Maltese Articles

English Articles

Press Releases

News, Press Releases


It-twettiq tal-miżuri tal-Baġit 2019

“It-twettiq tal-miżuri tal-Baġit 2019 hu sinjal ċar ta’ kontabilità u trasparenza” – Il-Ministru Edward Scicluna

“Ir-rendikont tal-miżuri tal-Baġit li twettqu tul l-aħħar sena jixhdu sens ta’ kontabilità fiskali u finanzjarja, kif ukoll jirriflettu t-trasparenza ta’ dan il-gvern.” Hekk saħaq il-Ministru għall-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna, meta indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn tnediet pubblikazzjoni li tagħti rendikont tat-twettiq tal-miżuri tal-Baġit 2019.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI
U
MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

Din hija s-sitt sena konsekuttiva fejn l-id amministrattiva tal-gvern ħejjiet dokument biex tagħti rendikont tat-twettiq tal-miżuri tal-Baġit għas-sena kurrenti. Bħas-snin li għaddew, id-dokument jagħti rendikont ta’ dak li sar f’kull kwart tas-sena fuq kull miżura mħabbra. Ma’ kull miżura hemm ukoll l-istadju li tinsab fih.
Il-Ministru Scicluna fisser dan ir-rendikont bħala l-istil ġdid ta’ dan il-gvern li serva bħala għodda siewja ta’ rendikont f’dak li għandu x’jaqsam ma’ twettiq ta’ miżuri tal-Baġit. Fid-diskors tiegħu l-Ministru qal li, “Il-miżuri li twettqu jinkludu fost l-oħrajn il-Home Equity Release għall-anzjani li issa jistgħu jissellfu mill-bank, kif ukoll it-Trasferiment tan-Negozju lill-Ulied.”
B’referenza għall-miżuri li għad iridu jitwettqu, il-Ministru għall-Finanzi qal li dawn qiegħed isir ix-xogħol fuqhom. “Qegħdin nuru li l-ħidma tal-gvern qed tissarraf f’rendikont u qed turi li wettqet dak li ngħata lilha,” temm jgħid il-Ministru.
“Twettqu 74% tal-miżuri tal-Baġit 2019 u total ta’ 1,350 miżura f’sitt snin” – is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, ħabbar li twettqu 74% tal-miżuri tal-Baġit 2019, biex b’hekk it-total ta’ miżuri tal-Baġit imwettqa f’dawn l-aħħar sitt snin jammonta għal madwar 1,350.
Is-Sur Cutajar, li indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministru għall-Finanzi, qal li t-total ta’ miżuri implimentati mill-Baġit 2019 flimkien ma’ miżuri oħra minn baġits ta’ snin preċedenti huwa ta’ 208. Dan ifisser li r-rata ta’ implimentazzjoni ta’ 74% tirrifletti r-rata medja ta’ implimentazzjoni ta’ dawn l-aħħar ħames snin.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-pubblikazzjoni annwali dwar it-twettiq tal-Baġit mhix biss eżerċizzju fiskali iżda wkoll policy statement. Huwa fakkar li l-miżuri li għadhom ma twettqux mhux se jintesew iżda se jibqgħu jiġu segwiti sakemm jitwettqu, f’eżerċizzju li f’amministrazzjonijiet preċedenti qatt ma sar bħalu. Fil-fatt kull xahar il-Kabinett jingħata rendikont tal-implimentazzjoni tal-miżuri sakemm tintemm il-ħajja tal-Baġit partikolari.
F’ħarsa ħafifa lejn uħud mill-miżuri tal-Baġit implimentati fl-2019, is-Sur Cutajar qal li dawn jaffettwaw firxa kbira ta’ nies. Fosthom hemm ix-xogħol ta’ tisbiħ tal-bereġ tas-saħħa, li jolqot mal-40,000 ruħ; it-tneħħija tal-ħlas għall-eżamijiet tal-MATSEC, li taffettwa aktar minn 9,000 student; l-iskema għax-xiri u l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi, li fl-2019 ibbenefikaw minnha 984 familja; ir-rifużjoni tat-taxxa lil 208,832 persuna; il-passaport mogħti minn Heritage Malta lill-isudenti biex iżuru siti storiċi u mużewijiet bla ma jħallsu, li permezz tiegħu ż-żjarat żdiedu b’madwar 80,000; u Tallinja Card b’xejn lil aktar minn 34,000 student ta’ bejn 14 u 20 sena.
Is-Sur Cutajar qal li meta nhar it-Tnejn li ġej jitħabbar il-Baġit għall-2020, jiskatta proċess ieħor li jwassal biex bħal daż-żmien sena tiġi ppreżentata pubblikazzjoni oħra dwar il-miżuri li jkunu twettqu. Is-sena d-dieħla, għall-ewwel darba, is-Servizz Pubbliku se jara kif kull miżura tidħol fil-Miri għal Żvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda u hekk il-Baġit jingħata xejra aktar b’saħħitha u mifruxa.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-pubblikazzjoni dwar it-twettiq tal-Baġit hija rendikont ta’ trasparenza, kontabilità bil-fatti u governanza fil-prattika. “Dan hu s-Servizz Pubbliku li imbarkajna fuqu – Servizz Pubbliku li hu l-id il-leminija tal-amministrazzjoni,” temm jgħid is-Sur Cutajar.

      

07 October 2019

Ask Edward