‘bonds’ għall-pensjonanti


“Wegħda oħra mwettqa minn dan il-gvern hi l-ħruġ ta’ bonds għall-anzjani msejħin 62+ Government Savings Bonds. Din il-wegħda hi mezz alternattiv ta’ kif l-anzjani tagħna jistgħu jkomplu jfaddlu u jkollhom dħul aħjar minn dak li joffri s-suq”, qal il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna f’konferenza stampa fil-Ministeru.

 

Il-Ministru spjega li l-ħruġ tas-62+ Savings Bonds hu mmirat speċifikament għal dawk li diġà għandhom 62 sena jew se jagħlquhom din is-sena.

Intqal li għall-bonds li ħarġu fl-2017 daħlu madwar 8,000 applikanti rġiel u madwar 8,130 applikanti nisa. Dawn il-figuri juru r-rata ta’ suċċess ta’ din il-miżura.

Il-Ministru Scicluna fakkar li fid-diskors tal-budget għal din is-sena ħabbar li bonds simili kienu se jerġgħu jinħarġu matul is-sena 2018 ukoll.

Il-Ministru Scicluna żied li dawn il-bonds se jinħarġu b’rata ta’ imgħax ta’ 3 fil-mija, li hi ferm aħjar minn dik tas-suq biex l-anzjani jtejbu d-dħul tagħhom.

Il-Ministru ddiskuta li l-ammont massimu li jista’ jkun investit fil-ħruġ ta’ Bonds 62+ ta’ din is-sena hu ta’ €8,000 filwaqt li l-minimu li wieħed jista’ jinvesti hu ta’ €500 kull persuna.

F’każ ta’ oversubscription tingħata preferenza lil dawk li m’applikawx is-sena l-oħra.

L-ammont massimu ta’ ħruġ għal din is-sena se jkun ta’ €100 miljun. Dawn il-bonds se jkollhom maturità ta’ ħames snin b’imgħax ta’ 3 fil-mija fis-sena li se jitħallas darbtejn fis-sena.

“Ninsab kuntant li bħala gvern, għal sena oħra, irnexxielna nimplimentaw miżura oħra li se tkompli tgħin lill-pensjonanti u li se ttejbilhom id-dħul tagħhom”, ikkonkluda l-Ministru Scicluna.

Id-data tal-ħruġ tal-bonds għal din is-sena hi l-11 ta’ Ġunju, 2018.

        

Tuesday 29th May 2018

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *