Budget fi sfond ta’ klima internazzjonali inċert


Il-Budget għas-sena 2017 huwa wieħed li ser isir f’ċirkustanzi partikolari fejn Malta qed tgawdi minn ekonomija b’saħħitha fi klima internazzjonali inċert minħabba fl-elezzjonijiet fi Franza u l-Ġermanja, u l-Brexit.

Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi, l-Prof. Edward Scicluna hekk kif indirizza l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) flimkien mal-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Dr Helena Dalli f’laqgħa ta’ konsultazzjoni fejn l-imsieħba soċjali ppreżentaw il-proposti tagħhom għall-Budget 2017.

 

MCESD_logo

 

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

U

L-MINISTERU GĦAD-DJALOGU SOĊJALI,

AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR U LIBERTAJIET ĊIVILI

Waqt l-intervent tiegħu l-Ministru Scicluna spjega wkoll li l-Budget 2017 ser isir fl-isfond ta’ diversi avveniment internazzjonali, fosthom elezzjonijiet f’pajjiżi fi Franza u l-Ġermanja u l-kumplessitajiet marbuta mal-Brexit li bosta mexxejja ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li ltaqa’ magħhom fi Bratislava l-ġimgħa l-oħra sostnew li għandhom bżonn minn tal-inqas tliet snin biex jirrilokaw l-operat tagħhom għal pajjiż ieħor fl-EU. Dan waħdu joħloq iktar inċertezza.

Il-Ministru Scicluna tkellem ukoll dwar is-sistema ta’ taxxa Maltija, li hi waħda trasparenti li għaddiet mill-għarbiel tal-istrutturi tal-Unjoni Ewropea u anke tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD). Huwa spjega li t-taxxa f’Malta tolqot lil kulħadd u lil kull settur ekonomiku. Pajjiżna ma jiddiksriminax fit-taxxa bejn kumpanija u oħra permezz ta’ tax rulings bħal ma ġara f’xi pajjiżi oħra.

“L-industrijalizzazzjoni ta’ pajjiżna ġiet imsejsa fuq tax incentives lill-investituri fil-manifattura u t-turżimu, u għadna ngawdu minn din id-deċiżjoni sal-lum. Jiddispjaċini li min ma jifhimx dan qed jikteb fuq il-media li Malta pajjiż li jiġbed lil min irid jaħbi flusu u jiffranka t-taxxi. Dan qed jagħmel dannu enormi lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna għax il-pajjiżi kompetituri jużaw dan ir-rappurtaġġ sensazzjonalista biex iħammiġna,” qal il-Ministru Scicluna. Huwa sostna li t-taxxa taffettwa l-ħajja ta’ kulħadd għax tolqot l-attivitajiet ekonomiċi kollha. “Għalhekk irridu nkunu responsabbli, għax inkunu qegħdin inxejnu l-isforzi li dan il-gvern qed jagħmel meta jiltaqa’ mal-mexxejja ta’ pajjiżi oħra, mexxejja ta’ kumpaniji internazzjonali u istituzzjonijiet internazzjonali oħra li fit-taħdidiet tagħna tant japprezzaw is-suċċessi li kiseb dan il-gvern,” sostna l-Ministru Scicluna.

 

pr161940e

pr161940b

 

Il-Ministru Dalli ħabbret kif mal-ftuħ tal-Parlament f’Ottubru, se jkun preżentat l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-liġi tal-Kunsill tal-MCESD. Dan wara li l-Kabinett approva l-emendi neċessarji.

Dr Dalli semmiet kif kien hemm konsultazzjoni wiesgħa dwar dawn l-emendi li kienu bdew saħansitra taħt amministrazzjoni preċedenti u li iżda għal xi raġuni ma kienux tkomplew. Qalet li kien bis-saħħa tal-gvern preżenti li l-kumitat li kien qed jaħdem fuq l-emendi reġa’ beda bil-ħidma tiegħu biex b’hekk ikollna kunsill aktar demokratiku, li jisma’ u li jifrex aktar ma’ setturi tas-soċjetà tagħna. B’hekk, aktar nies ikunu involuti f’dan il-proċess ta’ djalogu soċjali u f’dal-proċess ta’ konsultazzjoni.

Il-Ministru Dalli ħabbret kif fost il-bidliet maqbula mal-imsieħba soċjali, qed ikun propost livell ieħor ta’ diskussjoni li se jippermetti gruppi, għaqdiet, u NGOs li jidħlu f’livell aktar bikri tad-diskussjoni. “B’hekk, il-gvern se jkun qed jimplimenta a bottom up approach f’dan il-livell ta’ demokrazija” qalet Dr Dalli

Il-Ministru Dalli semmiet ukoll kif l-emendi jipprovdu biex il-Kunsill ikun jista’ jaħtar esperti skont is-suġġett u mhux iżjed numru ta’ esperti li jagħtu l-pariri fuq kollox.

“Dan kollu qed nagħmluh bħala parti mill-proċess demokratiku biex inwessgħu d-djalogu soċjali” sostniet Dr Dalli.

Monday 12th September 2016

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *