Skema ta’ rifużjoni ta’ VAT fuq apparat li jintuża minn persuni b’ diżabilità


Aktar minn 7,000 persuna b’xi forma ta’ diżabilità u li kawża tagħha jistgħu jkunu jeħtieġu apparat speċjali se jibdew jibbenifikaw minn skema ta’ għotja lura ta’ flus tal-VAT li tkun tħallset fuq ix-xiri tal-apparat. L-iskema se tidħol fis-seħħ nhar il-Ġimgħa, l-1 ta’ Settembru, 2017.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

L-iskema tnediet dalgħodu mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Il-Ministru Scicluna qal li “il-Gvern jagħti importanza kbira lill-inklużjoni soċjali, u dan urejnieh b’riżultati li ksibna kemm fejn jidħol faqar kif ukoll fejn jidħlu persuni b’diżabilità. Huwa għalhekk li b’din l-iskema se nkunu qed intaffu xi ftit mill-ispejjeż li jkollhom persuni b’diżabilità meta jiġu biex jixtru apparat speċjali li jiffaċilitalhom ħajjithom. Fil-fatt se nħallsu lura l-VAT li jkun tħallas minn dawn l-individwi jew minn persuni qrib tagħhom jew organizzazzjonijiet volontarji. Din hija inizjattiva oħra sabiex inkomplu nintegraw lill-persuni b’diżabilità fis-soċjetà”.

Permezz ta’ din l-iskema persuni b’diżabilità se jkunu jistgħu jieħdu sa massimu ta’ €600 lura f’VAT imħallsa fuq apparat mixtri fuq medda ta’ ħames snin. L-għajnuna tvarja skont il-livell tad-diżabilità. Tkun trid issir applikazzjoni mad-Dipartiment tal-VAT fi żmien tliet xhur mix-xiri tal-apparat.

Għal din l-iskema jistgħu japplikaw kemm il-persuni infushom jew persuni u entitajiet oħra f’isem il-persuna b’diżabilità li hija rreġistrata mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Rhoda Garland, id-Direttur Eżekuttiv tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, laqgħet din l-iskema b’ottimiżmu hekk kif se tgħin lill-persuni b’diżabilità finanzjarjament meta jixtru apparat meħtieġ biex jgħinhom jgħixu ħajja iżjed indipendenti. Fost l-apparat li jaqa’ taħt din l-iskema hemm bsaten, chairlifts, siġġijiet tar-roti, sodod speċjali, guide dogs, u service dogs.

Il-lista tal-apparat, flimkien mal-applikazzjoni biex wieħed jieħu lura l-VAT imħallas fuqu, se tkun disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Finanzi fil-jiem li ġejjin.

                

31 ta’ Awwissu 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *