Twettqu 79% tal-miżuri tal-baġit 2018


Għal sena oħra, kien ippubblikat id-dokument li jagħti rendikont tat-twettiq tal-miżuri tal-baġit. Bl-isem, “It-Twettiq tal-Baġit 2018”, dan id-dokument jixhed l-importanza tal-ippjanar u kordinazzjoni bl-għan li l-miżuri li jkunu tħabbru fil-baġit jitwettqu.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI U MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

Waqt il-preżentazzjoni ta’ din il-pubblikazzjoni, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, spjega kif dan huwa eżerċizzju li jixhed kontabbiltà u effiċjenza. Fil-fatt it-total ta’ miżuri implimentati mill-baġit 2018 huwa ta’ 178, jiġifieri r-rata ta’ implimentazzjoni fl-2018 tammonta għal 79%. B’hekk dan ifisser li mis-snin preċedenti r-rata ta’ implimentazzjoni ta’ bosta miżuri żdiedet b’6 perċentwali. Il-miżuri implimentati f’dawn l-aħħar ħames snin jammontaw għal ftit aktar minn 1,250.

Fil-pubblikazzjoni wieħed jista’ jsib elenku tal-miżuri pendenti tal-2014, l-2015, l-2016 u l-2017 li ġew implimentati fl-2018. Dan isir biex ikun assigurat li dawk il-miżuri li jkunu fil-proċess ta’ implimentazzjoni ma jitwarrbux wara baġit ġdid iżda jibqgħu jkunu segwiti sakemm jitwettqu.

Is-Sur Mario Cutajar elenka bosta miżuri li twettqu matul din is-sena. Fost l-oħrajn issemma t-trasport b’xejn lill-istudenti, bini ta’ skejjel ġodda u tisbiħ ta’ oħrajn, skemi għall-enerġija rinovabbli, festi pubbliċi mogħtija lura lill-ħaddiema, tnaqqis fil-ħlas ta’ taxxa, investiment fil-qasam tas-saħħa, investiment fl-infrastruttura tat-toroq, pensjonijiet aħjar u tisħiħ tas-servizzi soċjali, ftehim settorali għall-għalliema u l-pulizija, spinta ’l quddiem lis-settur tal-blockchain u ħidma biex l-eżamijiet tal-MATSEC jiġu b’xejn.

Ma’ dawn is-Segretarju Permanenti Ewlieni semma wkoll dawk il-proġetti li għadhom qed jitwettqu fosthom il-key performance indicators għad-dipartimenti kollha tal-Gvern u tisħiħ fis-servizzi diġitali li jingħataw mis-servizz pubbliku.

Il-Ministru għall-Finanzi Profs Edward Scicluna faħħar l-inizjattiva tal-id amminstrattiva tal-Gvern sabiex kull sena jkun ippubblikat dan id-dokument għaliex fi kliemu dan juri trasparenza fit-twettiq ta’miżuri li jaffettwaw liċ-ċittadin.

Il-Ministru semma l-proposta tal-Equity Release li tħabbret fl-aħħar baġit. Hawnhekk huwa qal kif bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet sabiex jitlesta l-qafas legali għal din l-iskema li se tgħin lil sidien ta’ djar fl-età ta’ 55 sena u aktar li jibqgħu jgħixu f’darhom, isarrfu parti mill-valur tad-dar fi flus ma’ kumpanija tal-assigurazzjoni jew bank li jitħallas lura bl-imgħax meta d-dar finalment tinbiegħ.

Huwa semma wkoll il-benefiċċji li ngħataw lil dawk il-familji li għażlu jadottaw jew ikunu foster carers.

Wednesday 17th October 2018

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *