Il-Ġermanja u l-ewro


Il-pożizzjoni dominanti li qiegħda tieħu l-Ġermanja rigward l-ewro sema’ biha kulħadd. Fil-Parlament Ewropew hemm min huwa ħosbien u inkwe­tat li l-kollettività li kienet teżisti sa ftit ta’ żmien ilu fil-Kunsill tal-Ministri qiegħ­da tispiċċa. Hemm oħrajn li ma jaqblux mat-teżi li qiegħ­da tissuġġerixxi l-Ġermanja biex tilqa’ għall-kriżi tal-ewro. Jarawha wisq iebsa. Mhix flessibbli biżżejjed u ma taħsibx għall-bilanċ sostenibbli bejn il-pajjiżi tal-ewro.

Però wieħed jistaqsi għaliex il-Ġermanja qiegħda tieħu din il-pożizzjoni tant dominanti? U minn fejn qiegħda twassal dak l-emfasi fuq sagrifiċċji u programmi ta’ awsterità fi żmien meta għadna ma ħriġniex sew mir-riċessjoni internazzjonali.

Li l-Ġermanja hija l-aktar pajjiż b’saħħtu mhux fiż-Żona Ewro biss imma fl-Unjoni Ewropea kollha, huwa stat ta’ fatt. L-istatistika tagħha hija dominanti fejn jidħol il-Prodott Gross Domestiku (PGD) meta pparagunat ma’ dak ta’ kull wieħed mill-pajjiżi membri. Huwa proporzjon kbir ta’ dak kollu li jiġi mmanifatturat u prodott fl-Unjoni Ewropea. Madwar 26% tal-PGD taż-Żona Ewro u xi 20% tal-Unjoni Ewropea. Id-dominanza Ġermaniza mhix biss f’termini ta’ kwantità, imma wkoll ta’ kwalità.

Il-Ġermanja tikkonsidra lilha nnifisha bħala storja ta’ suċċess, partikolarment minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn. Suċċess li hemm il-prova tiegħu. Għandha ħaddiema bi kwalifiki għoljin, struttura żviluppata ħafna, kapital kbir, u livell baxx ta’ kor­ruzzjoni. Hija għandha t-tielet l-ikbar esportazzjoni fid-dinja. U allura l-istrateġija Ġermaniża fil-konfront ta’ kull pajjiż ieħor fiż-Żona Ewro hija waħda sempliċi. Biex tirnexxi għamel kif nagħmel jien. F’kelma waħda applika l-mudell li ħdimt, u qiegħed naħdem fuqu jien.

Il-mistoqsija li tqum wara teżi bħal din hija ovvja: x’inhu l-mudell Ġermaniż, u x’wassal lill-Ġermanja biex tapplikah? Jgħinek aktar tifhem u twieġeb din il-mistoqsija billi tmur lura fl-istorja, għax ġeneralment kollox jitfassal skont dak li tkun esperjenzajt.

Kull pajjiż għandu l-istorja tiegħu. Mhux biss politika imma wkoll ekonomika. Il-Ġermaniżi kienu għaddew minn traġedja ekonomika. L-inflazzjoni tant kienet kbira li l-munita Ġermaniża kienet litteralment ma tiswa xejn. Fi tliet snin il-Mark kien jixtri Mark tad-deheb. Fi tliet snin wieħed ried elf biljun Mark (wieħed u 12-il żero warajh) biex jixtri dan l-istess Mark tad-deheb. Dan ġara għall-inflazzjoni stratosferika li esperjenzjaw. Karikatura mill-aktar popolari biex tispjega dik is-sitwazzjoni kienet dik li kienet turi raġel għaddej b’karretta nfawra Deutschmarks biex sempliċiment jixtri oġġett żgħir. Il-messaġġ kien ċar: flus bla valur ta’ xejn.

Kienet sitwazzjoni li lill-Ġermaniżi xxokkjathom bil-kbir. Għaddiethom minn trawma tant kbira li l-kelma INFLAZZJONI twerwirhom. Kontriha jaslu biex jagħmlu kollox. Kull forma ta’ sagrifiċċju. Basta l-inflazzjoni tin­żamm baxxa. Lanqas il-qgħad ma jbeżżagħhom daqs kemm tbeżżagħhom l-inflazzjoni.

Mhux hekk, per eżempju l-Ingliżi. Iċ-ċirkostanzi, l-istorja, li għaddew minnha l-Ingliżi wassluhom biex aktar jibżgħu mill-qgħad milli mill-inflazzjoni. Għalhekk mudelli diffe­renti ta’ reazzjoni.

Il-punt tat-tluq fil-każ tal-Ġermaniżi huwa t-twemmin tagħhom fil-flus, fil-valur tal-flus. Ma’ dan hemm l-etika ta’ dixxiplina. Bħal donnu qiegħda fid-demm Ġermaniż li jiddixxiplina lilu nnifsu biex jagħraf jaħdem, iġemma’ l-flus u jinvesti. Mhix xi ħaġa li ssibha daqshekk qawwija fil-pajjiżi tan-naħa t’isfel tal-Ewropa.

Meta torbot flimkien elementi bħalma huma d-dixxiplina tal-preċiżjoni, il-biża’ mid-djun, mid-defiċits u mill-inflazzjoni, malajr tagħraf għala l-Ġermaniżi lesti jagħ­m­lu kull sagrifiċċju, kbir kemm hu kbir, basta l-ekonomija tagħhom tieħu żvolta ’l quddiem. Anke l-unjins tal-ħaddie­ma jifhmu dan u jaslu fi ftehim ma’ min iħaddem, l-aqwa li jirbħu l-kompetitti­vità.

L-aqwa li jibqgħu l-iktar pajjiż b’saħtu ekonomikament għad-­daqs li hu.

Din hija l-fiżjonomija Ġer­maniża. It-tagħlima li ħadu mill-istorja tagħhom għamlithom dak li huma llum, il-vuċi qawwija fiż-Żona Ewro, fl-Unjoni Ewropea, li mhux lakemm tinjoraha. Anzi. Trid tagħtiha attenzjoni.

Il-Ġermanja temmen li ħadd mill-pajjiżi taż-Żona Ewro m’għandu jkollu djun għoljin. Temmen li m’għandux ikun hemm defiċits għoljin. Temmen li l-inflazzjoni għandha tinżamm baxxa kemm jista’ jkun. Temmen li l-pagi għandhom jitrażżnu biex ikun hemm il-kompetittività. Temmen li kull pajjiż taż-Żona Ewro għandu jkun b’saħħtu daqsha. Temmen li l-munita għandha tkun b’saħħitha daqs kemm kienet id-Deutschmark. La iżjed u lanqas inqas. Finalment temmen li la darba din kienet kapaċi tagħmlu hi hekk ukoll għandu jkun kapaċi kull pajjiż ieħor. Dan hu l-mudell li l-Ġermanja trid li jitħaddem minn kulħadd.

Imma minkejja dan kollu, il-Ġermanja mhix waħedha fiż-Żona Ewro. Lanqas mhi waħedha fiċ-ċentru tagħha. Hemm Franza. Mingħajr il-kunsens tal-Franċiżi, il-Ġermanja qajla tista’ tmexxi ’l quddiem il-mudell u l-ideat tagħha fiż-Żona Ewro.

Kunsens li f’xi forma, jidher li nstab bejn Angela Merkel (ritrattż) u Nicolas Sarkozy. Jidher li waslu fi ftehim meta għamlu dik il-famuża passiġġata f’Deauville fi Franza, li s-san­z­jonijiet li l-Ġermaniżi riedet li jidħlu awtomatikament fil-konfront ta’ pajjiżi li fejn jirrigwarda djun u żbilanċ finanzjarji jkunu barra minn triqthom, ma jiskattawx b’mod awtomatiku. Ikunu sanzjonijiet semi-awtoma­tiċi bil-Gvernijiet rispettivi jingħataw aktar nifs u jkun hemm lok għal deliberazzjoni qabel l-iskattar tagħ­hom.

Madankollu lanqas ftehim bejn il-Ġermanja u Franza mhu garanzija ta’ passaġġ liberu. Dak li qablu fuqu l-Ġermanja u Franza jitlob tibdil fit-Trattat ta’ Liżbona. Hemm l-ostakolu Ingliż. Tibdil li kieku kellu jitpoġġa għad-deċiżjoni ta’ referendum f’kull pajjiż membru jkun ifisser tul ta’ żmien biex jitwettaq, jekk jitwettaq.

Il-Prim Ministru Ingliż, David Cameron, biex ma jagħmilx dan, għamel il-kundizzjonijiet tiegħu. Irid li jkun hemm iffriżar tal-baġit tal-Unjoni Ewopea mis-sena 2013 ’il quddiem, imma fl-istess ħin irid li l-Ingilterra tibqa’ tingħata r-rifjużjonijiet kif kien miftiehem ma’ Margaret Thatcher.

L-istess miżura tridha Franza. Franza trid li tibqa’ tingħata l-flejjes kbar li tingħata għall-agrikoltura.

Dan kollu mhux faċli jsir. Mhux daqstant faċli li tiffriża l-baġit u allura kull pajjiż jikkontribwixxi dak li qiegħed jikkontribwixxi llum imma jibqgħu jieħdu dak li qegħdin jieħdu bħalissa.

Kieku kellu jsir hekk, ikun ifisser li s-sagrifiċċji jkollhom jagħmluhom pajjiżi bħall-Polonja u Malta li jibbenefikaw minn fondi strutturali. Dan m’għandux ikun, u mhux, aċċettabbli.

Sitwazzjoni li titlob li b’xi mod għandu jinstab kompromess. Ix-xhur li ġejjin se jkunu kruċjali. It-taħditiet u n-negozjati se jkunu iebsin għax ħadd mhu se jagħmilha daqstant faċli biex iċedi minn dak li għandu. Għad irridu naraw min finalment se jċedi x’hiex.

Nistennew u naraw.

www.orrizont.com – 10 ta’ Jannar 2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *