Il-Ministru Scicluna jniedi d-dokument ta’ qabel il-Baġit 2021


Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna ppreżenta l-prijoritajiet tal-Gvern għall-Baġit 2021 permezz tat-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-baġit bit-tema, ‘Lejn Ekonomija Sostenibbli’.

Dan id-dokument jiġi mniedi bl-għan li jkompli jsaħħaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni kemm mal-imsieħba soċjali kif ukoll mal-pubbliku hekk kif huwa l-bażi tal-laqgħat ta’ konsultazzjoni li qed isiru kull sena mill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji qabel kull Baġit.

Id-dokument jagħti wkoll ħarsa ġenerali tal-qagħda finanzjarja u ekonomika ta’ pajjiżna filwaqt li jipprovdi t-tbassir ekonomiku u fiskali għas-sena 2021. Din is-sena minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija COVID-19, dan id-dokument qiegħed jagħti wkoll rendikont tal-miżuri mħabbra mill-Gvern sabiex itaffi l-impatt ekonomiku fuq il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Il-Ministru Scicluna qal, “grazzi għall-politika għaqlija ta’ dan il-Gvern, fil-baġit li ġej naffordjaw inkomplu nipprovdu miżuri biex nissalvagwardjaw il-livell ta’ għixien tal-familji u n-negozji tagħna, minkejja d-daqqa fil-finanzi pubbliċi li ħalliet il-pandemija.”

Il-Ministru Scicluna ta rendikont tal-miżuri li ġew imħabbra fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika. Riżultat ta’ dawn il-miżuri, id-dħul tal-ħaddiema fit-tieni kwart ta’ din is-sena kien protett mid-daqqa ekonomika tal-COVID-19 hekk kif il-pagi u s-salarji żdiedu b’€55 miljun, meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena 2019. Min-naħa l-oħra, il-qgħad fost il-ħaddiema żdied bi ftit tant li pajjiżna rreġistra t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea f’Lulju ta’ din is-sena.

Dawk li jixtru u jbigħu l-propjetà bejniethom iffrankaw madwar €21 miljun f’taxxa, mifruxa fuq madwar 2,400 kuntratt. Id-differiment tat-taxxa sal-aħħar ta’ Mejju laħħaq is-€60 miljun, filwaqt li sal-aħħar ta’ Ġunju 13-il kumpanija u 237 negozji żgħar u medji bbenefikaw mill-Interest Subsidy Scheme. L-akbar għajnuna finanzjarja ngħatat bil-Covid Wage Supplement li sal-aħħar ta’ Lulju laħqet il-€160 miljun, li minnha bbenefikaw madwar 79,500 ħaddiem, 11,400 self-employed u madwar 4,200 kumpanija.

Il-Ministru Scicluna qal li dan il-Gvern ser jibqa’ jkun prudenti u ser jippjana l-baġit b’mod għaqli sabiex jibqa’ jonfoq bi ħsieb f’dawk il-miżuri li huma l-aktar effettivi għall-familji u lin-negozji tagħna. Huwa kompla billi qal li permezz tal-Baġit 2021, il-Gvern ser ikompli jinvesti fuq il-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-viżjoni ta’ dan il-Gvern għal pajjiżna.

Id-dokument ta’ qabel il-Baġit 2021 huwa aċċessibbli b’mod elettroniku mis-sit tal-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji.

9th September 2020

,