F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja dwar il-kawża tal-pandemija tal-Covid 19.


F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, u l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji ż-Żgħar Silvio Schembri, fejn ħabbarna l-ewwel miżuri msejsa sabiex tkun issavalgwardjata l-ekonomija u protetti n-negozji u l-ħaddiema kawża tal-pandemija tal-Covid 19.

Imħabbar pakkett finanzjarju ta’ għajnuna mill-Gvern dwar il-COVID-19

Fl-ewwel miżuri ta’ għajnuna mill-gvern lill-kumpaniji u dawk li jaħdmu għal rashom, il-Gvern se jipposponi l-pagamenti dovuti lilu għall-VAT u għall-bolla ghal Marzu u April. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan qed isir biex jingħata nifs lill-kumpaniji u lill-ekonomija u anke biex ma jintilfux impjiegi mill-kumpaniji li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet minħabba l-coronavirus. F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, Dr Abela qal li għax l-ekonomija kienet sejra tajjeb, il-gvern jinsab f’pożizzjoni li jieħu dawn il-miżuri u oħra li jitħabbru ‘l quddiem.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar l-ewwel pakkett b’miżuri ta’ għajnuna lil negozji li għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

B’effett immedjat qed inħabbru posponiment tal-ħlas dovuti fix-xahar ta’ Marzu u April tat-taxxi li ser inkunu qegħdin nsemmi t-taxxi proviżjorja, VAT, social security contributions u t-taxxa tal-impjegati dan se jkun jgħodd kemm għal min iħademm kif ukoll għas-self employed. Se nkunu qed iniedu skema sabiex min investi fi skemi ta’ teleworking, fejn inti tista’ taħdem id-dar nagħtu rifużjoni tal-ispejjeż li ħallas biex seta’ investa.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Ministru qal li dan huwa l-ewwel pakkett ta’ miżuri immirat biex jieħu ħsieb lin-negozji b’mod paritkolari dawk li joperaw fis-settur tat-turiżmu, l-ospitalità, it-trasport u l-manifattura, li stqarr huma l-aktar milquta mill-effetti tal-coronavirus. Dr Abela stqarr li dawn m’humiex miżuri faċli iżda jistgħu jsiru għax Malta għandha ekonomija riżeljenti u l-għaqal tal-Gvern li ħaseb u faddal għal dawn id-diffikultajiet. Żied jgħid li f’din is-sitwazzjoni kulħadd irid jerfa’ biċċa mill-piż.

Il-Ministu tal-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Gvern jista’ jieħu dawn il-miżuri għaliex kellu surplus fil-finanzi tiegħu. Il-Professur Scicluna qal li f’din il-kriżi globali, anke l-ekonomija Maltija mistennija tnaqqas ir-ritmu iżda għaliex kellha tkabbir akbar xorta ser tkun f’pożizzjoni aħjar minn pajjiżi li kellhom inqas minn Malta. Huwa qal li l-Gvern se jirrevedi u jassisti l-ekonomija ħalli jissalvagwardja x-xogħol u indika li ser jagħmel dan b’mini budget. Dwar min ser iħallas għal-leave tal-kwarantina, il-Ministru tal-Finanzi qal li l-Gvern qed jara xi skemi jistgħu jintużaw.

Il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri qal li fil-ġimgħat li ġejjin l-Gvern se jaħdem ħalli t-tbassir tat-tkabbir ekonomiku jibqa’ validu minkejja din il-kriżi. Wera sodisfazzjon li l-banek wegħdu l-Gvern li se jkomplu jgħinu n-negozji biex jegħlbu dawn id-diffikultajiet.

Mistoqsi dwar l-appelli li saru għal ‘lockdown’ immedjat ta’ tliet ġimgħat, il-Prim Ministru Abela qal li għalkemm din tkun l-iħfef deċiżjoni għall-Gvern s’issa għadu ma ngħatax il-parir mal-awtoritajiet tas-saħħa biex isir lockdown li iddiskrivieh bħal house arrest tal-poplu kollu.

“Ilbieraħ kelli l-opportunità nsegwi lil Dr Barbara li spjega għalfejn m’għandux għalfejn ikun hemm lockdown fil-pajjiż li huwa ħabs ġewwa d-dar, ejja nkunu ċari, dan huwa house arrest li jfisser li n-nies jistgħu joħorġu biss biex jixtru mediċina, ikel u jissakru ġewwa. Nagħmluha għal ġimgħa? Tliet ġimgħat? Erbgħa? Tmien ġimgħat? U dan huwa li spjega aħna meta nafu meta se jilħaq il-peak il-virus?”

Mistoqsi minn Television Malta dwar persuni li ma jistgħux ifendu għal rashom fosthom anzjani u persuni b’diżabilità, il-Prim Ministru qal li s-servizz li kien qed jingħataw għal tindif u assistenza fid-djar ġie ssostitwit temporanjment biex jingħataw servizz ta’ xiri ta’ ikel, xorb u mediċini.

Dr Abela tenna l-appell għall-kalma u r-responsabiltà u qal li l-pajjiż għandu kontroll tas-sitwazzjoni.

F’reazzjoni għall-miżuri li tħabbru mill-Prim Ministru, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li dawn huma pass fid-direzzjoni t-tajba, għalkemm żiedet tgħid li hemm bżonn ta’ miżuri aktar sostanttivi. Dwar il-kwistjoni tal-lockdown, il-Kamra tal-Kummerċ waqt li wissiet dwar il-konsegwenzi gravi tiegħu fuq in-negozju u l-impjiegi, qalet li d-deċiżjoni dwar il-lockdown għandha tittieħed fl-interess tas-saħħa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż.

Mill-banda l-oħra l-Assoċċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qalet li l-miżuri li tħabbru jagħtu ftit nifs iżda qalet li hemm bżonn inċentivi fiskali. L-MEA iżda ilmentat dwar l-avviż legali li qalet daħħal baxx baxx li jimponi l-obbligu fuq min iħaddem biex jagħmel tajjeb għal leave tal-kwarantina.

     

, ,