Daqqiet tal-frosta


Żiemel li jkun qed jogħtor, li jkun kważi mejjet, inutli li tagħtih bil-frosta. Dan japplika għal kollox u għal kulħadd. Japp­lika għal individwu u japp­lika għal pajjiż sħiħ. U għax huwa hekk li neħodha bi kbira, li jiġi l-Kunsill tal-Ministri jipproponi miżuri ħorox immens għal dawk il-pajjiżi mgħobbijin bi djun kbar ħafna drabi li jkunu wirtu minn amministrazzjoni rresponsabbli.

X’kien l-isfond ta’ dan kollu? Kollox xpakka malli faqqgħet il-kriżi tal-Greċja. Il-kriżi Griega xpakkat wara li l-Gvern Soċjalista malli ngħata t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh neħħa tapit li taħtu nstabu djun kbar li kien ġemma u ħeba taħtu Gvern Konservattiv preċedenti u li fl-aħħar elezzjoni kien ġie sfiduċjat mill-poplu.

It-tmexxija Konservattiva Griega kien irnexxielha tgħaddi minn għajn il-labra mhux biss lill-poplu Grieg imma wkoll lill-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea ntebħet li kien żball tagħha li fdat l-istatistika li kien qiegħed jgħaddilha l-Gvern Grieg.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Unjoni Ewropea l-ewwel nett waħħlet dan kollu għal fatt li l-Patt tat-Tkabbir u Stabilità ma kienx aħrax biżżejjed. Ma qalitx li l-problema vera hi li meta l-Ġermanja u Franza kissru dan il-Patt minflok ġew iddixxiplinati kif kien miftiehem għawġu r-regoli u mxew qisu ma ġara xejn. Minn dak in-nhar ’il hawn il-Patt ġie llimat u ma baqax jaqta’.

It-tieni: l-Unjoni Ewropea rrealizzat li lanqas kienet attrezzata biex tilqa’ għal xi saram finanzjarju u ekonomiku li jista’ jsib ruħu fih xi pajjiż membru taż-Żona Ewro. Qatt ma riedet tagħti widen għar-riskju li l-munita ewro tista’ ssib ruħha f’xi kriżi. Kienet serħet moħħha billi tbeżża’ lil pajjiżi membri li jekk jaqgħu fi kriżi għajnuna ma jirċevux. X’jigri jekk jaqgħu fi kriżi ma ħasbitx.

Issa li dak li ħasbu mhux se jiġri fil-fatt ġara u biex ikun evitat l-isfaxxar tal-ewro nstab mezz temporanju li bih ġew mgħejjunin separatament, u b’mod differenti, kemm il-Greċja kif ukoll l-Irlanda. Nafu x’kienu r-reazzjonijiet tal-popli ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi għall-miżuri li kellhom jieħdu biex setgħu jingħataw għajnuna.

Sadanittant il-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru li għad­da għamlet sitt pro­posti leġiżlattivi dwar kif beħsiebha ssaħħaħ il-Patt ta’ Tkabbir u Stabbilità u kif għandu jkun hemm aktar kordinament bejn il-pajjiżi membri. Proposti li, fost affari­- jiet oħrajn, jaħsbu għal sorveljar aktar rigoruż tad-djun u defiċits nazzjonali u miżuri kontra pajjiżi li ma jilħqux il-li­velli miftehma minn qabel.

Proposti li issa jinsabu quddiem il-Parlament Ewropew. Proposti li wieħed jista’ jgħid li għandhom żewġ għanijiet: l-ewwel għan huwa li tkun solvuta l-kriżi attwali jew oħrajn bħala fil-futur, u l-ħruġ minnha kull darba li din tiġri; u t-tieni għan x’għandu jsir biex ma nerġgħux nidħlu f’xi kriżijiet bħal dawn.

Jien involut b’mod dirett f’din il-ħidma u nifforma parti mit-tim fil-kumitat tal-ECON imwaqqaf bejn il-gruppi politiċi fil-Parlament. Irridu naħdmu flimkien fuq is-sitt rapporti li l-proposti tagħhom huma kollha relatati. Ir-rapporti tagħna mistennijin li nkunu lestejnihom fis-sens li nkunu qbilna fuq l-emendi mressqin sat-tielet ġimgħa ta’ April li ġej.

Sadanittant il-ġimgħa l-oħra l-Prim Ministri tas-17 pajjiż membru taż-Żona Ewro qablu li jadottaw politika li ssaħħaħ il-kordinament fir-rigward ta’ iktar bilanċ bejn il-membri taż-żona l-iktar f’dik li hi kompetittività u konverġenza. Dan għandu l-iskop li jwassal biex isaħħu l-ewro u jistabilizzaw is-swieq finanzjarji. Dan il-ftehim qegħdin isejħulu l-Patt għall-Ewro. Dan il-patt hu verżjoni aktar ‘demokratika’ u realistika minn dik li kienet ipprovat tbigħ il-Ġermanja xi ġimgħat ilu.

Aktar tard, kien hemm ukoll qbil mill-Kumitat ta’ 27 Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea, l-ECOFIN, il-kunsill li jitkellem dwar l-ekonomija u l-finanzi. Waslu fi ftehim dwar kif jaraw li għandhom ikunu s-sitt proposti, allura s-sitt liġijiet, li rreferejt għalihom aktar qabel.

Dan il-pakkett ta’ miżuri tal-Kunsill tal-Ministri jiddeskrivi s-sanzjonijiet li jridu li jidħlu fis-seħħ biex id-djun nazzjonali ta’ kull pajjiż ma jażżardawx jaqbżu l-limitu ta’ 60% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP). Il-pakkett propost jgħid li dawk il-pajjiżi li d-djun tagħhom huwa ogħla minn dan il-limitu jibdew jiġu ppenalizzati jekk dan ma jibdiex jitnaqqas kull sena b’rata stabbilita bir-regola ta’ wieħed minn għoxrin parti (1/20) kull sena tad-differenza bejn li dak li jkun dakinhar u l-limitu ta’ 60%.

Biex nifhmu aħjar kieku Malta ngħidu aħna jkollha dejn ta’ 80% tal-GDP trid tul tliet snin twaqqa’ d-dejn b’perċentwal fis-sena, bejn wieħed u ieħor b’xi €60 miljun, b’total ta’ €180 miljun fi tlett snin.

Is-sanzjonijiet proposti hu­ma ħorox u ħorox immens. Qegħdin jissuġġerixxu li l-penalità tkun ta’ bejn wieħed u ieħor 1% tal-Prodott Gross Domestiku. Il-pajjiżi Nordiċi qegħdin jinsistu li l-piena tkun eħrex. Fil-każ ta’ Malta din il-piena tkun tammonta għal xi €60 miljun. Dan l-ammont jittieħed darba għal dejjem u jitpoġġa fil-Fond Permanenti ta’ Stabilità. Dan minbarra depożiti ta’ miljuni f’kapparra kull meta naqbżu l-limitu stabbilit fuq id-defiċit u d-dejn.

Dan ħafna drabi ma jagħ­milx sens. Ma jagħmilx sens li pajjiż li jkun diġà għarkupp­tejh, u li indipendentement mill-istat ekonomiku tal-paj­jiż, tkompli tgħaksu. Tkompli tkissru. Fil-Parlament iddes­krivejtha bħala l-Ligi tax-Xarija. Jien naqbel mas-sanzjonijiet, imma nemmen li aħjar li l-piena tkun iżgħar iżda tkun ċerta, milli kbira u mbagħad ħafna skużi u eċċezz­jonijiet meta naslu għall-fatti. Li pajjiż jissemma li jkun se jiġi ssanzjonat hi diġà diżunur u sanzjoni fih innifsu.

Il-punt jibqa’ li fuq dan hemm nuqqas ta’ qbil. Nemmnu li għandna nfittxu toroq oħrajn, anke jekk kon­xji li ftit hemm. Fost dawn it-toroq hemm it-tkattir tal-impjiegi. Il-ħolqien tax-xogħol. It-tkabbir ekonomiku. Il-kompetittività. Fuq tal-aħħar wara ħafna kritika fil-midja u fil-Parlament innifsu l-Patt għall-Ewro hu diġà ferm aħjar milli kellha f’moħħha l-Ġermanja. B’i­k­tar diskussjonijiet fil-Parlament żgur li tinstab strateġija aħjar u maq­bula mill-maġ­ġoranza. L-ebda pajjiż ma għandu jiddetta hu.

Qiegħed ikun propost li jkun hemm aktar kordinazz­joni bejn il-Ministri tal-Finanzi Ewropej. Kordinament li se jsir mill-Kummiss­joni. Il-Kummissjoni se tkun qiegħda tara li dak li jkun ipproġettat f’kull baġit nazzjonali għal dak li huwa dħul, djun, deficits, tkabbir ekonomiku, ikun konvinċenti b’tali mod li l-Kummissjoni taqbel miegħu. Fi ftit kliem, il-Kummissjoni se tkun qiegħda tassigura li kull baġit ikun konsistenti u kredibbli. Il-baġit propost irid ikun għand il-Kum­­- miss­joni qabel jitressaq quddiem il-Parlament nazzjonali u mhux wara. Dan qiegħed jissejjaħ is-Simestru Ewropew.

Jidher ċar li dan se jkun eżerċizzju kontra l-possibbiltà li pajjiż jipproġetta b’mod meta fl-istess ħin ikun jaf li mhux qiegħed ikun realistiku. Dan ġara f’pajjiżna fil-passat iktar minn darba.

Iqum minnufih il-punt jekk dan ifissirx li tkun qiegħda tixxellef is-sovrani­tà ta’ kull pajjiż. Jista’ jingħad li hekk hu. Mhux xi triq faċli. Se jkun hemm min jappella. Se jkun hemm aktar diżgwid, speċjalment mil-lat politiku.

Il-pjan huwa li kollox ikun finalizzat sa Ġunju li ġej. Sa dakinhar ikun irid jgħaddi ħafna ilma minn taħt il-pont. Ċertament li sa dakinhar irid ikun assigurat li żiemel li jkun qiegħed jogħtor irridu ngħinuh iqum fuq saqajh biex jibda jtellaq u mhux inkomplu nagħtuh daqqiet bil-frosta.


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *