsu r-raba’ pagamenti tul is-sena 2020.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI

U

MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa filgħodu, mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u mis-Segretarju Permanenti Mark Musu.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dawn il-ħlas ta’ għotjiet ta’ flus saru meta l-gvern ma kellu ebda obbligu legali li jagħmel dan, u b’kollox qed jibbenefikaw aktar minn 7,500 persuna jew il-werrieta tagħhom. Dawn bejniethom ser jieħdu madwar €11.7m.

L-akbar għadd ta’ benefiċjarji huma persuni li qabel ma daħlu uffiċjalment fis-servizz pubbliku wara s-16 ta’ Jannar 1979, għamlu xi żmien jagħtu servizz f’dipartimenti tal-gvern essenzjalment bħala membri ta’ xi korpi. Dawn fil-fatt jammontaw għal madwar 3,000 persuna.

Għall-ewwel darba din is-sena, se jsiru ħlasijiet ukoll lil eks membri tal-korpi li wara li spiċċaw mill-ingaġġ tagħhom, daħlu jaħdmu f’entitajiet jew kumpaniji parastatali. Se jsiru pagamenti wkoll għall-ewwel darba lil eks ħaddiema tal-Gas Board. B’hekk taħt din l-iskema qed jibbenefikaw madwar 1,400 persuna u l-għotja ex-gratia li qed tingħata hija skont is-snin ta’ servizz fl-impjieg fis-settur pubbliku minn Jannar 1979 sad-data tal-irtirar tagħhom.

Il-Ministru Michael Falzon sostna li l-iskema tal-eks ħaddiema tax-xatt hija miftuħa għal dawk il-persuni li kienu liċenzjati bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007 u li ma kienux hekk liċenzjati wara dan il-perjodu. B’kollox mill-iskema din is-sena qed jibbenefikaw 656 eks ħaddiema tax-xatt jew l-eredi tagħhom. Il-ħlas qed isir skont qbil li kien sar bejn il-General Workers’ Union u l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali li qed iħaddem din l-iskema.

Se jingħataw kumpens ukoll  lil 2,510 benefiċjarju li kienu fil-grad ta’ kuntistabbli, surġent jew surġent maġġur. Dawn se jsiru biex ikopru ħlasijiet dovuti lill-pulizija fuq sahra mhux imħallsa bejn Settembru tal-1993 u Diċembru tal-2009.

Intant l-iskema tal-250 eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board mifruxa fuq tliet snin intemmet din is-sena.

Min-naħa tiegħu il-Minsitru Edward Scicluna qal li fost dawn hemm l-eks membri tal-korpi dawk li diġà ġew mogħtija kumpens, bħal pulizija, l-eks ħaddiema tax-xatt u tat-Telemalta, bejniethom ingħataw ħamsa u sebgħin miljun ewro, f’erba’ pagamenti u b’hekk se tkompli titwettaq wegħda elettorali oħra.

“Il-gvern ma kellu l-ebda obbligu legali li jagħmel dan iżda xorta ħass l-obbligu morali li jindirizza dawn l-anomaliji,” qal il-Ministru għall-Finanzi.

 

   

Saturday 23rd November 2019

,