Solidarjetà mal-Greċja


Fil-Kalendarju u skeda ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew (PE), il-ġimgħa li għaddiet kienet skedata bħala waħda li matulha jsiru diskussjonijiet fi ħdan il-Gruppi Politiċi rappreżentati fil-PE, fil-każ tagħna s-Soċjalis­ti u d-Demokratiċi (S&D). Din id-darba flok ma ltqajna fi Brussels iltqajna f’Ateni, il-Greċja. F’Ateni b’żewġ għanijiet, b’turija ta’ solidarjetà mal-Gvern Soċjalista Grieg f’dak li għaddej minnu bit-tmexxija tal-pajjiż u fl-istess ħin biex nevalwaw u nitgħallmu minn pajjiż li qiegħed jesperjenza kriżi kbira.

Il-Partit Soċjalista Grieg minkejja li kien konxju li l-pajjiż ma kienx qed jitmexxa sew, ċertament li ma kienx konxju mir-realtà tas-sitwazzjoni li ħallietlu l-amministrazzjoni konservattiva ta’ qab­lu. Kien meta ngħata t-tmexxija tal-pajjiż li verament seta’ jara l-kontijiet reali. Li seta’ jara x’kien hemm taħt it-tapit. Kien hemmhekk li sab ma’ wiċċu kemm kienet tvarja l-istatistika provduta lill-Unjoni Ewropea u lill-poplu Grieg minn dik li verament kienet. Statistika li tat minnufih tagħlima lill-Unjoni Ewropea li ma kellhiex toq­għod kompletament fuq, u tieħu bħala sagru, dak provdut lilha minn kull pajjiż membru tagħha.

Żviluppat il-kriżi fil-Greċja. L-effett tagħha ma kienx, u mhux, biss fuq il-Greċja. Int­laqtet serjament iż-Żona Ewro u l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-Greċja kienet f’xifer falliment. Lanqas setgħet tkompli tissellef b’rati għoljin ħafna. Ħadd ma ried jislifha aktar għax is-sogru kien kbir wisq. It-Trattat tal-UE lanqas biss jaħseb għal eventwalità bħal din. Anzi. Qatt ma kien maħsub li xi pajjiż membru tal-UE, li l-munita ewro, jiġu f’sitwazzjoni bħal din.

Inħoloq mekkaniżmu temporanju biex jgħin lill-Greċja ma tfallix. Daħlu għall-parti minn dan il-piż il-pajjiżi l-oħrajn membri tal-UE u taż-Żona Ewro b’mod partikolari, fosthom Malta. Il-Fond Monetarju Internazz­jonali (IMF) qabel li jislef hu wkoll lill-Greċja. Għal dan kollu hemm prezz x’jitħallas. Il-kundizzjonijiet li taħthom isir dan is-self u miżuri ħorox li jintalbu huma tali li mhux ta’ b’xejn kulħadd jipp­rova ma jaqax għalihom.

Din il-ġimgħa servietna biex nitkellmu mal-mexxejja tal-Gvern Grieg, fosthom mal-Prim Ministru Georios Papandreou, mal-Ministru tal-Finanzi George Papa Costantinou, u mal-Ministru tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali Louka Katseli. Evalwajna fejn waslet il-Greċja skont il-pjan ta’ ħidma mifrux fuq tliet snin u jekk intlaħqux il-miri stabbiliti skont dan il-pjan.

Hija storja magħrufa ta’ kif il-poplu Grieg irreaġixxa u qed jirreaġixxi għall-miżuri ta’ awsteri­tà li kellu jdaħħal il-Gvern Soċjalista waqt li min kien responsabbli għal dan id-diżastru, il-Partit Konservattiv fil-Gvern preċedenti, qiegħed gallarija. Fi ftit xhur l-ispiża nqatgħet bi €30 biljun u d-defiċit ikun waqgħa b’sitt punti perċentwali.

L-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, qed turi dak li konna bassarna. L-ekonomija Griega kompliet sejra lura u d-djun qegħdin ikomplu jikbru. X’tistenna minn programm t’awsterità daqshekk aħrax.

Wieħed ma jridx jinsa li dak li ħarġet il-Ġermanja, Malta u pajjiżi oħrajn biex isir dak li jissejjaħ ‘bail out’, qed jingħata għax il-Greċja ma sabitx lil min ikompli jislifha. Għalhekk minnu nnifsu l-‘bail out’ mhux se jgħin lill-ekonomija tqum fuq saqajha. L-ekonomija jgħinuha l-miżuri li jieħu l-Gvern. Ir-ristrutturar li jgħin biex l-ekonomija ssir kompetittiva u li tikber. Il-tnaqqis drastiku fid-djun u defiċit huwa dak li ġie mitlub jagħmel il-Gvern.

Xi ħaġa li qed jagħmluha. L-ispiża qatgħuha bi €30 elf miljun u d-defiċit niżżluh b’sitt punti perċentwali. Tnaqqsu l-pagi. Tnaqqsu l-pensjonijiet. Tnaqqru xi servizzi soċjali wkoll bl-isfortuna li l-akbar piż qed ikollu jġorru l-ħaddiem u l-pensjonant, xi ħaġa li qed tinkwieta bil-kbir lill-Gvern Soċjalista Grieg.

Ma’ dawn il-miżuri l-Gvern Grieg dar ukoll fuq dawk li kie­nu jevadu t-taxxi, fuq dawk li għandhom assi li ma kinux iħallsu fuqhom, u fuq flus li kie­nu qabel moħbijin barra l-pajjiż. Imma jibqa’ l-fatt li l-ekonomija Griega ċkienet flok kibret. Għall-ewwel niżlet bi 2%, imbagħad bi 3% u fl-aħħar xahar waqgħet b’6%.

Dik hija l-parti negattiva li kulħadd kien qed jistenna u li kienet pjuttost prevista.

Hemm ukoll il-parti pożittiva, fis-sens li bil-mod ta’ kif qed jaqtgħu l-ispiża qed tiżdied l-esportazzjoni. Fil-fatt l-esportazzjoni għall-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet paragunat mal-aħħar tliet xhur tas-sena ta’ qabel, żdiedet b’40%. Riżultat sinifikattiv u ta’ inkoraġġiment qaw­wi.

Eżerċizzju interessanti li għaddej bih il-Gvern Grieg huwa li flok juża l-flus għal benefiċċji tal-qgħad qiegħed jużahom biex jinħoloq ix-xogħol. Qegħdin jingħataw sussidji u jitħallsu l-bolli u s’issa nħolqu 55,000 impjieg ġdid mif­ruxin f’kull qasam – minn xogħol għal nies gradwati għal xogħol għal nies bla snajja’ jew professjoni. Inċentivi biex jinħoloq ix-xogħol ta’ min jinkoraġgihom. F’dan l-eżerċizzju qed isir użu tajjeb ħafna minn fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea li kienu għadhom ma ntefqux s’issa.

Sadanittant l-IMF qed tgħid lill-Gvern Grieg biex ibigħ l-assi tiegħu bil-għan li jitwaqqgħu d-djun mingħajr ma jkompli jaqta’ mill-ispiża pubblika u fl-istess ħin ma tkomplix tingħafas l-ekonomija, eżerċizzju ta’ privatizzazzjoni. Fir-rigward ta’ dan l-eżerċizzju hemm differenza kbira bejn is-somma li kellu f’moħħu l-Gvern Grieg, dik ta’ €7 biljun u dak li qed titlob l-IMF, assi li jtellgħu sa €50 biljun.

Fil-Parlament Ewropew il-Konservattivi qegħdin jitolbu li pajjiżi bħal Greċja jħallsu penali wkoll, bħala tip ta’ sanz­jonijiet. Staqsejt għalhekk lill-Ministru dwar dan. Weġbitni u qaltli li kieku kien hemm xi sanzjonijiet xi jħallsu u li ma kinux għall-fondi strutturali l-qgħad kien jikber u jitla’ anke sa 20% minflok 14% bħal issa.

Dan kollu jikkonferma kemm għandna raġun li nkunu kontra li jkun hemm sanzjonijiet fuq pajjiżi li jkunu mitlubin jimxu fuq programmi ta’ awsterità. Nemmnu li għandu jsir l-oppost u l-flus li nisilfuhom għandhom jintu­żaw f’investiment għall-ħol-qien tax-xogħol.

L-aktar importanti huwa x’se tagħmel l-ekonomija Griega. Jekk din, waqt li qed jonqos id-dejn u jonqos id-defiċit, hix kapaċi tirpilja, issir kompetittiva u jiżdiedu l-impjiegi. Xi ħaġa li l-Gvern Grieg qed jittama li sseħħ matul is-sena 2012.

Iż-żjara tagħna fil-Greċja seħħet fi żmien meta fil-Parlament Ewropew jien u sħabi qed naħdmu fuq leġislazzjoni li parti minnha għandha skop li nipprevjenu kriżijiet simili u parti oħra li naraw kif noħorġu l-pajjiżi minnha.

Ċertament sibt li l-istorja attwali tal-Greċja għandha ħafna tagħlimiet x’tagħtina.


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *