Maltese Articles

English Articles

Press Releases

News, Press Releases


Aktar kuxjenza għall-għarfien finanzjarju waqt il-World Investor Week

“It-tagħlim fl-aspett finanzjarju mhuwiex biss għall-bankiera u l-investituri kbar imma għal kulħadd”.  Hekk saħaq il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt it-tnedija tal-World Investor Week li saret fil-Borża ta’ Malta fil-Belt Valletta.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

World Investor Week tiġi mfakkra minn numru ta’ istituzzjonijiet finanzjarji minn madwar id-dinja, fosthom anke l-Borża ta’ Malta.  L-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva huwa sabiex tinħoloq aktar kuxjenza dwar għarfien fl-aspett finanzjarju. Dan it-tagħrif jinkludi investiment, ir-riskji li wieħed jista’ jidħol għalihom u oħrajn li għandu jevita, kif ukoll klassi tal-assi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bonds, proprjetà, u proprjetà immobbli, kif ukoll pjanar finanzjarju għall-futur.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Edward Scicluna semma kif, peress li kull tranżazzjoni ekonomika tinvolvi l-flus, huwa fl-aqwa interess ta’ kull individwu li jitgħallem mingħand entitajiet kompetenti, fosthom l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, il-Borża ta’ Malta, kif ukoll il-Bank Ċentrali, dwar kif jaħdmu istituzzjonijiet finanzjarji li joffru servizzi ta’ investiment u tfaddil, ħalli b’hekk iżomm ruħu aġġornat mit-tagħlim li hemm disponibbli.

Il-ministru saħaq dwar il-fatt li kull investitur, mill-kbir saż-żgħir, għandu jkun protett.  Għaldaqstant, fid-diskors tiegħu huwa għamel referenza għall-Assoċjazzjoni Maltija tal-Azzjonisti ż-Żgħar (Malta Association of Small Shareholders) fejn semma kif anke investitur żgħir mhuwiex sempliċiment xi ħadd li jrid ifaddal, imma huwa dak li jieħu riskju żgħir biex ikollu dħul akbar.

 


Ask Edward