Fondazzjoni tal-Impjegati tal-GO


Matul l-aħħar xhur, il-Gvern kien impenjat f’taħdidiet mat-tmexxija tal-Fondazzjoni tal-Impjegati tal-GO biex tinstab triq għall-ġejjieni sostenibbli għal din il-fondazzjoni u biex issir ġustizzja ma’ ħaddiema preżenti u passati.  Kien intlaħaq ftehim mat-tmexxija tal-Fondazzjoni, liema ftehim iżda ma ġiex aċċettat mill-membri.
Minflok, il-membri, jiġifieri l-impjegati preżenti tal-GO, qed jipproponu lill-Gvern li l-Fond jiġi llikwidat u li wara li jitħallsu l-kredituri, il-bilanċ (madwar ħames miljun ewro) jitqassmu bejn l-impjegati preżenti.

GO

 STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

Il-Gvern mhux f’pożizzjoni li jagħti l-kunsens tiegħu għal din it-talba għal-likwidazzjoni għal dawn ir-raġunijiet:

(a) Il-parir legali mgħoti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien li l-likwidazzjoni u l-qsim tal-assi bejn il-membri preżenti ta’ fond ta’ pensjoni li kien irċieva għajnuna minn għand il-Gvern bil-kundizzjoni illi dik l-għajnuna sservi skop partikolari, tista’ wkoll  tiġi meqjusa mill-Qrati bħala att ta’ misapproprijazzjoni  kriminali. Dan billi azzjoni bħal din, tkun qegħda, kontra l-iskop li għalih ingħatat l-għajnuna mill-Gvern,  iċċaħħad pensjonanti futuri mill-possibbiltà li jieħdu somma meta jilħqu l-età pensjonabbli filwaqt li l-flus jinqasmu bejn il-membri preżenti kontra l-iskop li għalih twaqqaf il-Fond bl-għajnuna kbira tal-Gvern;

(b) L-istess parir jikkonferma d-dubju dwar il-legalità tal-mod kif inġabet il-maġġoranza ta’ voti meħtieġa skont l-istatut tal-Fondazzjoni, minħabba li dan sar billi ngħataw units lil min ma kienx intitolat għalihom skont ir-regoli minimi tal-Fondazzjoni li ma setgħux jinbidlu. Dawn il-units jissarrfu f’kumpens monetarju jekk il-Fond jiġi llikwidat;

(c) Il-membri tal-Fondazzjoni injoraw għal kollox l-offerta tal-Gvern, li fuqha kien hemm qbil mar-rappreżentanti tal-istess impjegati li qegħdin fuq il-Bord tal-Fondazzjoni, fejn il-Fond kien ser jissaħħaħ u jagħti l-flessibbiltà neċessarja biex ikun investiment li jwassal għas-sostenibbiltà ta’ dan il-Fond, li minnu jgawdu sew il-benefiċċjarji preżenti kif ukoll dawk futuri.

Ta’ min wieħed jgħid li l-Gvern offra li jaħfer somma ta’ ftit anqas minn miljun ewro mill-flus li din il-Fondazzjoni għad għandha tħallas mis-self li kien ingħata lill-Fondazzjoni meta twaqqfet fl-1998. Dan is-self kien ingħata sabiex jinxtraw l-ishma fil-kumpanija, li dak iż-żmien kienet il-Maltacom.

Il-Gvern ried li l-Fondazzjoni tqabbad nies esperti fil-qasam finanzjarju sabiex jamministraw il-fond ħalli kull impjegat li jkun ħadem mal-kumpanija u jilħaq l-età tal-irtirar jew jispiċċa mill-impjieg mal-kumpanija, jieħu somma diċenti. Fl-istess ħin isir il-ħlas tad-djun pendenti, sew mal-ħaddiema kif ukoll mal-Gvern.

onenews_logo   tvm_com_mt-Logo-HI-rRES-SOLID-COLOUR

Monday 25th July 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *