Ħruġ ta’ 62+ Savings Bonds


“Is-62+ bonds saru mistennija ħafna mill-anzjani. L-imgħax ta’ dawn il-bonds ser ikun ta’ 3% fis-sena, li hija rata ta’ imgħax ogħla minn dik li qed joffru l-banek kummerċjali fuq tiġmigħ.” Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn ħabbar li għar-raba’ sena konsekuttiva l-gvern ser joħroġ Savings Bonds għall-anzjani minn 62 sena ‘l fuq, jiġifieri dawk l-individwi kollha li twieldu fl-ewwel ta’ Jannar tal-1958 jew qabel.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji qal li s-suċċess ta’ din l-iskema jidher mill-fatt li f’dawn l-aħħar tliet snin diġà bbenefikaw 24,600 anzjan, b’somma globali ta’ ftit inqas minn €300 miljun. L-ammont allokat għal din is-sena ser ikun ta’ €60 miljun, u dan jista’ jiżdied anke b’€35 miljun oħra f’każ li d-domanda teċċedi l-ammont.

Il-Ministru Scicluna spjega li ser tingħata preferenza lil dawk l-individwi li sa issa għadhom qatt ma bbenefikaw minn dan it-tip ta’ Savings Bonds. Dawk l-individwi li diġà pparteċipaw f’dawn il-bonds matul dawn l-aħħar tliet snin huma wkoll eliġibbli li japplikaw. Dawn ser jirċievu ittra ta’ tagħrif flimkien ma’ applikazzjoni bil-posta fi ftit tal-jiem wara li jiġi ppubblikat il-prospett. 

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu f’isem l-applikant waħdu, għall-ammont ta’ mhux inqas minn €500 sa massimu ta’ €10,000 kull persuna. Dawn il-bonds ser jinħarġu b’maturità ta’ ħames snin, bl-imgħax jitħallas darbtejn fis-sena.

L-applikazzjonijet ser jiftħu nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Lulju 2020, u jagħlqu nhar il-Ħamis, 16 ta’ Lulju 2020, jew aktar kmieni skond id-diskrezzjoni tal-Accountant Ġenerali. Il-prospett ser ikun disponibbli għall-publiku minn ġimgħa qabel, jiġifieri minn nhar it-Tlieta, 7 ta’ Ġunju 2020. Wieħed jista’ jniżżel dan il-prospett minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor li huwa www.treasury.gov.mt.

Għal aktar informazzjoni fuq din l-iskema, wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 25967125.

Tuesday 30th June 2020

,