News, Press Releases


Tnedija ta’ skemi biex jindirizzaw anomaliji tal-passat

Għar-raba’ sena konsekuttiva, il-gvern qed jonora wegħda elettorali li jindirizza anomaliji u inġustizzji tal-imgħoddi. Dan qed isir b’sejħa għall-applikazzjonijiet mingħand eks membri tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979, eks ħaddiema tax-xatt u uffiċjali tal-pulizija. Bejniethom, mistennija jitħallsu b’kollox madwar €12 miljun.

Aktar minn 7,000 persuna se jkunu ntitolati għall-għotjiet li jingħataw skont erba’ skemi mfassla mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal, u Solidarjetà Soċjali, il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, u l-Ministeru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, bi qbil mal-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji għal dan il-għan.

Erba’ Skemi

L-applikazzjonijiet ser jintlaqgħu skont it-termini u l-kundizzjonijiet miġbura f’dawn l-iskemi li tħabbru fil-ħarġa tal-lum, 9 ta’ Mejju 2020, tal-Gazzetta tal-Gvern. Dawn jgħoddu għal:

Persuni li daħlu uffiċjalment fis-servizz pubbliku wara s-16 ta’ Jannar 1979 u li qabel din id-data għamlu xi żmien iservu f’dipartmenti tal-gvern, iżda mhux bħala uffiċjali pubbliċi;

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI U MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI

Persuni li kienu impjegati f’xi korporazzjoni jew entità fis-settur pubbliku wara li għamlu xi żmien iservu f’wieħed mill-korpi tax-xogħol imwaqqfa qabel l-1979; jew
impjegati mal-Gas Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta; jew
apprentisti mal-Malta Electricity Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta.
Ħaddiema tax-xatt li kienu liċenzjati bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007 u li ma kienux hekk liċenzjati wara dan il-perjodu.

Uffiċjali tal-pulizija li ħadmu saħra bejn l-1 ta’ Settembru 1993 u l-31 ta’ Diċembru 2009.

Iż-żmien biex wieħed japplika jagħlaq il-Ġimgħa, 31 ta’ Lulju 2020. Il-ħlasijiet jsiru aktar tard matul is-sena wara proċess ta’ verifika.

Skema għall-eks membri tal-korpi li sabu impjieg fis-servizz pubbliku

Din l-iskema ħija marbuta maż-żmien li applikant għamel fis-servizz pubbliku minn wara li jkun ħa l-ħatra uffiċjalment sad-data tal-irtirar. Iż-żmien li persuna tkun għamlet isservi f’xi dipartment tal-gvern, iżda mhux bħala uffiċjal pubbliku, ma jkunx ikkalkulat għall-fini tal-iskema.

Skema għall-eks membri tal-korpi li sabu impjieg fis-settur pubbliku

Din l-iskema hija prinċipalment miftuħa għal dawk il-membri tal-korpi li twaqqfu qabel l-1979 li meta temmew l-ingaġġ tagħhom daħlu jaħdmu ma’ entitajiet u korporazzjonijiet fis-settur pubbliku.

L-iskema hija wkoll intiża għall-eks impjegati tal-Gas Board li ġew trasferiti mal-Korporazzjoni Enemalta, u għal numru żghir ta’ persuni li kienu impjegati bhala apprentisti mal-Malta Electricity Board u wara qalbu mal-Enemalta.

Minn dawn iż-żewġ skemi li qed jitħaddmu mill-Ministeru għall-Familja, Drittjiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, jistgħu jibbenefikaw aktar minn 4,000 persuna.

Dawn l-iskemi ma japplikawx għal persuni li kienu f’wieħed mill-korpi mwaqqfa wara l-1979, u persuni li qed jirċievu, jew għandhom id-dritt li jirċievu, pensjoni tas-servizz skont il-providimenti tal-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet, l-Att dwar il-Pulizija u l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta.

Persuni li applikaw taħt iż-żewġ skemi fis-snin ta’ qabel u għadhom eliġibbli skont it-termini tal-iskemi m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ser jipproċessa l-ħlas ta’ għotjiet skont it-tagħrif mogħti mill-applikanti eliġġibli fis-snin ta’ qabel.

Eks ħaddiema tax-xatt

Aktar minn 600 ex-ħaddiema tax-xatt jew l-eredi tagħhom ser jibbenifikaw mill-ġdid mill-iskema li saret skont ftehim milħuq mal-General Workers’ Union.

Anke taħt din l-iskema, l-applikanti eliġibbli li tħallsu pagament is-sena l-oħra m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw. Huma ser jirċievu notifika dwar dan mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

F’każ ta’ mewt ta’ applikant eliġibbli jew ta’ l-eredi awtorizzat, trid issir applikazzjoni ġdida skont it-termini tal-iskema.

Uffiċjali tal-Pulizija

L-iskema mfassla mill-Ministeru għall-Intern, s-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar ta’ Liġi taħseb biex isiru parti mill-ħlasijiet dovuti lill-pulizija fuq sahra mhux imħallsa bejn Settembru tal-1993 u Diċembru tal-2009. Il-benefiċċjari f’din l-iskema jlaħħqu madwar 2,500 li nofshom għadhom iservu. Huma kienu fil-grad ta’ kuntistabbli, surġent jew surġent maġġur u ħadmu sigħat addizzjonali bħala sahra.

Il-ħlasijiet qed isiru skont il-ftehim milħuq fl-2017 mal-unions li jirrappreżentaw l-uffiċjali tal-pulizija. Anke fil-każ tal-pulizija, l-applikanti eliġibbli m’hemmx għalfejn japplikaw mill-ġdid. Huma ser jirċievu notifika dwar dan mill-Ministeru għall-Intern, s-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar ta’ Liġi.

Jekk applikant eliġibbli jew l-eredi awtorizzat ġie nieqes, trid issir applikazzjoni ġdida mill-eredi awtorizzati skont it-termini tal-iskema.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon saħaq li l-gvern qed iżomm kelmtu u ser jagħmel dawn il-ħlasijiet minkejja n-nefqa qawwija li tkattret bla mistenni biex jinħolqu benefiċċji u miżuri speċjali biex jiġu mgħejjuna persuni u familji milquta mis-sitwazzjoni tal-Covid-19.

Il-Ministru Falzon qal li din is-sena, b’differenza mis-snin tal-imgħoddi, min diġà huwa applikat jew qed jitħallas l-għotja m’għandu għalfejn jagħmel xejn, għax aktar tard din is-sena se jintbagħat l-għotja bħas-snin preċedenti.

Kull min irid japplika huwa applikant ġdid li qatt ma applika jew tħallas qabel, inkella, f’każ ta’ benefiċċjarju li jkun miet, iridu japplikaw l-eredi tiegħu.

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal li, “Bħala gvern, ma kellna l-ebda obbligu legali li nagħmlu dan, iżda xorta ħassejna l-obbligu morali li nindirizzaw dawn l-anomaliji u inġustizzji li saru fl-imgħoddi. Din is-sena, qed ikomplu nwettqu dak li wiegħdna u għalhekk għal din is-sena allokajna madwar €13–il miljun fil-fond li ġie maħluq fl-2017, speċifikament biex jindirizza dawn l-inġustizzji. B’kollox, huwa stmat li fuq medda ta’ erba’ snin, in-nefqa fuq dan il-kumpens se tkun telgħet għal kważi €50 miljun. Dan huwa mod ieħor ta’ kif is-surplus li għamilna f’dawn l-aħħar erba’ snin konsekuttivi ġie msarraf u mqassam għand in-nies. B’hekk qed inkomplu niżguraw li kulħadd igawdi mill-ġid li ħloqna.”

Il-Ministru Scicluna kompla billi qal li permezz ta’ dan il-fond, l-eks ħaddiema tax-xatt, eks membri tal-korpi tas-snin sebgħin li wara daħlu jaħdmu mal-gvern u uffiċjali tal-pulizija ġew ikkumpensati tal-inġustizzji li soffrew. Dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema u l-eredi tagħhom din is-sena ser jerġgħu jkunu eliġibbli għal kumpens. Barra minn hekk, għat-tieni sena konsekuttiva, se ssir sejħa għall-applikazzjonijiet mingħand dawk il-membri tal-korpi li daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku meta spiċċaw l-ingaġġ tagħhom fil-korp u għal kategoriji oħra.

L-applikazzjonijiet u d-dokumenti meħtieġa għandhom jintbagħtu bil-posta jew jitwasslu fid-Dipartment tas-Sigurtà Soċjali f’38, Triq l-Ordinanza, il-Belt Valletta, VLT 1021, jew jintbagħtu b’email fuq socialsecurity@gov.mt

Min jixtieq jikseb aktar tagħrif, jista’ jċempel fuq il-helpline 25903000.

L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-31 ta’ Lulju 2020. ​

Saturday 9th May 2020


Ask Edward