Għaliex Brexit hu Daqshekk Kumplikat?


Brexit. Naħseb hekk kif tisimgħu din il-kelma probabbli titbissmu. Għaliex għadkom kemm rajtu xi xeni mill-Parlament Ingliż fejn l-ispeaker jgħajjat “order, order!” waqt id–diskussjoni xi ftit imqanqla li kienet għaddejja. Ta’ min  isemmi  li r-Renju Unit ilu seba’ u erbgħin sena fl-Unjoni Ewropea iżda bħalissa qed isiru t-tħejjijiet sabiex isseħħ Brexit li tfisser ‘Britian Exit’. Iżda għaliex ħaġa li meta wieħed jismagħha tista’ tinstema daqshekk sempliċi, hija daqshekk ikkumplikata?

Wieħed jistaqsi wkoll minn fejn nibtet l-idea ta’ Brexit. Jista’ jkun li l-ġrajjiet storiċi bejn il-Gran Brittanja u l-UE għadhom qed jidwu u Brexit hija frott ta’ dan? Meta kont membru fil-Parlament Ewropew niftakar sew il-Partit Konservattiv li baqa’ b’dak l-element qawwi ta’ xettiċiżmu fil-konfront tal-Unjoni Ewropea, iżda b’mod partikolari l-Ġermanja. Il-membri Ingliżi tal-Partit Konservattiv dejjem kienu jkunu kritiċi għall-istituzzjonijiet Ewropej b’mod partikolari dwar burokrazija, infieq ta’ flus, effiċjenza u affarijiet oħra. Madankollu ħadt qatt ma pretenda li eventwalment jagħmlu dan il-pass.

L-iskop tal-Eks Prim Ministru Ingliż Cameron ma kienx li r-Renju Unit joħroġ. Madankollu l-iskop ewlieni tar-referendum kien li jagħlaq ħalq dawn ix-xettiċi billi jgħidilhom li għamilt referendum iżda l-poplu xorta għażel li jibqa’. Iżda ġara kollox bil-kontra. Il-mod kif pinġew lill-poplu tar-Renju, nies bħal Farage kienu żbaljati. Qalulhom prinċiparjament li jekk wieħed joħroġ, il-flus li jitħallsu lill-Unjoni Ewropea jistgħu jibdew jintefqu fuq is-soċjal. Madankollu l-istampa hi ferm differenti għaliex din mhux sempliċiment tessera f’każin iżda tista’ tgħid żwieġ ta’ seba’ u erbgħin  sena. Bħal fi żwieġ wieħed ikollu ħafna affarijiet fosthom propjetajiet, karozzi, tfal u mitt elf ħaġa oħra. Iżda bħal ma nafu meta tasal  għad-divorzju, jkun hemm kumplikazzjonijiet bejn il-koppja aħseb u ara għall-pajjiż!.

Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropeja kellhom il-banek ibbażati f’Londra u mifruxa mal-Unjoni, u l-kummerċ ħieles fost oħrajn li kienu parti miż-żwieġ bejn il-partijiet, u jinħtieġ li tinstab soluzzjoni għalihom. Wieħed ried isib rimedji għal dawn. Wieħed jista’ iva jsib kompromess fosthom il-manteniment. Li tagħlaq il-bieb ħabta u sabta mhix soluzzjoni. Jekk wieħed issemmi l-vantaġġi li ġġib magħha l-Unjoni Ewropea –jgħid x’ġegħel mela lill-poplu tar-Renju Unit ikun daqshekk xettiku fil-konfront tal-Unjoni Ewropeja. Żgur u mhux forsi l-aktar ħaġa li kienet qed iddejjaq lil dan il-poplu kienet li l-emigranti kienu qed jeħdulhom xogħlhom. Kien hemm għadd ta’ immigranti fl-Ingilterra mill-Unjoni Ewropeja stess, li kienu qed imorru jaħdmu fir-Renju Unit. Allura huma ħasbu li jekk wieħed joħroġ mill-Unjoni Ewropeja, se tispiċċa l-liberta’ tal-moviment u dawn in-nies b’mod partikolari Pollakki mhux se jkunu jistgħu jmorru jaħdmu hemmhekk.

Dan kif għidt aktar qabel int ma tistax tibqa’ membru u tgħid ara din ma tgħoddx għalija. Li tkun membru fl-Unjoni Ewropeja trid terfa’ r-responsabilita’ u toqgħod għal kollox. Li toħroġ mill-Unjoni Ewropeja ġġib ħafna żvantaġġi. Għandek fost oħrajn dik l-imsejħa ‘single passport’ fis-servizz finanzjarji. Permezz ta’ dan il-passaport bank jew entita’ finanzjarja m’hemmx għalfejn ikollha liċenzja f’kull pajjiż li topera, iżda liċenzja waħda li biha topera fil-pajjiżi kollha. Vantaġġ ieħor tal-Unjoni Ewropea hu li ma hemmx dazji bejn il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, u issa kull ħaġa importata fl-Ingilterra jew esportata mill-Ingilterra trid titħalla d-dazju fuqha.

In-negozjati għalhekk saru u ilhom għadejjin għall-aktar minn sentejn, fejn skatta dak l-imsejjaħ Artiklu Ħamsin. Dan iffisser li inti tavża sa meta ser tagħmel fl-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea qed tkun pjuttost iebsa mar-Renju Unit, qaltilhom jew ġewwa jew barra. Huma mhux qed jiġu trattati bħal ngħidu aħna l-Isvizzera u n-Norveġja li minkejja li ma humiex membri tal-Unjoni Ewropea jagħmlu l-ħlas. Dawn jibbenefikaw ħafna iżda ma jistgħux biss isemmgħu leħinhom fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri.

Il-problema tal-Ingilterra hi ma tridx tkun membru madankollu imbagħad ma tridx titlef il-benefiċċji tal-banek u s-servizz finanzjarji. Marbuta ma’ dan hemm ukoll il-poblema tal-Irlanda ta’ Fuq, li hi parti  mill-Ingilterra. Il-ħajja tal-kummerċ bejniethom kienet waħda normali għal fatt li t-tnejn kienu fl-Unjoni Ewropea u allura dan seta’ jsir mingħajr ebda xkiel, minkejja d-differenzi ta’ bejniethom. Imma issa ġaladarba l-Ingilterra toħroġ mill-Unjoni Ewropea x’ser jiġri? Se jerġa’ jkun hemm qasma bejniethom għax l-Ingilterra se ssir pajjiz terz u l-Irlanda se tibqa’ pajjiż ewropew.

Issa rridu naraw kif ser tizvolġi l-istorja fil-ġranet li ġejjin. Wieħed irrid jara l-Ingilterra hux ser jipposponu din is-sitwazzjoni kemm diffiċjli u anke impossibli. Jista’ jiġri li jkollna dak l-imsejjaħ ‘hard brexit’ li jitilqu minn mument għall-ieħor. Dan bħal meta wieħed jitlaq mill-bieb u addio l-ħwejjeġ li jkun ħalla warajh. Fl-opinjoni tiegħi hija ferm diffiċli li wieħed isib soluzzjoni li togħġob lil kulħadd, u allura li xi darba jintlaħaq ftehim, hi kwazi impossibli.

Il-Ġimgħa 22 ta’ Marzu 2019

.

 

 


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *