Żvilupp Sostennibli : X’ifisser?


Il-kelma sostennibilita` tintuża sew minn uffiċjali tal-gvern li jiddikjaraw il-politika tal-gvern bħala waħda sostennibli, kif ukoll mill-opożizzjoni li jikkritikaw xi poltika tal-gvern, għal fatt li jgħidu li ma hix sostennibli.

Ħafna drabi l-kelma sostennibilita’ nużawha ma’ kelma oħra :  l-iżvilupp u ngħidu “żvilupp sostennibli”. Bħal kull ħaġa oħra din il-kelma għandha oriġini. L-oriġini tagħha ma jmurx daqshekk lura. Daħlet fis-seħħ madwar 25 sena ilu, meta d-difiża tal-ambjent permezz tat-trażżin tal-iżvilupp ma rnexxiex.

“Illum il-ġurnata l-għażla ma hijiex jekk tiżviluppax, iżda x’tip ta’ żvilupp tagħżel.”

It-tieni Gwerra dinjija ħalliet ħerba, ġuħ u faqar kbir. Għalhekk il-prijoritajiet tal-poplu fis-snin ta’ wara kien l-iżvilupp. Pajjiżi żgħar u kbar riedu jerġgħu jieħdu r-ruħ u r-rota terġa’ tibda ddur. Riedu li l-livell tan-nies jerġa’ jibda jitjieb. Għalhekk l-iżvilupp beda jseħħ u f’pajjiżi oħra dan beda jsir b’rittmu iżjed mgħaġġel minn oħrajn. Fost dawn il-pajjiżi kien hemm il-Ġappun. Dan il-pajjiż li ma kellux l-obbligu li jonfoq fuq armati u ħwejjeġ militari, wara l-gwerra tefa’ ħarstu kollha fuq l-innovazzjoni u l-produzzjoni. Permezz tal-esportazzjoni mill-prodotti tiegħu rnexxielhu jkollu tkabbir ekonomiku li kien qabeż sew l-10%. Mall-Ġappun kien hemm pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti li saret iktar b’saħħitha anke waqt il-gwerra.

It-tkabbir ekonomiku beda jinħass sena wara sena l-aktar fil-ħamsinijet u s-sittinijiet. Dawn huma meqjusa bħala s-snin tad-deheb għall-ekonomija globali u bħala l-aħjar snin li qatt rat id-dinja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tkabbir ekonomiku u tal-kummerċ globali. Madankollu dan it-tkabbir beda jħalli wkoll ħafna problemi ambjentali.

 

L-ewwel problema feġġet fil-Ġappun. Minimata kien port u żona industrijali sħiħa fejn kienu jarmu l-iskart u l-likwidi tossiċi tagħhom b’ċertu metalli bħal merkurju u ċ-ċomb ġol-baħar. Dan kien ħalla effett kbir fuq il-ħut u l-għixien tal-baħar, tant li f’daqqa waħda tfaċċat dik li ngħidula ‘Minimata Disease’.  Din il-marda kienet taffettwa s-sistema nervitorja u ċentrali tal-bniedem b’mod ikrah u ħalliet imwiet u diżabilitajiet kbar, b’mod partikolari fost l-eluf ta’ familji tas-sajjieda.

 

Kien hemm ukoll l-inċident ta’ Seveso fl-1976 fir-reġjun tal-Lombardija fl-Italja. Hawn kellek fabbrika li nixxiet gassijiet valenużi – dijossina – li ħallew mard u mwiet flimkien ma’ korrimenti ta’ twelid fin-naħa ta’ Milan. Il-Gvern kellu joħroġ mal-€120 biljun sabiex jagħmel tajjeb għal din il-ħsara u jikkumpensa l-familji affettwati.

 

Każ simili kien dak tal-‘Love Canal’ fl-Amerka ħdejn in-‘Niagra Falls’, fejn kienu ntremew xi 80 tip ta’ kimika f’dan il-kanal. Wara xi żmien bdew jidhru affarijiet mhux normali fit-twelid tat-trabi, fejn il-poplu tal-madwar beda jirrealizza li kien hemm xi ħaġa ħażina u li qed issir hemm biss.

 

F’dawn l-avvenimenti b’mod partikolari f’dan tal-aħħar, id-dinja bdiet tirrealizza li l-iżvilupp kien qed iħalli effetti detrimentali u negattivi kbar, kemm fuq is-saħħa u l-ambjent. Qabel dawn l-avvenimenti ħadd ma kien jitkellem jew jikteb fuq l-ambent, ma kienx hawn organizazzjonijiet non-governattivi fuq l-ambjent.  Dawn kollha twieldu fis-sebgħinijiet, riżultat ta’ dan it-tniġġis sew fuq l-art, fl-arja u fil-baħar.

 

L-ewwel ‘summit’ globali dwar l-ambjent sar fl-1972 fi Stokkolma. Dan kien tratta l-‘Ambjent Uman’, bil-mira li jrażżan l-iżvilupp ekonomiku li kien qed issir dak iż-żmien. Pero’ l-għan ma kienx intlaħħaq għax l-iżvilupp huwa diffiċli li trażżnu. Huwa ovvju li ma tistax twaqqaf pajjiż milli jikber u jiżviluppa, allura d-dinja kellha bilfors terġa’ tfittex u tara x’inhi l-aħjar politika u rimedju.

 

Kellhom jgħaddu 20 sena minn dan is-‘summit’ biex sar ieħor fl-1992, f’Rio Di Janeiro. Is-suġġett ewlieni ma kienx biss l-ambjent, iżda ntroduċa għall-ewwel darba t-tema ta’ żvilupp sostennibli.

Din il-frażi tfisser l-iżvilupp li jindirizza l-bżonnijiet tal-bniedem mingħajr ma jikkomprometti l-bżonnijiet ta’ ġenerazzjonijiet futuri. Jiġifieri l-aċċen m’huwiex kontra l-iżvilupp, għax il-bniedem għandu bżonn l-iżvilupp. Kull bniedem jixtieq jara lit-tfal tiegħu aħjar minnhu u allura m’hemm xejn ħazin li l-iżvilupp jgħaqqdi l-bżonnijiet tal-bniedem biex jipprogressa.

 

Għalhekk il-bniedem induna li jrid jara li kull pjan ta’ żvilupp u proġett irrid ma jagħmilx ħsara lil ġenerazzjonijiet futuri. Dan biex huma wkoll jgħaqdu l-bżonnijiet tagħhom. Illum il-ġurnata l-għażla ma hijiex jekk tiżviluppax, iżda x’tip ta’ żvilupp tagħżel. Wieħed irrid jgħażel l-aħjar pjan fost bosta għażliet bl-inqas ħsara fuq l-ambjent, sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jkomplu jgawdu dan l-iżvilupp b’mod sostennibli.

 

Fejn qabel kellek il-ġlieda bejn l-ambjentalisti u dawk favur l-iżvilupp, illum din il-problema rajna li ma twassalna mkien u minflokk flimkien, irridu naħdmu biex insibu l-kompromessi. Malta rridu naħdmu iżjed minn ħaddieħor, għax għandna l-limitazzjoni tar-riżorsi naturali.

Ma nistgħux inreġgħu l-arloġġ lura għal qabel RIO 1992. Ma nistgħux niġġieldu kontra l-iżvilupp. Minnflok irridu nimbuttaw favur għażliet ta’ żvilupp l-inqas li jagħmlu ħsara lil pajjiżna.

Il-Ġimgħa 8 ta’ Frar 2019


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *