Ħlas ex gratia ta’ darba bbażat fuq is-snin ta’ servizz li l-eks ħaddiema


Kif tħabbar nhar il-Hadd li għadda mill-Prim Ministru, il-Kabinett illum iddiskuta l-każi pendenti ta’ dawk li bħall-membri tal-korpi tas-sebgħinijiet dak iż-żmien setgħu sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet anomali jew żfavorevoli. Il-membri tal-korpi li wara kienu ġew impjegati mal-Gvern diġà ġew indirizzati fl-ewwel skema li tħabbret fil-Baġit għall-2017 u bdiet titħaddem matul dik is-sena stess.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

U

L-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI

 

Fil-laqgħa tal-Kabinett tal-lum saret diskussjoni wiesa’ li ħadet in konsiderazzjoni talbiet oħra li daħlu u li kellhom ċirkustanzi partikulari u sa ċertu punt simili għal dawk tal-membri tal-korpi li għalihom kienet tgħodd l-ewwel skema, fosthom membri tal-korpi li minflok intbgħatu f’dipartimenti tal-gvern ġew impjegati f’entitajiet parastatali, u ħaddiema oħra li għalkemm ma kinux imsieħba fil-korpi tax-xogħol kellhom ċirkustanzi anomali. Il-Kabinett qies li għalkemm dawn kollha m’għandhomx bażi legali għat-talbiet tagħhom, madankollu ċertu ċirkustanzi li esperjenzaw dak iż-żmien jimmeritaw li jkunu kkumpensati.

Il-Kabinett iddeċieda li biex jingħalaq dan il-kapitlu għandu jsir ħlas ex gratia ta’ darba bbażat fuq is-snin ta’ servizz li l-eks ħaddiema damu fl-impjieg ma’ korporazzjonijiet u entitajiet oħra fis-settur pubbliku minn Jannar tal-1979 sa l-età tal-irtirar tagħhom jew terminazzjoni mis-settur pubbliku. Dan il-ħlas se jkun immirat għal dawk li kienu fil-korpi u wara qalbu ma’ korporazzjonijiet jew entitajiet pubbliċi, fosthom eks ħaddiema tat-Telemalta u oħrajn, eks ħaddiema tal-Gas Board u eks-apprentisti tal-Malta Electricity Board.

 

Il-ħlas ex gratia ta’ darba jġorr miegħu rabta li l-applikant jirrinunzja għal kull pretensjoni oħra marbuta mal-iskema u jwaqqaf u jirtira kull kawża jew kawżi magħmula kontra l-Gvern, awtoritàjew entità oħra governattiva. Il-ħlas ex gratia se jkun qed jingħata fuq medda ta’ snin.

 

Din l-iskema, li bħall-ewwel waħda tapplika għal ċittadini Maltin se tkun immexxija mill-Ministeru għall-Finanzi flimkien mal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali,tapplika għall-perjodu ta’ żmien li applikant ħadem fis-settur pubbliku matul il-perjodu ta’ bejn 16 ta’ Jannar 1979,  jew id-data tal-ingaġġ uffiċjali tiegħu jekk wara, u d-data meta l-applikant temm il-kariga tiegħu fis-settur pubbliku.

 

Din l-iskema tgħodd ukoll għall-eredi ta’ dawk l-individwi eliġibbli skont il-kundizzjonijiet tal-iskema u li jkunu mejta meta ssir is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-għotja taħt din l-iskema. L-iskema ma tapplikax għal dawkl l-individwi li jirċievu, jew għandhom id-dritt jirċievu, pensjoni skont l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet, l-Att dwar il-Pulizija, l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta, jew xi pensjoni oħra tas-servizz.

 

Id-dettalji tal-iskema flimkien mas-sejha għall-applikazzjonijiet se jkunu ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 24 ta’ Mejju 2019. L-applikazzjonijiet iridu jsiru fuq formola apposta u jkunu akkumpanjati minn dokumenti li jsostnu l-applikazzjoni.  Id-data tal-għeluq tal-applikazzjoni se tkun is-26 ta’ Lulju 2019.

 

Dawk il-persuni li kienu fil-korpi u wara qalbu ma’ xi korporazzjoni jew entità pubblika u li kienu bagħtu applikazzjoni taħt skemi oħra li xxandru fil-Gazetta tal-Gvern tat-2 ta’ Mejju 2017 u/jew tas-17 ta’ April 2018 jridu japplikaw mill-ġdid biex l-applikazzjoni tagħhom tkun ikkunsidrata taħt l-iskema l-ġdida.

 

L-ewwel pagamenti taħt din l-iskema se jsiru aktar tard din is-sena.

21th May 2019

 

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *