Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Maltese Articles, Pensions/Social/Work, Uncategorized


Il-leave tal-maternità: x’ghandu jaghmel il-Gvern

Dan l-aħħar reġgħet sabet ruħha fuq il-mejda tad-diskussjoni l-esten­sjoni tal-maternity leave wara li ftit ġranet ilu numru ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, ma qab­lux mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex il-perjodu tal-leave tal-maternità jittella’ għal 20 ġimgħa. Għamlu dan għal diversi ra­ġunijiet. Il-Gvern Malti jgħid li biex jaqbel ma’ proposta bħal din irid ikun hemm uniformità fil-kundizzjonijiet li taħthom ikun estiż dan il-perjodu. Tidher proposta raġunata sakemm wieħed jikkonsulta l-Eurostat u jsib li Malta tagħti l-iqsar żmien għall-maternity leave fost it-28 membru tal-Unjoni u qiegħda ta’ qabel tal-aħħar f’dawk li huma ġranet f’pagamenti ekwivalenti għal fultajm fost l-istess membri. Għalhekk f’dan ir-rigward, il-Gvern jista’ jserraħ rasu. Mhux ta’ b’xejn li l-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tan-Nisa Maltin ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Gvern, tant li appellatlu biex jirrevediha.

Li mhux ċar, u għalhekk il-Gvern għandu jiġbor l-infor­mazzjoni meħtieġa għax din s’issa m’għandux, hu dwar kemm hemm persuni affetwati. Kull konklużjoni li wasal­na għaliha f’pajjiżna, inklużi l-istudji tal-MBB u tiegħi, hija bbażata fuq stimi. Sal-lum f’pajjiżna ma teżistix statistika uffiċjali ta’ kemm, fuq perjodu ta’ snin, kien hemm nisa li bbenefikaw mil-leave tal-maternità, kemm nisa reġgħu rritornaw fid-dinja tax-xogħol wara l-14-il ġimgħa ta’ leave tal-maternità.

Ma nafux kemm nisa jieqfu mix-xogħol biex jibqgħu d-dar irabbu l-familja. Il-Gvern m’għandux din l-istatistika. Dan ġie kkonfermat fir-risposta għad-domanda li għamel il-kap tal-Oppożizzjoni Dr Joseph Muscat.

Huwa għalhekk li nirrakkomanda lill-Gvern biex minnufih il-ġbir ta’ informazzjoni bħal din jibda jsir. Illum qabel għada. Għandha titwaqqaf ukoll kummissjoni biex tistud­ja l-impatt tal-estenzjoni tal-leave f’pajjiż­na b’mod indipendenti minn dak li tista’ titlob minnha bħala minimu l-Unjoni Ewropea.

Kummissjoni fformata sew minn rappreżentant tal-għaqdiet tan-nisa u anke ta’ dawk l-għaqdiet li jħaddmu, b’chairpersin indipendenti. Kummissjoni li tkun tirrifletti d-diversità ta’ ħsibijiet dwar suġġett bħal dan. Kummissjoni li tkun f’pożizzjoni soda li minnha tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Gvern biex tgħinu jieħu pożizzjoni ċara dwar jekk żieda fil-leave tal-maternità hix se tkun ta’ dannu jew ġid għall-ekonomija Maltija. Hekk għamlu diversi pajjiżi madwar id-dinja, fosthom l-Awstralja. Hekk għan­dna nagħmlu aħna wkoll.

Din għandha tkun deċiżjoni tagħna. Ta’ pajjiżna. M’għand­na għaliex nistennew lil ħadd jimbuttana biex nersqu lejha, la lill-Parlament Ewropew, la lill-Kummissjoni u lanqas lill-Kunsill tal-Ministri. M’għan­dnix inkunu qegħdin nagħmlu l-minimu, sempliċiment dak li tordnalna l-Unjoni Ewro­pea.

Jeżistu studji, li saru madwar id-dinja kollha, li juru li jkun ta’ dannu kemm għal saħħet-il mara kif ukoll għat-tarbija jekk l-omm tirritorna għax-xoghol qabel jgħaddu mill-inqas 20 ġimgħa wara li twelled. Studji kbar li juru li l-mard u l-problemi ta’ saħħa jiżdiedu.

Mil-lat ekonomiku jidher ferm ċar li fil-kas ta’ Malta r-riżultat tal-estensjoni huwa wieħed pożittiv. Għal studji bħal dawn il-Bank Ċentrali Ewropew għamel użu minn mudell mifrux fuq perjodu ta’ 16-il sena u jkopri ħafna paj­jiżi fl-Unjoni Ewropea. Meta tpoġġi l-informazzjoni disponibbli fix-xena lokali f’dan il-mudell ir-riżultat huwa li dan ikun ta’ benefiċċju kbir.

Dan peress li l-parteċipazzjoni tal-mara fid-dinja tax-xogħol tkun mistennija tiżdied u tiżdied b’mod sostanzjali ta’ madwar disa’ punti perċen­twali fost dak il-grupp ta’ n-nisa li jkunu għadhom fiż-żmien li jkollhom it-tfal (prime age cohort). Ma ninsewx li f’pajjiżna r-rata tan-nisa jaħdmu hija l-inqas waħda fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Potenzjal qawwi li mhux isir użu minnu. Jgħin ħafna biex iserraħ il-piż li għandu fuq il-pajjiż fejn jirrigwardja l-ispiża dwar il-penzjonijiet, fuq is-saħħa u l-benefiċċji soċja- li.

Wieħed jifhem il-pożizzjoni u l-preokkupazzjoni ta’ min iħaddem, meqjus il-fatt li l-istruttura fejn jirrigwarda leave tal-maternità hija waħda żbal­jata.

Struttura li trid, u għand­ha, tinbidel. Malta hi l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn min iħaddem irid iġorr waħdu l-piż finanzjarju tal-leave tal-maternità.

F’pajjiżi oħrajn ma jsirx hekk. F’pajjiżi oħrajn il-piż inkwistjoni jinqasam. Jinġarr minn kulħadd. Jagħmel tajjeb għalih il-ħaddiem, min iħaddem u l-istat. Meta tali piż jinfirex fuq kulħadd, kif wara kollox, u hekk għandu jkun, isir fil-każ tal-pensjonijiet, leave waqt il-mard u benefiċċji soċjali oħrajn, il-piż ikun inqas.

Il-piż ikompli jonqos meta tqis il-fatt li normalment mara li tkun qed taħdem tagħ­mel użu mil-leave tal-maternità darba, jew forsi darbtejn, tul il-ħajja tax-xogħol tagħha. U meta tqis ukoll li min iħaddem mhux se jkun iffaċċjat b’tali eventwalità ħabta u sabta. Min iħaddem ikollu ċans disa’ xhur jipprepara.

Tibdil fl-istruttura tal-mod kif ikun sostnut tali benefiċċju jelimina għal kollox it-tħassib ta’ bosta li b’żieda fil-leave tal-maternità jista’ jkun hemm diskriminazzjoni kontra n-nisa meta niġu għal ingaġġ ta’ ħaddiema.

Konvint li kieku kellhom isiru dawn id-diskussjonijiet, dan l-istudju, il-konvinzjoni li għandi jien li żieda fil-leave tal-maternità tkun ta’ benefiċċ­ju kemm għall-mara, kemm għat-tarbija kif ukoll għall-ekonomija tal-pajjiż, tkun ta’ kulħadd. Jekk hemm ir-rieda allura konvint li naslu.

l-orizzont 11/07/2011


Ask Edward