Maltese Articles


TQASSIM TAL-ĠID MINGĦAJR EWRO WIEĦED ŻIEDA DEJN

TQASSIM TAL-ĠID MINGĦAJR EWRO WIEĦED ŻIEDA DEJN

Għaddew sitt ijiem mill-baġit li preżentajt il-ġimgħa l-oħra, u matul din il-ġimgħa wieħed seta’ jifli u jara x’kienu il-kummenti speċjalment dawk minn naħa tal-Oppożizzjoni. Matul din il-ġimgħa kien hemm minn qalli li ma għandix għalfejn ninkwieta jew naħli ħin jew enerġija fuq din il-kritika. Iżda naħseb li f’pajjiż demokratiku huwa d-dmir tal-gvern li jwieġeb lil Oppożizzjoni.

Tista’ tgħid li l-Oppożizzjoni hi mitlufa f’kontradizzjonijiet, bl-ewwel waħda tkun li dan hu baġit tal-elezzjoni. Jien ma ddejjaqni xejn li jgħidu li dan baġit tal-elezzjoni. Mela b’dan il-qis nistgħu ngħidu li kellna seba’ elezzjonijiet f’perjodu ta’ ħames  snin. Dan għaliex kull baġit ġie meqjus bħala tal-elezzjoni. Id-differenza kbira hi li  aħna fl-elezzjonijiet ma’ żlaqniex fil-bilanċ tal-finanzi tal-gvern, iżda spiċċajna b’surplus.

Għal kuntrarju ta’ kull baġit tal-elezzjoni tagħhom, l-għada tal-elezzjoni kullħadd kien ikun imwerwer għax kien hemm żelqa kbira, fosthom defiċit li jaqbeż it-tlieta fil-mija, dħalna fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv sew fl-2003,  u fl-2008, mbagħad jibdew d-daqqiet tal-frosta u ssikar taċ-ċintorin.

Fil-bidu tal-Partit Nazzjonalista kienu jgħidu li t-tkabbir ekonomiku qed nagħmluh bin-nies li qed indaħħlu jaħdmu mal-gvern. Tmur tara l-istatistika u tgħid imma din minn fejn qed iġibuha, għax fi żmienhom ir-rata tan-nies jaħdmu mal-gvern kien hemm tmienja u għoxrin fil-mija tal-‘Labour Force’. Aħna dan niżilnih għal anqas minn 23 fil-mija. Uħud min-nies li daħħalna huma dawk tal-bżonn bħal tobba, nurses, teachers, social workers u żgur li mhux se noqgħodu lura milli nagħtu servizzi aħjar.

L-Oppożizzjoni kritikatna imbagħad għax ma nfaqnix biżejjed. Mela l-ewwel jgħidu li żidna n-nefqa u konna ġenerużi u f’daqqa waħda sirna xħaħ, mill-istess naħa. Ir-risposta hija li qed nonfqu bil-qies u b’responsabilita kbira. Aħna bdejna stil ġdid: dik li l-pajjiżna ma rriduhx bid-dejn, u dan għandu jonqos gradwalment. Jiġifieri bil-qies qed nagħmlu miżuri li jiġu attwati s-sena d-dieħla u matul il-leġislatura u li permezz tagħhom il-gvern għandu jonfoq skond il-mezzi tiegħu.

Qalulna wkoll li dan hu baġit bla viżjoni! Mhux talli għandna viżjoni iżda għandna ‘Roadmap’ dettaljata ta’ fejn irridu nmorru u fejn sejjrin. Jiġifieri, nafu t-triq metru b’metru ta’ minn fejn ser ngħaddu. Sistema li turik s-suċċess u anke fejn fadalek timxi biex tkompli tilħaq is-suċċess. Din ir-‘roadmap’ għanda twasalna sabiex aħna nkunu l-aqwa pajjiż fl-Ewropa.

L-Oppożizzjoni ffissat fuq il-COLA jiġifieri l-kumpens għal-ogħli tal-ħajja. Din hi l-unika miżura li l-Ministriu tal-Finanzi mhux jiddetermina imma jħabbar bhal ma għamel l-istess kull Ministru għal dawn l-aħħar 27 baġits. Dan għaliex il-mekkanizmu jinħadem b’mod awtomatiku u r-rizultati jintbgħatu lejliet il-baġit  mill-MCESD  fuq ftehim eżistenti bejn il-unjins u min iħaddem.

Il-Gvern Laburista iżda jindirizza il-piż tal-familji l-ewwel net billi jaqta t-taxxa. Qtajna €45 miljun fl-ewwel tlett snin flimkien mal-€50 miljun fi qtugħ ta’ tariffi ta’ dawl u ilma li flimkien jiġu mal-mitt miljun ewro, flus li l-Gvern tagħhom lura lil poplu. Għas-sena d-dieħla ħabbarna xita ta’ miżuri soċjali fosthom wkoll €22 il-miljun ewro f’zieda għal pensjonanti u €9 oħra fi qtugħ ta’ taxxa minn fuq il-pensjonijiet. Dawn il-miżuri kollha jammontaw ghal izjed minn mitt miljun ewro.

It-tfal huma  piż finanzjarju fuq kull familja u għalhekk dejjem qed norjentaw il-benefiċċji tagħna għal familji bit-tfal sabiex inpattu għal dak il-piż. Daħħalna wkoll l-‘in-work benefit’ li għal dawk li jaħdmu fejn għal kull wild qed jieħdu ċ-children allowance li żidna aħna bi €96 fil-ġimgħa għal kull wild. Qed nagħtu wkoll transport b’xejn lil dawk kollha li jmorru kemm skola tal-istat u anke tal-privat fejn  qabel kienu qed iħallsu mas-€700 kull wild. Dan filwaqt li tgħajna ‘Tal-Linja Card’ b’xejn lil żgħażagħ ta’ bejn l-erbatax il-sena u l-għoxrin sena.

La qed nitkellmu dwar l-istudenti tajjeb insemmu l-istipendji, fejn il-Partit Nazzjonalista kien jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Edward Scicluna se jnaqqsu l-istipendji. Mhux talli qtajnihom iżda allokajna budget akbar li illum jammonta ghal tlettin miljun ewro.

Intemm dan l-artiklu bl-iskema tal-First Time Buyer li sa issa bbenefikaw minnha aktar minn tmintax il-elf koppja li ħadu mal-€5,000 kull wieħed u li l-Gvern switlu €90 miljun liż-żgħażagħ, apparti l-pensjonanti, persuni b’diżabilita.

Il-bagit jaħseb f’kulħadd. Nistgħu ngħidu li b’dan il-baġit aħna qed ngħixu s-suċess għaliex -dan il-ġid kollu qed jitqassam mingħajr l-anqas żieda ta’ ewro wieħed ta’ dejn.

Il-Ġimgħa 2 ta’ Novembru 2018


Ask Edward