Is-sħab soċjali jressqu l-proposti tagħhom bi tħejjija għall-Baġit 2020


Fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali issoktaw it-tħejjijiet għall-baġit li jmiss, bis-sħab soċjali u l-membri tal-MCESD iressqu l-proposti u jesprimu l-aspirazzjonijiet tagħhom għas-sena li ġejja u lil hinn minnha, wara li ngħataw preżentazzjoni dwar il-qagħda ekonomika mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.

Fl-introduzzjoni tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li dan huwa t-tielet baġit f’din il-leġiżlatura u l-prinċipji li elenka fl-2017, l-ewwel baġit, baqgħu l-istess. Kontinwità permezz ta’ pjan fit-tul fil-kuntest tal-akbar tkabbir ekonomiku li qed jissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia saħaq li fil-kontribuzzonijiet tagħhom, l-imsieħba soċjali għandhom iżommu quddiem għajnejhom mhux biss l-isfidi finanzjarji u ekonomiċi lokali, iżda anke l-isfidi globali li se jolqtu u jiddefinixxu ċ-ċiklu ekonomiku Malti.

B’mod partikolari semma t-tariffi li qed jirriżultaw mill-kunflitti kummerċjali (trade wars), Brexit u l-prospetti ta’ riformi fir-regoli tat-tassazzjoni bħala sfidi ewlenin li rridu nikkunsidraw fit-tfassil tal-baġit li jmiss u lil hinn.

Is-Segretarju Parlamentari tenna l-bżonn li s-sħab soċjali jħarsu lejn pjan fit-tul; lejn Malta tal-2030; u jqabblu tali pjan mal-viżjoni tal-Gvern għall-futur ta’ pajjiżna. Viżjoni msejsa fuq strateġija komprensiva li tindirizza prioritajiet importanti fosthom l-edukazzjoni, niċeċ ekonomiċi u industriji ġodda, l-immaniġġjar tal-iskart, l-ambjent u t-tnaqqis tat-tniġġis, u l-bidliet demografiċi ta’ pajjiżna. “Dawn huma lkoll temi importanti li se nitrattaw fil-baġit li jmiss”, żied Aaron Farrugia.

B’referenza għat-taħdidiet dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (MFF), is-Segretarju Parlamentari qal li parti mis-suċċess ekonomiku huwa grazzi ukoll għall-fondi ewropej, u għalhekk fix-xhur li ġejjin se nkomplu nħarsu l-interessi nazzjonali fin-negozjati li se jaffetwaw mhux biss il-baġit li jmiss, iżda baġits sussegwenti fil-perjodu 2021-2027.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis fisser kif djalogu soċjali b’saħħtu huwa s-sinsla tal-paċi industrijali li tirrenja f’pajjiżna u l-progress ekonomiku u soċjali li ksibna fl-aħħar snin. Progress bi skop biex it-tkabbir ekonomiku bla preċedent jissarraf f’saħħa aħjar għal kulħadd, edukazzjoni tajba għall-istudenti tagħna u titjib fil-ħarsien soċjali biex ħadd ma jaqa’ lura.

F’dan il-kuntest, il-Ministru Zammit Lewis tenna l-impenn tiegħu biex jibqa’ qrib is-sħab soċjali li huma l-partijiet ewlenin tal-MCESD, waqt li ħeġġeġ diskussjoni ħajja u informali anke lil hinn minn dan l-istess kunsill. F’dan l-ambitu, il-ministru żied li l-bieb tiegħu se jkun dejjem miftuħ għal taħdidiet kostruttivi mas-sħab soċjali fl-aqwa interess tal-iżilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.

B’rabta mat-tema tal-laqgħa bi tħejjija għall-baġit li jmiss, il-Ministru Zammit Lewis sostna li l-preżenza tal-Ministru Edward Scicluna hija xhieda oħra ta’ Gvern li jisma’ biex il-pjan finanzjarju tal-Gvern jirrifletti l-aspirazzjonijiet tas-sħab soċjali.

F’dan ir-rigward, Zammit Lewis appella lill-membri tal-MCESD biex dejjem iħarsu lil hinn mill-industriji rispettivi tagħhom biex b’hekk insostnu d-dixxiplina finanzjarja u l-bilanċ ekonomiku u soċjali, liema bilanċ isaħħaħ l-istabbiltà ekonomika li tattira aktar investiment u aktar xogħol lejn pajjiżna.

Dan kollu b’konsistenza mal-ħtieġa ta’ forum b’saħħtu li permezz tiegħu rridu nkomplu nixprunaw ekonomija sostenibbli li tieħu ħsieb is-saffi kollha tas-soċjetà tagħna, temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis.

Fil-preżentazzjoni tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li r-rata ta’ Malta b’rabta mal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol qabżet ir-rata medja tal-Unjoni Ewropea fl-2018.

Il-Ministru Scicluna semma kif din hija l-ewwel darba li Malta qabżet il-medja Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-parteċipazzjoni ta’ persuni fis-suq tax-xogħol għall-fatt li apparti li żdiedu l-ammont ta’ nies jaħdmu, in-numru ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol żdied b’mod sostanzjali.

Matul din il-laqgħa, il-Ministru Scicluna tkellem dwar il-kisbiet ekonomiċi u fiskali li rnexxielu jikseb pajjiżna matul is-sena li għaddiet, filwaqt li sostna li t-tkabbir ekonomiku mistenni li jibqa’ wieħed b’saħħtu. “Is-suċċess ekonomiku qiegħed isarraf f’aktar produttività, tnaqqis fid-dejn kif ukoll wassal sabiex Malta hija t-tieni l-anqas piżijiet tat-taxxa fuq il-ħaddiem fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.”

29/07/2019

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *