L-imsieħba soċjali jiddiskutu l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għas-Sena 2019


Il-membri tal-MEUSAC u tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali illum kienu mistiedna jiddiskutu l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għas-Sena 2019 ippreżentat mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.

Dan id-dokument, li jiġi sottomess lill-Kummissjoni Ewropea lejn nofs April, prinċiparjament jirrapporta l-progress li qed isir rigward l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi (Country Specific Recommendations) u l-miri nazzjonali stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għas-sena 2020.

STQARRIJA

MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI,

MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA

U

MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ta ħarsa ġenerali lejn l-andament tal-ekonomija u l-prospetti makroekonomiċi għal din is-sena u s-sena dieħla. Il-ministru spjega kif fl-2018, Malta kompliet tkun fost dawk il-pajjiżi fl-UE li qed jikbru bl-ogħla rati. Dan it-tkabbir robust, li kien mifrux fuq diversi setturi, kien sostnut mit-tkabbir qawwi fl-impjiegi flimkien ma’ rata ta’ qgħad rekord baxxa. Rigward it-tbassir għal din is-sena u s-sena dieħla, il-Ministru għall-Finanzi qal li t-tkabbir ekonomiku mistenni jkompli jkun b’saħħtu filwaqt li mil-lat fiskali, il-Gvern qed ibassar li se jkompli jirreġistra surplus nett mid-dħul mill-IIP.

Dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal Malta, il-Ministru għall-Finanzi tkellem fuq il-progress li sar sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Fost il-miżuri li ġew implementati, semma t-transpożizzjoni tar-raba’ direttiva kontra l-ħasil tal-flus, it-tħejjija tan-National Risk Assessment, it-twaqqif tan-National Coordinating Committee for Money Laundering and Financing of Terrorism kif ukoll ir-ristrutturar tal-MFSA u l-FIAU u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tal-economic crimes. Dawn kollha huma parti mis-17 il-miżura li diġà ġew implimentati mill-Pjan ta’ Azzjoni Strateġiku Nazzjonali li identifika madwar 47 miżuri.

Il-Ministru Edward Scicluna semma wkoll id-diversi evalwazzjonijiet li qed isiru minn istituzzjonijiet indipendenti fosthom l-FSAP, il-MONEYVAL, l-Venice Commission u l-GRECO. Ir-rakkommandazzjoniet ta’ dawn ir-rapporti qegħdin jittieħdu bis-serjetà tant li diversi minnhom diġà qed jiġu implimentati.

Il-Ministru għall-Finanzi tkellem ukoll fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fejn semma r-riformi li saru fil-pensjonijiet, it-tibdil li sar sabiex tisaħħaħ l-Att dwar ir-Responsabilità Fiskali, it-tisħiħ tal-Comprehensive Spending Reviews u r-riżultati pożittivi li Malta kisbet fil-Fiscal Transparency Evaluation mħejji mill-Fond Monetarju Internazzjonali.

Il-Ministru Għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet illi din il-laqgħa konġunta bejn il-MEUSAC u l-MCESD hija eżerċizzju importanti fil-kuntest tal-obbligi ta’ pajjiżna bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea.

Dan qabel ma l-Kummissjoni toħroġ ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi li jiggwidaw id-deċiżjonijiet dwar il-baġit nazzjonali li jmiss. F’dan ir-rigward il-Ministru Helena Dalli fissret kif Malta hija fost l-aqwa erba’ pajjiżi fejn tidħol l-implimentazzjoni tar-rakkomazzjonijiet speċifiċi.

Fil-fatt, f’April ta’ kull sena, l-istati membri jissottomettu lill-Kummissjoni Ewropea l-pjanijiet tagħhom għal finanzi pubbliċi sodi, ir-riformi u l-miżuri favur tkabbir għaqli u sostenibbli f’oqsma bħall-impjiegi u l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija u l-ambjent, u l-inklużjoni soċjali.

Il-Ministru Dalli temmet billi qalet li b’dan l-eżerċizzju ta’ djalogu soċjali, il-Gvern u s-sħab soċjali qed ikomplu jfasslu t-triq ‘il quddiem abbażi ta’ soluzzjonijiet komuni li jibnu fuq miżuri li rnexxew u li jindirizzaw l-isfidi tal-preżent u tal-ġejjieni.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Socjali Aaron Farrugia qal li l-laqgħa tal-lum hija sinjal importanti li l-Gvern huwa lest li jiddjaloga mal-imsieħba soċjali dwar l-istrateġija tiegħu għall-istabilità u t-tkabbir ekonomiku, kif ukoll sabiex isaħħaħ il-koeżjoni soċjali u s-sostenn tal-ambjent.

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia qal li r-riċerka li ħarġet mill-Bruegel Institute turi li Malta hi fost l-aqwa erba’ pajjiżi fl-UE fl-implimentazzjoni tal-istess rakkommandazzjonijiet speċifiċi, u li dan juri biċ-ċar li l-Gvern jieħu dan il-proċess b’serjetà, u li xogħolu qed ikun reġistrat u apprezzat.

Huwa qal ukoll li fejn għandhom x’jaqsmu fondi Ewropej, Malta diġà bbenefikat ħafna mill-UE u l-Gvern għandu kull ħsieb li jagħmel ħiltu biex il-programm ta’ fondi li jmiss ikompli jindirizza l-prijoritajiet tal-pajjiż. Dan se nagħmluh permezz ukoll tar-Reform Support Programme li se jkun programm ġdid ta’ fondi Ewropej bejn l-2021 u l-2027 li bihom pajjiż ikun jista’ jimplimenta r-riformi f’numru ta’ oqsma importanti.

     

 

2nd April 2019

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *