Baġit 2020 – Malta Nkomplu Nikbru Flimkien


“Malta mhix waħda minn dawk is-sitt pajjiżi li l-bieraħ il-Kummissjoni Ewropea talbet kjarifiki fuq il-baġits tagħhom. Din hija aħbar pożittiva għal pajjiżna”, tenna l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-Baġit 2020.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

U

MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAS-SERVIZZI FINANZJARJI, EKONOMIJA DIĠITALI U INNOVAZZJONI

Aħbar oħra pożittiva li semma l-Ministru għall-Finanzi kienet li għat-tieni darba, Malta ġiet klassifikata mill-World Economic Forum, l-ewwel fid-dinja għall-istabbiltà makroekonomika.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega kif dan il-Gvern irnexxielu jbiddel il-mod ta’ kif jinħadem u jiġi preżentat il-Baġit ta’ Malta.

“Il-proċess tal-Baġit issa sar eżerċizzju ekonomiku fejn kull miżura tiġi evalwata għall-impatt tagħha fuq il-familji, n-negozji u l-ekonomija inġenerali. Dan filwaqt li naraw li n-nefqa totali ma taqbiżx id-dħul ħalli nkomplu nirreġistraw surplus fil-finanzi pubbliċi”, saħaq il-Ministru għall-Finanzi.

Eżempju ta’ dan hija l-miżura ta’ ‘tax refund’, fejn iċ-ċekk li jirċievi kull ħaddiem huwa bbażat fuq id-dħul u għalhekk min hu l-iktar fil-bżonn jirċievi l-ogħla ammont.

Il-Ministru Scicluna qal kif dan il-Gvern irnexxielu jġib il-baġits aktar kontabbli u trasparenti billi issa qiegħed jirraporta b’mod regolari l-progress fit-twettiq ta’ kull miżura. Barra minn hekk, il-baġit qiegħed ikun ippjanat fuq medda ta’ tliet snin.

Dwar is-Servizzi Finanzjarji, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri spjega kif se tkompli tissaħħaħ il-ħidma tar-regolatur u jkunu antiċipati aħjar l-isfidi f’dan il-qasam tant li se jitwaqqaf Kunsill Konsultattiv li se jservi bħala forum ta’ diskussjoni bejn il-Gvern, l-Awtorità u nies mill-industrija sabiex titfassal strateġija f’dan il-qasam għas-snin li ġejjin fl-istess li jkun esplorati niċeċ bħal Regtech u Fintech.

Għal kuntrarju tal-kritika tal-Kap tal-Opposizzjoni, l-qasam tal-iGaming se jkompli jikber. “Nista’ nħabbar li l-Awtorità Maltija Għal Logħob għandha quddiemha 134 applikazzjoni x’tipproċessa. Dan juri kemm fil-verita s-settur qed jkompli jikber rizultat tat-tisħiħ fil-ligi li tirregola dan is-settur”, qal Silvio Schembri.  Huwa semma wkoll kif il-baġit jaħseb għal inċentivi ġodda sabiex ngħinu lis-setturi tal-Video Game Development kif ukoll dak tal-eSports jkompli jikbru. B’iżjed inċentivi se naslu biex nattiraw kumpaniji u operaturi godda f’dan il-qasam sabiex naraw li jinħolqu 3,000 impjieg ġdid f’10 snin, bil-kontribut tal-Prodott Domestiku Gross tal-industrija jikber għal 1%’ spjega Silvio Schembri.

Niċċa ekonomika oħra li l-Gvern ħaseb għalija fil-Baġit 2020 hija dik tal-Intelliġenza Artifiċjali u anke hawn se nkunu qed nattiraw kumpaniji ġodda sabiex joħolqu l-proġetti tagħhom minn Malta imbagħad jespanduhom fuq livell internazzjonali.

Is-segretarju parlamentari spjega kif sal-llum ingħataw 17-il liċenzja ta’ VFA Agents mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, filwaqt li hemm hames kumpaniji ohra li applikaw għal-licenzja mal-MDIA (Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali) sabiex jservu ta’ Awdituri ta’ Sistemi jiġifieri li joħorgu ċertifikati fuq it-teknoloġija blockchain hekk imsejħa system auditors.

Is-Segretarju Parlamentari Schembri sostna wkoll li hemm numru ta’ kumpaniji ohra li diġà  qegħdin joperaw minn pajjiżna iżda li għanhom jinnotifikaw lil MFSA sabiex mill-1 ta’ Novembru ta’ din is-sena, jiġifieri inqas minn ħmistax ohra, jdaħħlu l-applikazzjoni tagħhom.

Fost dawn il-kumpaniji hemm; 19-il kumpanija tat-tip ‘Initial Virtual financial asset offerings’, kif ukoll 154 -il kumpanija li joffru servizz ta’ VFA minn Klassi 1 sa 4 u li dawn jinkludu wallet providers, exchanges, advisors u market makers fost ohrajn.

Silvio Schembri qal li bix-xogħol li qed iwettaq il-Gvern f’dan il-qasam, qed inkomplu nattiraw kumpaniji ġodda fil-qasam tal-blockchain u fintech, għaliex għandna qafas ħolistiku b’saħħtu li poġġiena bħala punt ta’ referenza ewlieni f’dan is-settur.  Issa li ġew stabiliti numru ta’ proċessi ġodda u ġew imħarġa numru ta’ esperti f’ dan is-settur fi ħdan l-awtoritajiet, se nkunu qed naraw l-ewwel liċenzji għal dawn il-kumpaniji jinħarġu.

 

   

Wednesday 23rd October 2019

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *