Tiftaħ Dar l-iStudent ġewwa l-MCAST


Iktar kmieni llum ġiet imnedija uffiċjalment Dar l-iStudent ġewwa l-MCAST fejn proġett ta’ 4200 sqm fetaħ il-bieb tiegħu għall-ewwel darba.

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL, MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-PRESIDENZA UE 2017 U GĦALL-FONDI EWROPEJ

Għall-ftuħ ta’ dan il-proġett, ko-finanzjat minn fondi Ewropej b’valur totali ta’ 19–il miljun ewro, attendew għalih il-Ministri Evarist Bartolo u Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg.

Il-Ministru Bartolo qal li dan il-proġett ikompli jsaħħaħ il-preżenza tal-MCAST f’pajjiżna sabiex iktar żgħażagħ jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom. Huwa qal li għalkemm il-prijorità edukattiva hija l-kwalità ta’ tagħlim u taħriġ li jingħataw l-istudenti, li jkollok ambjent tajjeb jgħin ħafna biex l-għanijiet edukattivi jintlaħqu.

SH

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, li kien serva fl-ewwel bord tal-gvernaturi tal-MCAST, qabbel l-istat mitluq li kien fih il-post snin ilu ma’ dak trasformat tal-lum. Huwa qal li l-MCAST se jkun kulleġġ li fil-livell akkademiku tiegħu jħabbatha tajjeb ma’ kulleġġi bħalu barra minn pajjiżna. “L-investiment li qed isir hawnhekk se jagħti l-akbar ħlas lura lil pajjiżna,” qal il-Prof. Scicluna. Huwa għamel kuraġġ lill-istudenti biex jistudjaw u jikbru f’kull sens, sabiex kemm huma kif ukoll il-pajjiż ikollhom futur sabiħ kif jixraqilna bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea.

pr152377h

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u għall-Fondi Ewropej Ian Borg feraħ lit-tmexxija tal-MCAST u lill-Ministeru tal-Edukazzjoni ta’ dan il-proġett waqt li stieden lill-istudenti sabiex din il-blokka tabilħaqq jibdew iqisuha bħala d-dar tagħhom.

Dan huwa proġett li finalment se jkun ibbenefika minn madwar €19-il miljun ta’ fondi Ewropej, spjega s-Segretarju Borg, hekk kif saħaq li dan kien proġett li ser ikun gawda wkoll minn żieda sostanzjali fuq l-allokazzjoni oriġinali.

Apparti dan, sostna Ian Borg, dan il-proġett jissimbolizza perfettament l-iskop tal-fondi Ewropej, hekk kif fl-istess waqt, dan il-proġett ser ikun ibbenefika wkoll minn madwar €40 miljun ta’ fondi Ewropej mill-Fond Soċjali Ewropew li kkumplimentaw permezz ta’ investiment f’xiri ta’ makkinarju u apparat speċjalizzat. Fuq kollox, temm jgħid Dr Borg, dan huwa proġett li ser iżid l-opportunitajiet tal-impjiegi u jikkonferma l-intenzjoni ta’ dan il-Gvern li jkompli jagħti l-għodod meħtieġa liż-żgħażagħ tagħna li jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.

 

Wednesday  28th October  2015

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *