Tkabbir Ekonomiku jirdoppja fuq l-2011 u l-2012


It-tkabbir ekonomiku matul l-2013 ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika huma d-doppju tar-rati reġistrati fl-2011 u l-2012. Dan it-tkabbir jisboq ukoll il-previżjonijiet li saru mill-Gvern fil-budget li għadda, ta’ 3.7% u 1.2% f’termini nominali u reali rispettivament. Huma wkoll aktar pożittivi mit-tkabbir ekonomiku għal Malta previst mill-Kummisjoni Ewropea.

It-tkabbir nominali kien ta’ 4.4% filwaqt li dak reali kien ta’ 2.4%.

 

statistics
Meta wieħed jiffoka fuq id-disa’ xhur fl-2013 li fihom kien hemm amministrazzjoni ġdida, il-bidla fil-pass ekonomiku toħroġ aktar. Filfatt ir-rata reali ta’ tkabbir ekonomiku titla’ għal 2.6% f’dawn it-tliet kwarti tas-sena, mqabbla mar-rata ta’ 1% u 1.2% li kienu ġew irreġistrati fl-istess perjodi tal-2011 u l-2012.

Matul l-2013 ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku f’termini reali għal Malta kienet tikkuntrasta bil-kbir mal-pass ferm kajman reġistrat fil-pajjiżi ta’ madwarna.

Mentri Malta kibret b’2.4%, l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea kibret b’0.1% filwaqt li dik fiż-żona Ewro naqset b’0.5%.

Dan ir-riżultat jikkuntrasta bil-kbir mal-istampa ferm negattiva li kien u għadu jipprova jpenġi l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-kelliema tiegħu fuq l-ekonomija u l-finanzi sal-bieraħ stess. Altru milli pajjiżna qiegħed f’sitwazzjoni ekonomika kritika, il-fatti juru li kumparat ma’ dak li kien seħħ f’amministrazzjoni preċedenti, kemm ir-rata ta’ tkabbir fl-ekonomija u dik ta’ tkabbir fl-impjiegi aktar milli rduppjaw.

Fattur ewlieni wara dan it-titjib kien żvilupp pożittiv ħafna fil-konsum privat li fl-aħħar disa’ xhur tal-2013 żdied b’€50 miljun f’termini reali mill-istess perjodu tal-2012. Iż-żieda fil-konsum privat li kien hemm waqt l-2013 tikkuntrasta bil-kbir mat-tnaqqis li kien hemm matul l-2012 u tikkonferma figuri maħruġa mill-Kummisjoni Ewropea li l-kunfidenza fost il-konsumatturi Maltin bdiet tilħaq livelli rekord wara l-bidla fl-amministrazzjoni.

It-tkabbir fil-konsum privat iġġenera nofs it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fid-disa’ xhur bejn Marzu u Diċembru 2013. Min-naħa l-oħra l-ispiża tal-Gvern kienet kawta ħafna u filfatt iż-żieda f’termini reali fiha kienet ta’ anqas minn €1 miljun. Bil-kontra, taħt Gvern preċedenti kemm fl-2011 u l-2012 fl-istess xhur kien hemm żidiet ta’ €21 miljun u €37 miljun, rispettivament. Filfatt kieku ma kinux għaż-żidied fl-ispiża tal-Gvern, f’dawn is-snin it-tkabbir reali kien ikun ta’ 0.5% u 0.2% biss, kontra it-2.6% reġistrat fl-2013. Il-kawtela ta’ din l-amministrazzjoni fejn tidħol l-ispiża tal-Gvern qed tħalli l-frott, u diġà wasslet biex il-Kummisjoni Ewropea tbiddel l-opinjoni tagħha fuq id-defiċit finanzjarju tal-Gvern Malti u fuq żbilanċi makroekonomiċi oħra.

Huwa importanti li jiġi nnotat kif il-politika fiskali kawta ta’ din l-amministrazzjoni ma waslitx għal tnaqqis fir-ritmu ekonomiku tal-pajjiż, imma ġrat f’kuntest ta’ aċċelerazzjoni ekonomika. Dan jirrifletti l-istrateġija tal-Gvern li hija kontra programmi ta’ awsterità fiskali imma favur politika ta’ galbu fejn jidħlu flus il-poplu. Bi tmexxija effettiva l-Gvern jista’ jonfoq ħafna aħjar u xorta jiġġenera aktar tkabbir ekonomiku minn meta l-ispiża kienet titħalla tikber iżżejjed.

 

govmt_logo    timesofmalta_logo  maltatoday_logo  dive_logo

– Tuesday, 11th March, 2014

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *