Malta Ekonomija b’Saħħitha: Id-defiċit jonqos għal 1.6% mingħajr miżuri ta’ awsterità


Irnexxielna nnaqqsu d-defiċit skont it-targets tagħna għal 1.6%, tnaqqis qawwi minn 3.7% li dan il-Gvern sab fil-bidu tal-leġiżlatura. Dan għamilnieh waqt li lħaqna l-akbar tkabbir ekonomiku u l-inqas rata fil-qgħad fl-istorja. Sabiex naqqas id-defiċit, ħaddieħor daħħal miżuri ta’ awsterità. Aħna rnexxielna billi ħadna deċiżjonijiet bħat-traħħis tal-kontijiet u childcare centres b’xejn. Issa huwa l-mument li ma nitilfux ir-riedni minn idejna.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja li fiha tnieda d-dokument ta’ twettiq tal-Budget 2015 filwaqt li tħabbret it-tema tal-Budget 2016: Malta Ekonomija b’Saħħitha.

 

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru qal li twettqu 70% tal-miżuri li tħabbru għall-budget ta’ din is-sena. Spjega li l-eżerċizzju qed isir xahar qabel is-sena li għaddiet filwaqt li twettqu iktar miżuri milli twettqu s-sena l-oħra minħabba li kien hemm iktar miżuri. Dan hu proċess kontinwu li jibda sa minn ġimgħa wara li jitħabbar il-budget u jkompli għaddej tul sena sħiħa.

Fi żmien li l-ekonomija sejra tajjeb, hemm bżonn li nwettqu r-riformi li hemm bżonn bħal fis-saħħa biex wara li m’għadhiex tinħass il-problema tal-pilloli out of stock, issa nindirizzaw il-problema ta’ nuqqas ta’ sodod u l-waiting lists.

 

 

eurocalculatorglasses

Waqt l-istess konferenza d-Deputat Prim Ministru Louis Grech qal li preżentament qed jiġu amministrati tliet budgets mhux wieħed, li huma l-budget nazzjonali annwali, il-fond tal-SME initiative li huwa fond għall-intrapriżi żgħar u medji kif ukoll Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali li ser jamministra l-flus li jidħlu mill-IIP li s’issa jammontaw għal 75 miljun.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li għal din l-amministrazzjoni l-budget mhuwiex sempliċiment eżerċizzju ta’ kif nibbilanċjaw il-kotba tal-Gvern, iżda wkoll opportunità biex nieħdu miżuri intenzjonati biex ibiddlu d-direzzjoni tal-ekonomija.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li d-dokument tħejja mill-id amministrattiva tal-Gvern. Id-dokument, qal is-Sur Cutajar, jixhed l-importanza tal-ippjanar u tal-koordinazzjoni bil-għan li l-miżuri li jkunu tħabbru fil-budget, jiġu mwettqa. Xhieda ta’ dan hija ż-żieda fin-numru ta’ miżuri implimentati din is-sena meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Semma’ dokument ieħor li se jkun qed jiġi ppubblikat fil-bidu tas-sena d-dieħla, dak tal-‘Miżuri ta’ Simplifikazzjoni 2015’.

 

– Sunday , 11th October, 2015

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *