News, Press Releases


Inawgurat uffiċjalment il-BOV Premium Banking Centre f’Santa Venera

“Wara li saret evalwazzjoni tar-riskji fis-setturi finanzjarji u setturi oħrajn tal-ekonomija, ġiet imfassla strateġija biex jissaħħu l-istituzzjonijiet regolatorji u ta’ superviżjoni ta’ pajjiżna biex inkomplu ntejbu u nsiru aktar effikaċi fil-ġlieda tagħna kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar illeċitu tat-terroriżmu”, qal il-Ministru Edward Scicluna waqt l-inawgurazzjoni tal-BOV Premium Banking Centre.

Stqarrija mill-Ministeru għall-Finanzi

u

Mis-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni

Il-Ministru elenka numru ta’ inizjattivi li ħadet Malta f’dan ir-rigward u kif l-inizjattivi ġew spjegati lill-Kummissarju Jurova f’laqgħa li kellu magħha t-Tnejn li għadda, fejn ġiet offruta l-kollaborazzjoni sħiħa ta’ Malta mal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

Il-Ministru Scicluna żied li dak li tistenna Malta minn organizzazzjonijiet Ewropej hu li jkunu ġusti ma’ pajjiżna u mhux jużawna ta’ eżempju għal pajjiżi oħrajn fejn ġraw nuqqasijiet ferm gravi.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri qal li dan iċ-ċentru se joffri post ideali biex il-klijent ikollu kuntatt dirett mal-bank tiegħu. “Hu dak il-kuntatt li għal ħafna li llum qed jagħmlu l-banking tagħhom online, jista’ jagħmel differenza kbira. Minn investitur barrani sa negozju lokali jew klijent li għandu bżonn għajnuna b’mod personali se jsibuha f’dan il-kumpless”, spjega Silvio Schembri.

Is-Segretarju Parlamentari qal li aktar ma jmur, il-banking qed isir aktar sofistikat u kollox qed jispiċċa fuq app li biha jistgħu jsiru ħlasijiet, bank transfers jew tixtri mingħajr il-ħtieġa tal-karta ta’ kreditu. Il-pass li bih qed jgħaġġel dan is-settur f’termini teknoloġiċi hu bla preċedent, żied Silvio Schembri.

B’referenza għal diskors li ntqal minn membru parlamentari Ewropew dwar bank lokali f’pajjiżna, is-Segretarju Parlamentari qal li ma jimpressjonawhx diskorsi għall-gallerija u theddid fuq pajjiżna. “Kieku kellu jagħmel kampanja biex dan il-bank jitlaq minn Malta, għandu jibda kampanja biex jitilqu banek mill-Ġermanja, minn Franza, mill-Italja, minn Spanja, mir-Renju Unit, mil-Latvja, mid-Danimarka u nista’ nibqa’ nsemmi. Flok diskors, jien nippreferi nitkellem b’azzjoni konkreta filwaqt li nżommu djalogu għaddej mal-istituzzjonijiet Ewropej”, saħaq Silvio Schembri.

“Il-messaġġ tiegħi hu wieħed ta’ pożittività. Malta għad fadlilha l-potenzjal li tikber u dan jista’ jsir jekk nibqgħu nsaħħu s-sinerġiji bejn l-istakeholders kollha, u l-BOV hu stakeholder importanti fl-iżvilupp ta’ pajjiżna”, ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri.

3rd October 2018


Ask Edward