Budget b’20 miżura favur il-pensjonanti


Il-Budget għall-2017, fost il-ħafna miżuri mmirati biex itejbu l-qagħda soċjali ta’ min għandu dħul baxx u medju, fih pakkett ta’ 20 miżura mmirati speċifikament għall-pensjonanti.

 

pr162302a

 

Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri tal-budget favur il-pensjonanti mal-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Dr Michael Farrugia.

 

STQARRIJA KONĠUNTA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

U

L-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI

 

Il-Ministru Scicluna ta spjegazzjoni dettaljata ta’ kif pensjonanti bi dħul differenti sejrin jiggwadanjaw minn massimu ta’ €585 fis-sentejn li ġejjin grazzi għall-miżura tat-tneħħija tal-income tax fuq pensjonanti ta’ aktar minn 61 sena li jaqilgħu sa €13,000.

Barra minnhekk, il-Gvern daħħal miżura oħra mmirata sabiex il-pensjonanti igawdu minn traħħis fuq taxxa fuq dħul ta’ €1,000 ġejjin minn sorsi tad-dħul li mhumiex minn pensjoni.

Il-Ministru Scicluna spjega wkoll li ser ikun hemm ukoll rifużjoni ta’ taxxa mid-dħul ta’ dividendi mqasssma minn kumpaniji mniżżla fuq il-Borża ta’ Malta, filwaqt li l-Gvern ikkommetta ruħu li joħroġ government savings bond indirizzati għall-pensjonanti fejn l-imgħaxx ser ikun aktar vantaġġjuż mir-rati kummerċjali offruti bħalissa mill-banek.

 

pr162302b

 

Twaqqaf ukoll fond ta’ €8 miljun biex jindirizza inġustizzji li saru fil-passat b’mod speċjali marbuta mal-pensjonijiet tal-ħaddiema f’diversi setturi.

Dawn l-inċentivi speċifiċi, qal il-Ministru, ser jiswew ’il fuq minn €20 miljun u ma jinkludux in-nefqa rikkurrenti ta’ kull sena li ssir favur l-anzjani, fosthom dawk fil-qasam tas-saħħa.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia qal illi l-Gvern ħass il-ħtieġa li jagħmel budget soċjali sabiex dawk il-persuni li ma gawdewx mill-budgets li għaddew, ikunu jistgħu itejbu l-pożizzjoni tagħhom permezz ta’ dan il-budget.

Il-Ministru Farrugia tkellem dwar il-miżuri li huma maħsuba għall-pensjonanti. Spjega kif koppji miżżewġin fuq il-pensjoni minima ser jiżdiedu €4 fil-ġimgħa jew €208 fis-sena. Minn din il-miżura ser jibbenefikaw 2,500 pensjonant.

Dwar it-tneħħija tat-taxxa mill-pensjonijiet il-Ministru Farrugia qal illi din ir-riforma ser taffetwa 22,000 persuna filwaqt illi 9,500 koppja miżżewġa li għandhom pensjoni waħda u li bħalissa ma jħallsux taxxa ser jingħataw żieda fl-allowance supplemetari.

 

o

 

Il-Ministru Farrugia semma’ wkoll illi l-għotja ta’ €300 lil dawk li għandhom aktar minn 75 sena u jgħixu b’mod indipendenti ser terġa’ tingħata.

Huwa semma aktar miżuri għall-pensjonanti fosthom bonus għall-anzjani li m’għandhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet li jikkwalifikaw għall-pensjoni, ser jiżdied b’€50. Permezz ta’ din il-miżura ser ikunu qed jibbenefikaw 12,500 persuna illi l-maġġoranza tagħhom huma nisa.

Tkellem ukoll dwar dawk il-5,000 persuna li jirċievu l-pensjoni tas-servizz u kif huma ser jibbenefikaw minn żieda ta’ €200.

“Id-diskriminazzjoni fuq il-ġeneru fil-pensjonjiet se tkun qed titneħħa permezz tal-Att tas-Servizzi Soċjali filwaqt illi numru ta’ pensjonanti nisa ser jibbenefikaw minn żieda ta’ €20 fil-ġimgħa li jammontaw għal €1,040 fis-sena,” qal il-Ministru Farrugia.

Dr Farrugia tkellem ukoll dwar l-hekk imsejħa Pensjoni tal-Wens u qal illi fiż-zmien li ġej se jkun qed ibiddel it-terminoloġija ta’ dan il-benefiċċju. Huwa qal illi l-Pensjoni tal-Wens għal min jieħu ħsieb ġenituri anzjani mhux ser tkun aktar means tested. Il-Ministru Farrugia żied jgħid illi l-Pensjoni tal-Wens ser tiżdied għal €14 fil-ġimgħa għal min jaħdem full-time u €35 fil-ġimgħa għal min ma jaħdimx filwaqt illi l-istess pensjoni se tkun introdotta għal min jieħu ħsieb persuna dipendenti ħafna.

Il-Ministru Farrugia qal illi l-pensjonijiet kollha ser jibbenifikaw mill-COLA filwaqt illi l-Gvern se jkun qed joħroġ bonds speċifikament għall-pensjonanti li jkollhom qliegħ akbar flimkien ma’ tax credits għal min jimpjega u joffri skemi ta’ pensjonijiet privati.

Dr Farrugia temm jgħid illi l-proġett tal-live-in carers ser ikun estiż għall-anzjani kollha.

 

Wednesday 19th October 2016 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *