L-intraprenditorija privata ssuq lis-suq u l-ekonomija


“L-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna jiddependi mis-sens ta’ intraprenditorija tas-settur privat Malti, fejn il-Gvern għandu jidħol biss biex iwieżen setturi li mhumiex attraenti għal dan it-tip ta’ investiment”.

Dan qalu llum il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt it-tnedija tal-premju Malta’s Best Entrepreneur of the Year Awards 2016 fi Smart City.

Il-Ministru Scicluna spjega li r-rwol tal-Gvern fi ħdan l-ekonomija hu li jipprovdi qafas sabiex is-settur privat jista’ jopera u jipprovdi s-servizzi għall-konsumatur Malti, kif ukoll jiffaċilita l-ħajja tal-intraprenditur u mhux jikkompeti miegħu. Saħaq li l-Ministeru għall-Finanzi minbarra li huwa responsabbli mill-finanzi tal-pajjiż, huwa responsabbli wkoll mill-ekonomija nazzjonali u t-tkabbir tagħha, kif ukoll mit-tfaddil, l-investiment u l-esportazzjoni. Però r-responsabbiltà tal-Ministeru, u allura tal-Gvern, hija li joffri l-ambjent għall-privat biex iwettaq din il-ħidma u mhux jikkompeti miegħu fit-twettiq tagħha.

 

pr161642b

Fid-dawl tal-importanza tas-settur privat li jsuq lill-ekonomija u lis-suq, qal il-Ministru għall-Finanzi, huwa importanti ferm li nirrikonoxxu l-abilitajiet u l-ħidma tal-intraprendituri lokali. “Il-ħila għall-intraprenditorija titwieled biha, però aħna nistgħu, permezz tas-sistema edukattiva, inwessgħu l-għarfien tagħha u t-tagħlim jista’ jwassal sabiex dak li jkun itejjeb il-ħiliet intraprenditorjali tiegħu”. Il-Ministru Scicluna qal ukoll li fadal x’isir sabex tinfirex il-kultura tal-intraprenditorjat filwaqt li fakkar li fi stħarriġ fl-Amerika, madwar 80% tat-tfal tal-iskola li ġew intervistati, urew ix-xewqa li jiftħu negozju għal rashom, filwaqt li fl-UE kienu biss 50% tat-tfal li urew din ix-xewqa.

Il-Ministru Scicluna awgura kull suċċess lill-intraprendituri, li huma l-fattur ewlieni li jwasslu għal settur privat b’saħħtu, attiv u vibranti.

 

 Friday 22nd July 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *